18.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1204

tad-9 ta’ Ġunju 2020

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taż-żieda tad-dicofol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (3) (“il-Protokoll”).

(2)

L-Anness A tal-Konvenzjoni (“l-Eliminazzjoni”) fih lista ta’ sustanzi kimiċi li kull Parti għall-Konvenzjoni hija mitluba li tipprojbixxihom u/jew twettaq il-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa biex jiġu eliminati l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom.

(3)

Fid-disa’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ġie deċiż li l-Anness A tal-Konvenzjoni jiġi emendat biex id-dicofol ikun inkluż f’dak l-Anness, f’konformità mal-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni.

(4)

Għaldaqstant, il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, li fiha lista tas-sustanzi elenkati fil-Konvenzjoni u fil-Protokoll, kif ukoll is-sustanzi li huma elenkati biss fil-Konvenzjoni, jenħtieġ li tiġi emendata wkoll biex tkun tinkludi d-dicofol.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45.

(2)  ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3.

(3)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, tiżdied l-entrata li ġejja:

Sustanza

Nru CAS

Nru KE

Eżenzjoni speċifika fuq użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra

“Dicofol

115-32-2

204-082-0

Xejn”