10.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1173

tal-4 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda t-tul tal-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 290(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(1) u 23a tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 12(1) u 32b tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Ġunju 2018, ġie ppubblikat ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 (minn hawn’ il quddiem “ir-Regolament anti-dumping bażiku”) u r-Regolament (UE) 2016/1037 (minn hawn’ il quddiem “ir-Regolament antisussidji bażiku”).

(2)

Sabiex jittejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-investigazzjonijiet anti-dumping u dawk dwar id-dazju kumpensatorju, il-partijiet li se jintlaqtu mill-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji anti-dumping u kumpensatorji, b’mod partikolari l-importaturi, jeħtieġ li jiġu infurmati dwar l-impożizzjoni imminenti ta’ tali miżuri. Barra minn hekk, f’investigazzjonijiet fejn ma jkunx xieraq li jiġu imposti miżuri proviżorji, huwa ideali li l-partijiet ikunu infurmati minn żmien kmieni biżżejjed b’tali nuqqas ta’ impożizzjoni. Għalhekk, ġie introdott perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari ta’ tliet ġimgħat.

(3)

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 12(1) tar-Regolament antisussidji bażiku, sad-9 ta’ Ġunju 2020 il-Kummissjoni kellha twettaq rieżami dwar jekk tkunx seħħet żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari u jekk, fil-każ li tali żieda seħħet, din iż-żieda kkawżatx dannu addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni, minkejja l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni jew aġġustament għall-marġni ta’ dannu.

(4)

Abbażi ta’ dan ir-rieżami, huwa mitlub mill-Kummissjoni li temenda l-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari għal ġimagħtejn fil-każ ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet li kkawżaw dannu addizzjonali u għal erba’ ġimgħat meta dan ma jkunx il-każ.

(5)

Kif stabbilit fl-Artikoli 7(1) u 23a(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 12(1) u 32b(2) tar-Regolament antisussidji bażiku, dan ir-rieżami huwa obbligu għall-Kummissjoni li jista’ jitħaddem darba biss.

(6)

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/825 fit-8 ta’ Ġunju 2018 ’l hawn, il-Kummissjoni bdiet 19-il investigazzjoni (4) skont l-Artikolu 5 tar-Regolament anti-dumping bażiku u sitt investigazzjonijiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament antisussidji bażiku.

(7)

Għal tnax minn dawn l-investigazzjonijiet, it-tnejn għaddew l-istadju proviżorju u hemm ukoll data tal-importazzjoni disponibbli għall-perjodu ta’ divulgazzjoni preventiva. Għalhekk setgħu jiġu analizzati biex isir rieżami dwar jekk seħħitx żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari (5).

(8)

L-għadd ta’ każijiet disponibbli għall-Kummissjoni biex tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq jekk seħħitx żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari għalhekk huwa, u kif mistenni fiż-żmien meta ġie maqbul ir-Regolament (UE) 2018/825, limitat. Madankollu, f’dawk il-każijiet wieħed jista’ jara xejra ċara.

(9)

F’sitta minn dawn it-tnax-il investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi miżuri proviżorji. Fis-sitta l-oħra, tliet ġimgħat qabel l-iskadenza biex jiġu imposti l-miżuri proviżorji, il-partijiet ġew infurmati bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li ma tagħmilx dan.

(10)

Fuq il-bażi ta’ data statistika miġbura fil-qosor fit-Tabella hawn taħt, il-Kummissjoni sabet li l-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żdied f’żewġ investigazzjonijiet biss. Fl-investigazzjonijiet l-oħra, seħħ tnaqqis sostanzjali.

Tabella

Volumi ta’ importazzjonijiet għal kull każ

Isem u numru tal-każ

Deċiżjoni li jiġu imposti miżuri proviżorji

Importazzjonijiet li joriġinaw minn

Importazzjonijiet matul il-PI (tunnellati metriċi)

Importazzjonijiet matul id-divulgazzjoni preliminari (tunnellati metriċi)

Żieda fl-importazzjonijiet

Taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju (AD649)

Iva

Ir-Russja

35 297

8 497

-76 %

L-USA

42 700

0

-100 %

Trinidad

21 183

0

-100 %

totali

99 180

8 498

-91 %

Bijodiżil (AS650).

Iva

L-Indoneżja

29 693

24 045

-19 %

Roti tat-triq tal-azzar (AD652)

Iva

Ir-RPĊ

13 763

914

-93 %

Tessuti tal-fibra tal-ħġieġ (AD653)

Le

L-Eġittu

882

4

-100 %

Ir-RPĊ

2 161

1 724

-20 %

totali

3 043

1 728

-43 %

Prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (AD655)

Le

L-Eġittu

8 295

3 076

-63 %

Il-Bahrain

1 350

327

-76 %

totali

9 644

3 403

-65 %

Tessuti tal-fibra tal-ħġieġ (AS656)

No

L-Eġittu

882

37

-96 %

Ir-RPĊ

2 161

2 500

16 %

totali

3 043

2 537

-17 %

Prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (AS657)

Iva

L-Eġittu

8 295

11 574

38 %

Sors: Il-Eurostat, data vverifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni, u minn Sorveljanza II

(11)

Ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali fil-maġġoranza tal-każijiet rieżminati. Barra minn hekk, f’wieħed miż-żewġ każijiet fejn fil-fatt seħħet żieda, fl-aħħar mill-aħħar l-importazzjonijiet ma kinux ir-riżultat ta’ divulgazzjoni preliminari, iżda r-riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx imponiet dazji proviżorji. Tabilħaqq, anki taħt is-sistema preċedenti mingħajr divulgazzjoni preliminari, l-importazzjonijiet jistgħu, fi kwalunkwe każ, jidħlu fl-Unjoni mingħajr ma jattiraw dazju ladarba jkun ċar għall-partijiet interessati kollha li ma jiġux imposti dazji proviżorji minħabba l-iskadenza tat-terminu applikabbli.

(12)

Dan iħalli każ wieħed fejn seħħet żieda oħra fil-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji.

(13)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li kollox ma’ kollox ma ġie kkawżat ebda dannu addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari. Għaldaqstant, it-tul tal-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari jeħtieġ li jiġi emendat għal erba’ ġimgħat.

(14)

Fin-nuqqas ta’ xi normi tranżizzjonali speċifiċi oħra li jirregolaw il-kwistjoni, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-investigazzjonijiet kollha mibdija soġġetti għal notifika ta’ bidu skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jew l-Artikolu 10(11) tar-Regolament (UE) 2016/1037 qabel id-data ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ li ma jiġux affettwati mill-perjodu mtawwal ta’ divulgazzjoni preliminari. Dan ikun jiżgura ċ-ċertezza tad-dritt, jipprovdi opportunità raġonevoli biex il-partijiet interessati jadattaw ruħhom għall-iskadenza ta’ normi qodma u għad-dħul fis-seħħ tan-normi l-ġodda, u jiffaċilita l-implimentazzjoni effiċjenti, ordnata u ekwa tar-Regolamenti (UE) 2016/1036 u (UE) 2016/1037.

(15)

Għaldaqstant jeħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2016/1036 u (UE) 2016/1037 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 19a tar-Regolament (UE) 2016/1036 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19a

Informazzjoni fl-istadju proviżorju

1.   Il-produtturi, l-importaturi u l-esportaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom isiru bil-miktub fil-limitu ta’ żmien preskritt fin-notifika ta’ bidu. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk il-partijiet erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji. Tali informazzjoni għandha tinkludi: sommarju tad-dazji proposti għal raġunijiet ta’ informazzjoni biss, u dettalji tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni, filwaqt li jingħata kont debitu għar-rekwiżit li jiġu rispettati l-obbligi tal-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 19. Il-partijiet għandu jkollhom perjodu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol mill-għoti ta’ tali informazzjoni biex jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

2.   Fil-każijiet fejn ma hemmx l-intenzjoni li jiġu imposti dazji proviżorji iżda hemm il-ħsieb li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji erba’ ġimgħat qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 7(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.”.

Artikolu 2

L-Artikolu 29a tar-Regolament (UE) 2016/1037 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 29a

Informazzjoni fl-istadju proviżorju

1.   Il-produtturi, l-importaturi u l-esportaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-pajjiż ta’ oriġini u/jew esportazzjoni, jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom isiru bil-miktub fil-limitu ta’ żmien preskritt fin-notifika ta’ bidu. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk il-partijiet erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji. Tali informazzjoni għandha tinkludi: sommarju tad-dazji proposti għal raġunijiet ta’ informazzjoni biss, u dettalji tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tal-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 29. Il-partijiet għandu jkollhom perjodu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol mill-għoti ta’ tali informazzjoni biex jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

2.   Fil-każijiet fejn ma jkunx hemm l-intenzjoni li jiġu imposti dazji proviżorji iżda jkun hemm il-ħsieb li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji erba’ ġimgħat qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 12(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-investigazzjonijiet kollha li għalihom tkun ġiet ippubblikata n-notifika ta’ bidu skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jew l-Artikolu 10(11) tar-Regolament (UE) 2016/1037 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(4)  Il-Kummissjoni ssegwi l-metodu ta’ kalkolu użat mid-WTO. Dan ifisser li jekk każ li jikkonċerna l-istess prodott ikun dirett kontra importazzjonijiet minn aktar minn pajjiż wieħed, kull pajjiż kopert jgħodd bħala investigazzjoni waħda separata.

(5)  Tliet każi, (Profili vojta minn ġewwa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, mir-Russja u mit-Turkija) ġew terminati, l-10 każi l-oħra għadhom kif intemmew u għadhom ma waslux fl-aħħar tal-fażi proviżorja u għalhekk ma hi disponibbli l-ebda data statistika għall-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari (id-data tal-abbozzar: it-30 ta’ April 2020)