10.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1176

tas-7 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1387 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ applikazzjoni ta’ ċerti miżuri fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-miżuri introdotti għall-finijiet tal-konteniment tal-pandemija tal-COVID-19 ixekklu serjament il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-industrija tal-avjazzjoni biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta’ għadd ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

(2)

Il-konfinament u t-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-disponibbiltà tal-impjegati, flimkien mal-ammont ta’ xogħol addizzjonali meħtieġ biex jiġu ġestiti l-konsegwenzi negattivi sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19 għall-partijiet ikkonċernati kollha, qegħdin ixekklu t-tħejjijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1387 (2) jistabbilixxi standards ġodda dwar il-kalkoli tal-prestazzjoni tal-inżul tal-inġenji tal-ajru, li huma applikabbli mill-5 ta’ Novembru 2020. Biex jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards timpedixxi l-proċess bla xkiel tat-tkomplija tat-titjiriet fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 minħabba rekwiżiti operazzjonali addizzjonali, l-applikabbiltà tagħhom jenħtieġ tiġi posposta biex l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jippreparaw għall-implimentazzjoni tagħhom.

(4)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ikkonfermat lill-Kummissjoni li l-posponiment tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 3 għal żmien limitat huwa possibbli, mingħajr effett detrimentali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni, minħabba li dawk ir-regoli fihom mitigazzjonijiet tekniċi għall-industrija li aħjar jiġu implimentati bl-aħjar mod f’ambjent operazzjonali normali.

(5)

Bil-għan li l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati kollha jingħataw sostenn matul il-pandemija tal-COVID-19 u biex ikunu jistgħu jadattaw il-pjanijiet tagħhom biex jippreparaw għall-applikazzjoni posposta tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1387, id-data “5 ta’ Novembru 2020” hija sostitwita bid-data “12 ta’ Awwissu 2021”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1387 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kalkoli tal-prestazzjoni tal-inżul ta’ ajruplan u l-istandards għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway, l-aġġornament ta’ ċertu tagħmir u rekwiżiti tas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru u l-operazzjonijiet mingħajr approvazzjoni operattiva fuq distanza estiża (ĠU L 229, 5.9.2019, p. 1).