6.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/1


REGOLAMENT TA’IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1158

tal-5 ta’ Awwissu 2020

dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ ikel u għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(4), l-punti (a), (c) u (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 (3) kien stabbilixxa l-livelli massimi ta’ radjuattività permessi f’ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Stabbilixxa wkoll li l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu l-kontrolli fuq it-tali prodotti sabiex jiżguraw li dawn jikkonformaw mal-livelli ta’ radjuattività stabbiliti f’dak ir-Regolament, qabel ma l-prodott jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera. Dak ir-Regolament skada fil-31 ta’ Marzu 2020. Peress li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/274/Euratom (4) tirreferi għal-livelli massimi permessi ta’ radjuattività stabbiliti minn dak ir-Regolament tal-Kunsill, jenħtieġ li tiġi emendata biex tirreferi għal-livelli massimi stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl fis-26 ta’ April 1986, ammonti konsiderevoli ta’ elementi radjuattivi ġew rilaxxati fl-atmosfera u affettwaw firxa wiesgħa ta’ pajjiżi terzi. Kontaminazzjoni bħal din tista’ xorta tikkostitwixxi theddida għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk jixraq li jkun hemm miżuri fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni biex tkun żgurata s-sikurezza tal-għalf u l-ikel li joriġinaw jew jiġu kkunsinnati minn dawn il-pajjiżi terzi.

(3)

L-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi għall-possibbiltà li jiġu adottati ċerti miżuri tal-Unjoni għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz fejn huwa evidenti li dak l-ikel jew għalf probabbli li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u tali riskju ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru/l-Istati Membri kkonċernat(i). F’konformità mal-prattika adottata wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima li tibda bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 (5) biex tibbaża dawn il-miżuri fuq l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu introdotti miżuri ta’ segwitu bbażati fuq dik id-dispożizzjoni.

(4)

Fl-opinjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2018 (6) u tat-13 ta’ Ġunju 2019 (7), il-Grupp ta’ Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom ikkonferma li l-livelli ta’ radjuattività massimi permessi attwalment f’termini ta’ ċeżju radjuattiv huma ta’ 370 Bq/kg għall-ħalib, il-prodotti tal-ħalib u l-“oġġetti tal-ikel għat-trabi” u ta’ 600 Bq/kg għall-prodotti l-oħra kollha jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni. Billi t-terminu “oġġetti tal-ikel għat-trabi” fl-opinjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti jirreferi għal oġġetti tal-ikel għal tfal sa tliet snin, jixraq li jintuża t-terminu “oġġetti tal-ikel għal trabi u tfal żgħar”, f’konformità mad-definizzjonijiet għat-trabi u t-tfal żgħar previsti fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Il-prodotti l-oħra li għalihom japplika l-livell massimu ta’ 600 Bq/kg huma ikel, inkluż ikel ta’ importanza minuri, minbarra oġġetti tal-ikel għal trabi u tfal żgħar, u għalf skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 (9).

(5)

Ċerti prodotti li joriġinaw f’pajjiżi terzi affettwati mill-aċċident ta’ Chernobyl għadhom juru kontaminazzjoni biċ-ċeżju radjuattiv li taqbeż il-livelli massimi permessi msemmija hawn fuq. Sejbiet fl-aħħar snin jipprovdu evidenza li l-kontaminazzjoni biċ-ċeżju-137 wara l-aċċident ta’ Chernobyl għadha għolja għal numru ta’ prodotti li joriġinaw minn speċi li jgħixu u li qed jikbru fil-foresti u fil-boskijiet. Dan huwa relatat ma’ livelli sinifikanti kontinwi ta’ ċeżju radjuattiv f’din l-ekosistema u n-nofs ħajja fiżika tiegħu ta’ 30 sena.

(6)

Filwaqt li ir-radjonuklide ċesju-134, b’nofs ħajja fiżika ta’ madwar sentejn, iddiżintegra kompletament mill-aċċident ta’ Chernobyl ’l hawn, jixraq li l-livell massimu jirreferi biss għaċ-ċeżju-137, peress li minn perspettiva analitika, l-analiżi taċ-ċeżju-134 tikkostitwixxi piż addizzjonali.

(7)

Każijiet ta’ nonkonformità mal-livelli massimi ġew innotifikati fl-aħħar 10 snin lis-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) f’kunsinni ta’ faqqiegħ importati minn għadd ta’ pajjiżi terzi. Fl-aħħar 10 snin, ġew irrappurtati ftit każijiet ta’ nonkonformità mal-livelli massimi lir-RASFF f’unsinni ta’ cranberries, mirtill u frott ieħor u prodotti derivati tal-ġens Vaccinium u ma ġiet irrappurtat l-ebda nonkonformità fil-laħam tal-kaċċa.

(8)

Minn dan isegwi li l-ikel u l-għalf importati minn ċerti pajjiżi terzi jista’ jkun fihom kontaminazzjoni radjuattiva u għalhekk huwa probabbli li joħolqu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent li jeħtieġ miżuri fil-livell tal-Unjoni qabel dawk il-prodotti jidħlu fis-suq tal-Unjoni.

(9)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1635/2006 (10) jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 733/2008. Dan jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi affettwati mill-aċċident ta’ Chernobyl joħorġu ċertifikati tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti agrikoli li jattestaw li l-prodotti li jakkumpanjawhom jikkonformaw mal-livelli massimi permessi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 733/2008. Il-pajjiżi terzi speċifiċi kkonċernati huma elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1635/2006.

(10)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/2000 (11) jistabbilixxi elenku ta’ prodotti li għalihom kien japplika r-Regolament (KE) Nru 733/2008.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jintegra r-regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni f’qafas leġiżlattiv uniku sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-katina agroalimentari tal-Unjoni u jirregola l-obbligi li jiġu ppreżentati ċerti kategoriji ta’ oġġetti minn ċerti pajjiżi terzi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għal kontrolli uffiċjali li jeħtieġ isiru qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni.

(12)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali mad-dħul fl-Unjoni, jixraq li jiġi stabbilit mudell uniku għaċ-ċertifikat uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ikel u għalf soġġett għal kundizzjonijiet speċjali għad-dħul fl-Unjoni.

(13)

Iċ-ċertifikati uffiċjali jenħtieġ li jinħarġu bil-miktub jew f’forma elettronika. Għalhekk, jixraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali fiż-żewġ każijiet, flimkien mar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu VII tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2017/625. F’dan ir-rigward, il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi u għall-użu ta’ firem elettroniċi inkluż fir-rigward ta’ ċertifikati uffiċjali maħruġa f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti għaċ-ċertifikati uffiċjali li ma jiġux sottomessi fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 (12), japplikaw ukoll għal ċertifikati uffiċjali maħruġa f’konformità mà dan ir-Regolament.

(14)

Sabiex jiġi evitat l-użu ħażin u l-abbuż, huwa importanti li jiġu definiti l-każijiet fejn jista’ jinħareġ ċertifikat uffiċjali sostitut u r-rekwiżiti li jeħtieġ jiġu ssodisfati minn tali ċertifikat. Każijiet bħal dawn ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628 fir-rigward ta’ ċertifikati uffiċjali maħruġa f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Bil-għan li jiġi żgurat approċċ koerenti, jixraq li jiġi previst li fil-każ ta’ ħruġ ta’ ċertifikati ta’ sostituzzjoni, ċertifikati uffiċjali maħruġa f’konformità ma’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu sostitwiti f’konformità mal-proċeduri għaċ-ċertifikati ta’ sostituzzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628

(15)

Minħabba l-effetti dejjiema tal-kontaminazzjoni radjuattiva, jixraq li l-elenku tal-pajjiżi terzi affettwati mill-inċident ta’ Chernobyl ma tinbidilx f’dan l-istadju. Madankollu, il-Bulgarija u r-Rumanija, li sadanittant saru Stati Membri, jenħtieġ li għalhekk ma jiġux inklużi f’dak l-elenku. Il-Liechtenstein u n-Norveġja, li huma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u għalhekk mhumiex soġġetti għall-kontrolli rilevanti, jenħtieġ li ma jiġux inklużi f’dak l-elenku. Rieżami ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-elenku tal-pajjiżi terzi affettwati jenħtieġ li jsir sal-31 ta’ Marzu 2030. B’mod parallel, jista’ jsir aġġustament għall-miżuri fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż, fi stadju iktar bikri, jekk analiżi aktar dettaljata tal-livell ta’ kontaminazzjoni f’pajjiż rispettiv turi livelli aktar baxxi.

(16)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie miżjud mal-lista tal-pajjiżi koperti mir-Regolament (KE) Nru 733/2008 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/595 mill-jum wara dak li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih (13). Ir-Regolament (KE) Nru 733/2008 ġie inkluż iktar tard fl-Anness 2 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ (14). Skont l-Artikolu 6(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, din ir-referenza tinkludi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1635/2006. Minn dan isegwi, li għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1635/2006, u (KE) Nru 733/2008 flimkien mar-Regolament (UE) 2019/595, kif ukoll ta’ dan ir-Regolament li jissostitwixxi dawn l-atti, ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq jeħtieġ japplika dan ir-Regolament daqs li kieku l-Irlanda ta’ Fuq kienet Stat Membru tal-Unjoni. L-Irlanda ta’ Fuq għalhekk jenħtieġ li ma tkunx inkluża fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament filwaqt li l-bqija tar-Renju Unit jenħtieġ li jkun inkluż f’dak l-Anness. Peress li dan ir-Regolament japplika biss għal pajjiżi terzi, iż-żieda tar-Renju Unit mal-Anness tapplika biss mid-data li fiha d-dritt tal-Unjoni ma jibqax applikabbli għar-Renju Unit u fih skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(17)

Minħabba l-esperjenza bil-kontrolli attwali u n-numru baxx ta’ każijiet li jaqbżu l-livelli massimi permessi, jitqies biżżejjed li jiġu meħtieġa jsiru kontrolli tad-dokumentazzjoni fuq il-kunsinni kollha ta’ faqqiegħ ħlief faqqiegħ ikkultivat u ta’ cranberries selvaġġi, mirtill u frott ieħor u prodotti derivati tal-ġens Vaccinium akkumpanjati b’ċertifikat uffiċjali, ikkomplementat b’kontrolli tal-identità u verifiki fiżiċi, inkluż analiżi tal-laboratorju dwar il-preżenza taċ-ċeżju radjuattiv, ta’ dawn il-kunsinni bi frekwenza ta’ 20 %.

(18)

Peress li dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolamenti (KE) Nru 1609/2000 u (KE) Nru 1635/2006, dawk ir-Regolamenti jenħtieġ li jitħassru.

(19)

Sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla xkiel għall-miżuri l-ġodda, jixraq li tiġi prevista miżura tranżizzjonali rigward il-kunsinni akkumpanjati b’ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1635/2006, dment li dawn iċ-ċertifikati jinħarġu qabel l-1 ta’ Settembru 2020.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal ikel, inkluż ikel ta’ importanza minuri, u għalf skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament (Euratom) 2016/52 li joriġinaw minn pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament (“il-prodotti”), jew jiġu kkunsinnati minn tali pajjiżi, li huma maħsuba għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-kategoriji ta’ kunsinni tal-prodotti li ġejjin, sakemm il-piż gross tagħhom ma jaqbiżx 10 kg ta’ prodott frisk jew 2 kg ta’ prodott niexef:

(a)

kunsinni mibgħuta bħala kampjuni kummerċjali, kampjuni tal-laboratorju jew bħala oġġetti għall-wiri fil-wirjiet, li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq;

(b)

kunsinni li jiffurmaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u huma maħsuba għall-konsum jew għall-użu personali;

(c)

kunsinni mhux kummerċjali mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq;

(d)

kunsinni maħsuba għall-finijiet xjentifiċi.

F’każ ta’ dubju dwar l-użu maħsub tal-prodotti msemmija fil-punti (b) u (c), l-oneru tal-provi huwa tas-sid tal-bagalja personali u tar-riċevitur tal-kunsinna, rispettivament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“post ta’ kontroll fuq il-fruntiera” tfisser “post ta’ kontroll fuq il-fruntiera” kif definit fil-punt (38) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(2)

“kunsinna” tfisser “kunsinna” kif iddefinita fil-punt (37) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni

1.   Il-prodotti jistgħu jidħlu fl-Unjoni biss jekk jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-prodotti għandhom jikkonformaw mal-livelli massimi permessi akkumulati ta’ kontaminazzjoni radjuattiva fit-termini taċ-ċeżju-137, li ġejjin:

(a)

370 Bq/kg għal ħalib u prodotti tal-ħalib u ikel għal trabi u tfal żgħar kif definit fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013;

(b)

600 Bq/kg għall-prodotti l-oħrajn kollha ikkonċernati.

3.   Kull kunsinna ta’ prodotti elenkati fl-Anness II, b’referenza għall-kodiċi relevanti min-Nomenklatura Magħquda, minn pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, għandha tkun akkumpanjata b’ċertifikat uffiċjali msemmi fl-Artikolu 4. Kull kunsinna għandha tkun identifikata permezz ta’ kodiċi tal-identifikazzjoni li għandu jkun indikat fuq iċ-ċertifikat uffiċjali u fuq id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED), kif previst fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 4

Ċertifikat uffiċjali

1.   Iċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fl-Artikolu 3(3) għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini jew tal-pajjiż terz fejn tiġi kkunsinnata l-kunsinna, jekk dak il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż ta’ oriġini, f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness III.

2.   Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandu jkollu l-kodiċi tal-identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(3) tal-kunsinna li jirreferi għaliha;

(b)

għandu jinħareġ qabel ma l-kunsinna li huwa relatat magħha titlaq minn taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat;

(c)

għandu jkun validu għal mhux aktar minn erba’ xhur mid-data tal-ħruġ, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar minn sitt xhur mid-data tar-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju msemmija fil-paragrafu 6.

3.   Iċ-ċertifikat uffiċjali li ma jiġix sottomess fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li joħroġ iċ-ċertifikat, għandu jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti għall-mudelli ta’ ċertifikati uffiċjali mhux sottomessi fl-IMSOC stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu ċertifikat uffiċjali ta’ sostituzzjoni biss f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628.

5.   Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jimtela abbażi tal-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV.

6.   Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu juri li l-prodotti jikkonformaw mal-livelli massimi permessi stabbiliti fl-Artikolu 3(2). Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jkun akkumpanjat mir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi mwettqa fuq dik il-kunsinna mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini jew tal-pajjiż minn fejn tkun ikkunsinnata l-kunsinna, jekk dak il-pajjiż huwa differenti mill-pajjiż ta’ oriġini.

Artikolu 5

Kontrolli uffiċjali fid-dħul fl-Unjoni

1.   Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(3) għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali fid-dħul tagħhom fl-Unjoni permezz ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u fil-punti ta’ kontroll.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandhom iwettqu kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi fuq dawn il-kunsinni, inkluż analiżi tal-laboratorju dwar il-preżenza taċ-ċeżju-137, bi frekwenza ta’ 20 %.

Artikolu 6

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu biss ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(3), fuq preżentazzjoni ta’ CHED iffinalizzat b’mod xieraq kif previst fl-Artikolu 57(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, li jikkonferma li l-kunsinna hija f’konformità mar-regoli applikabbli msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 7

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2030.

Valutazzjoni dettaljata fuq il-livell ta’ kontaminazzjoni fil-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I għandha ssir abbażi tar-riżultati tal-kontroll disponibbli u, jekk xieraq, abbażi tal-eżitu ta’ din il-valutazzjoni, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, il-prodotti elenkati fl-Anness II u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(2), għandhom jiġu rieżaminati skont dan qabel dik id-data.

Artikolu 8

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1609/2000 u (KE) Nru 1635/2006 huma mħassra.

Artikolu 9

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(3) akkumpanjati b’ċertifikati rilevanti maħruġa qabel l-1 ta’ Settembru 2020 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1635/2006, għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/274/Euratom dwar il-protezzjoni u l-informazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-esponiment li jirriżulta mill-kontaminazzjoni kontinwa biċ-ċeżju radjuattiv f’ċerti prodotti tal-ikel mhux ikkultivati, bħala konsegwenza tal-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (ĠU L 99, 17.4.2003, p. 55).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 tal-25 ta’ Marzu 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima (ĠU L 80, 26.3.2011, p. 5).

(6)  Opinjoni tal-Grupp ta’ Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom dwar il-Prolongament tal-aktar Regolament riċenti wara Chernobyl – ir-Regolament tal-Kunsill 733/2008 emendat bir-Regolament tal-Kunsill 1048/2009 (Adottat fil-laqgħa tal-15 ta’ Novembru 2018). Disponibbli fuq:

https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/opinion_on_prolongation_of_post-chernobyl_regulations_15_november_2018.pdf

(7)  Opinjoni tal-Grupp ta’ Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom dwar abbozz ta’ proposta għal regolament ta’ implimentazzjoni li jimponi kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ ikel, ikel ta’ importanza minuri u għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (Adottat fil-laqgħa tat-13 ta’ Ġunju 2019) [Bl-Ingliż]. Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/opinion_on_implementing_regulation_on_post-chernobyl_measures_13_june_2019.pdf

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 tal-15 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta’ kontaminazzjoni radjuattiva ta’ ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u (Euratom) Nru 770/90 (ĠU L 13, 20.1.2016, p. 2).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1635/2006 tas-6 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (ĠU L 306, 7.11.2006, p. 3).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/2000 tal-24 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi kull elenku ta’ prodotti esklużi mill-applikar ta’ Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (ĠU L 185, 25.7.2000, p. 27).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 tat-8 ta’ April 2019 dwar mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali għal ċerti annimali u oġġetti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward ta’ dawn il-mudelli taċ-ċertifikati, (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 101).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/595 tal-11 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1635/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90, minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni (ĠU L 103, 12.4.2019, p. 22).

(14)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).


ANNESS I

Lista ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 1(1)

L-Albanija

Il-Belarussja

Il-Bożnija-Ħerzegovina

Il-Kosovo (1)

Il-Maċedonja ta’ Fuq

Il-Moldova

Il-Montenegro

Ir-Russja

Is-Serbja

L-Iżvizzera

It-Turkija

L-Ukrajna

Ir-Renju Unit tal-Gran Brettanja eskluża l-Irlanda ta’ Fuq (2)


(1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)  Applikabbli mill-jum wara dak li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ.


ANNESS II

Lista ta’ prodotti li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3)

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

ex 0709 51 00

Faqqiegħ tal-ġens Agaricus, frisk jew iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0709 59

faqqiegħ, frisk jew iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0710 80 61

faqqiegħ tal-ġens Agaricus (nej jew imsajjar bil-fwar jew mgħolli fl-ilma), iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0710 80 69

faqqiegħ ieħor (nej jew imsajjar bil-fwar jew mgħolli fl-ilma), iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0711 51 00

Faqqiegħ tal-ġens Agaricus ippreservat b’mod proviżorju (pereżempju, b’gass tad-diossidu tal-kubrit, fis-salmura, fl-ilma tal-kubrit jew f’soluzzjonijiet preservattivi oħrajn), iżda mhux tajjeb f’dak l-istat għall-konsum immedjat, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0711 59 00

faqqiegħ ieħor ippreservat b’mod proviżorju (pereżempju, b’gass tad-diossidu tal-kubrit, fis-salmura, fl-ilma tal-kubrit jew f’soluzzjonijiet preservattivi oħrajn), iżda mhux tajjeb f’dak l-istat għall-konsum immedjat, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0712 31 00

faqqiegħ tal-ġens Agaricus, imnixxef, sħiħ, maqtugħ, imfellel, miksur jew f’forma ta’ trab, iżda mhux imħejji aktar, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0712 32 00

faqqiegħ tal-ispeċi (Auricularia spp.) imnixxef, sħiħ, maqtugħ, imfellel, miksur jew f’forma ta’ trab, iżda mhux imħejji aktar, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0712 33 00

faqqiegħ tal-ispeċi (Tremella spp.) imnixxef, sħiħ, maqtugħ, imfellel, miksur jew f’forma ta’ trab, iżda mhux imħejji aktar, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0712 39 00

faqqiegħ ieħor, imnixxef, sħiħ, maqtugħ, imfellel, miksur jew f’forma ta’ trab, iżda mhux imħejji aktar, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 2001 90 50

faqqiegħ, frisk jew ippreservat bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 2003

faqqiegħ u tartuf, ippreparat jew preservat b'mod ieħor barra minn bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, għajr faqqiegħ ikkultivat

ex 0810 40

cranberries selvaġġi, mirtill selvaġġ u frott ieħor salvaġġ tal-ġens Vaccinium, frisk

ex 0811 90 50

frott selvaġġ tal-ispeċi Vaccinium myrtillus, nej jew imsajjar bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, iffriżat, kemm jekk biż-żieda taz-zokkor jew ta’ xi materja oħra tal-ħlewwa jew mingħajrhom

ex 0811 90 70

frott selvaġġ tal-ispeċi Vaccinium myrtilloides u Vaccinium angustifolium, nej jew imsajjar bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, iffriżat, kemm jekk biż-żieda taz-zokkor jew ta’ xi materja oħra tal-ħlewwa jew mingħajrhom

ex 0812 90 40

frott selvaġġ tal-ispeċi Vaccinium myrtillus, ippreservat provviżjonalment (pereżempju, bil-gass tad-diossidu tal-kubrit, fis-salmura, fl-ilma bil-kubrit jew f'taħlitiet oħrajn biex jippreservaw) iżda mhux tajjeb f’dak l-istat għal konsum immedjat

ex 2008 93

cranberries selvaġġi (Vaccinium macrocarpon, Vaccinium oxycoccos, Vaccinium vitis-idaea), ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu jew spirtu miżjud inkella le, li ma huma speċifikati jew inklużi mkien aktar

ex 2008 99

frott selvaġġ ieħor tal-ispeċi Vaccinium, ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu jew spirtu miżjud inkella le, li ma huma speċifikati jew inklużi mkien aktar

ex 2009 81

meraq tal-cranberries tal-frott selvaġġ (Vaccinium macrocarpon, Vaccinium oxycoccos, Vaccinium vitis-idaea), mhux iffermentat u li ma fihx spirtu miżjud, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le

ex 2009 89

meraq tal-frott ta’ frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium, mhux iffermentat u li ma fihx spirtu miżjud, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le


ANNESS III

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT UFFIĊJALI MSEMMI FL-ARTIKOLU 4 TAR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1158 DWAR IL-KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-IMPORTAZZJONI TA’ IKEL U GĦALF LI JORIĠINAW MINN PAJJIŻI TERZI WARA L-AĊĊIDENT FL-IMPJANT TAL-ENERĠIJA NUKLEARI TA’ CHERNOBYL

Image 1

Image 2


ANNESS IV

STRUZZJONIJIET GĦAT-TLESTIJA TAĊ-ĊERTIFIKAT UFFIĊJALI MSEMMI FL-ARTIKOLU 4 TAR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE)2020/1158 DWAR IL-KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ IKEL U GĦALF LI JORIĠINA MINN PAJJIŻI TERZI WARA L-AĊĊIDENT FL-IMPJANT TAL-ENERĠIJA NUKLEARI TA’ CHERNOBYL

Ġenerali

Biex tagħżel pożittivament kwalunkwe għażla, jekk jogħġbok immarka l-kaxxa relevanti b’salib (X).

Kull meta jissemma’, “ISO” tfisser il-kodiċi standard internazzjonali b’żewġ ittri għal pajjiż, f’konformità mal-istandard internazzjonali ISO 3166 alfa-2 (1).

Tista’ tintgħażel waħda biss mill-għażliet fil-kaxex I.15, I.18, I.20.

Sakemm mhux indikat mod ieħor, il-kaxex huma obbligatorji.

Jekk il-konsenjatarju, il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul (BCP) jew id-dettalji tat-trasport (jiġifieri, il-mezzi u d-data) jinbidlu wara li jkun inħareġ iċ-ċertifikat, l-operatur responsabbli mill-kunsinna jrid javża lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-dħul. Bidla bħal din ma għandhiex tirriżulta f’talba għal ċertifikat ta’ sostituzzjoni.

Fil-każ li ċ-ċertifikat jiġi sottomess fl-IMSOC, japplika dan li ġej:

l-entrati jew il-kaxex speċifikati fil-Parti I jikkostitwixxu d-dizzjunarji tad-data għall-verżjoni elettronika taċ-ċertifikat uffiċjali;

is-sekwenzi tal-kaxex fil-Parti I tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u d-daqs u l-forma ta’ dawn il-kaxex huma indikattivi;

meta jkun meħtieġ timbru, l-ekwivalenti elettroniku tiegħu jkun siġill elettroniku. Tali siġill għandu jikkonforma mar-regoli għall-ħruġ taċ-ċertifikati elettroniċi msemmija f’punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Parti I: Dettalji tal-kunsinna mibgħuta

Pajjiż:

Isem il-pajjiż terz li joħroġ iċ-ċertifikat.

Kaxxa I.1.

Konsenjatur/Esportatur: isem u indirizz (triq, belt u reġjun, provinċja jew stat, kif xieraq) tal-persuna fiżika jew ġuridika li tibgħat il-kunsinna li trid tkun tinsab fil-pajjiż terz.

Kaxxa I.2.

Nru ta’ referenza taċ-ċertifikat: il-kodiċi obbligatorju uniku assenjat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz f’konformità mal-klassifikazzjoni tiegħu stess. Din il-kaxxa hija obbligatorja għaċ-ċertifikati kollha mhux sottomessi fl-IMSOC.

Kaxxa I.2.a

Nru ta’ referenza IMSOC: il-kodiċi ta’ referenza uniku assenjat b’mod awtomatiku mill-IMSOC, jekk iċ-ċertifikat huwa rreġistrat fl-IMSOC. Din il-kaxxa ma tridx timtela jekk iċ-ċertifikat ma jiġix sottomess fl-IMSOC.

Kaxxa I.3.

Awtorità kompetenti ċentrali: isem l-awtorità ċentrali fil-pajjiż terz li joħroġ iċ-ċertifikat.

Kaxxa I.4.

Awtorità kompetenti lokali: meta applikabbli, isem l-awtorità lokali fil-pajjiż terz li joħroġ iċ-ċertifikat.

Kaxxa I.5.

Konsenjatarju/Importatur: isem u indirizz tal-persuna fiżika jew ġuridika li l-kunsinna fl-Istat Membru hija maħsuba għaliha.

Kaxxa I.6.

Operatur responsabbli mill-kunsinna: L-isem u l-indirizz tal-persuna fl-Unjoni Ewropea responsabbli mill-kunsinna meta tiġi ppreżentata fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li tagħmel id-dikjarazzjonijiet meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti bħala l-importatur jew f’isem l-importatur. Din il-kaxxa hija fakultattiva.

Kaxxa I.7.

Pajjiż tal-oriġini: l-isem u l-kodiċi ISO tal-pajjiż minn fejn ikunu qed joriġinaw, jitkabbru, jinħasdu jew jiġu prodotti l-oġġetti.

Kaxxa I.9.

Pajjiż tad-destinazzjoni: l-isem u l-kodiċi ISO tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-prodotti.

Kaxxa I.11.

Post tad-dispaċċ: l-isem u l-indirizz tal-azjendi jew tal-istabbilimenti minn fejn jiġu l-prodotti.

Kwalunkwe unità ta’ kumpanija fis-settur tal-ikel. Irid jissemma biss l-istabbiliment li jibgħat il-prodotti bil-baħar. Fil-każ ta’ kummerċ li jinvolvi aktar minn pajjiż terz wieħed (moviment triangolari), il-post tad-dispaċċ huwa l-aħħar stabbiliment fil-pajjiż terz tal-katina ta’ esportazzjoni li minnha l-kunsinna finali tiġi ttrasportata lejn l-Unjoni Ewropea.

Kaxxa I.12.

Post tad-destinazzjoni: din l-informazzjoni hija fakultattiva.

Għat-tqegħid fis-suq: il-post fejn jintbagħtu l-prodotti sabiex jinħattu definittivament. Agħti l-isem, l-indirizz u n-numru tal-approvazzjoni tal-azjendi jew tal-istabbilimenti tal-post tad-destinazzjoni, jekk applikabbli.

Kaxxa I.14.

Data u ħin tat-tluq: id-data meta jitilqu l-mezzi tat-trasport (ajruplan, bastiment, ferrovija jew vettura tat-triq).

Kaxxa I.15.

Mezzi tat-trasport: il-mezzi tat-trasport li jitilqu mill-pajjiż tad-dispaċċ.

Modi tat-trasport: ajruplan, bastiment, ferrovija, vettura tat-triq jew oħrajn. “Oħrajn” tfisser modi ta’ trasport mhux koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (2).

Identifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport: għall-ajruplani, in-numru tat-titjira, għall-bastimenti, l-isem/l-ismijiet tal-bastiment, għall-ferroviji, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-ferrovija u n-numru tal-vagun, għat-trasport bit-triq, il-pjanċa tan-numru ta’ reġistrazzjoni bil-pjanċa tan-numru tat-trejler, jekk applikabbli.

Fil-każ ta’ vapur, iridu jingħataw ukoll l-identifikazzjoni tal-vettura tat-triq, il-pjanċa tan-numru tar-reġistrazzjoni bil-pjanċa tan-numru tat-trejler meta applikabbli, u l-isem tal-vapur skedat.

Kaxxa I.16.

BCP tad-dħul: iddikjara isem il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tiegħu assenjat mill-IMSOC.

Kaxxa I.17.

Dokumenti ta’ akkumpanjament:

Rapport tal-laboratorju: indika n-numru ta’ referenza u d-data tal-ħruġ tar-rapport/riżultati tal-analiżi tal-laboratorju msemmija fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1158 .

Oħrajn: it-tip u n-numru ta’ referenza tad-dokument iridu jiġu ddikjarati meta kunsinna tiġi akkumpanjata minn dokumenti oħra bħal dokument kummerċjali (pereżempju, in-numru tal-polza tal-vjeġġ bl-ajru, in-numru tal-polza tal-kargu jew in-numru kummerċjali tal-ferrovija jew tal-vettura tat-triq).

Kaxxa I.18.

Kundizzjonijiet tat-trasport: kategorija tat-temperatura meħtieġa matul it-trasport tal-prodotti (ambjentali, imkessaħ, iffriżat). Tista’ tintgħażel kategorija waħda biss.

Kaxxa I.19.

Nru tal-Kontejner/Nru tas-Siġill: meta applikabbli, in-numri korrispondenti.

In-numru tal-kontejner irid jingħata jekk l-oġġetti jkunu ttrasportati f’kontejners magħluqin.

In-numru uffiċjali tas-siġill biss irid jiġi ddikjarat. Siġill uffiċjali japplika jekk siġill jitwaħħal fuq il-kontejner, it-trakk jew il-vagun tal-ferrovija taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat.

Kaxxa I.20.

Oġġetti ċċertifikati bħala: iddikjara l-użu maħsub għall-prodotti kif speċifikat fiċ-ċertifikat uffiċjali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.

Konsum mill-bniedem: tikkonċerna biss lill-prodotti komposti maħsubin għall-konsum mill-bniedem.

Kaxxa I.22.

Għas-suq intern: għall-kunsinni kollha ddestinati li jeħtieġ jiġu introdotti fis-suq fl-Unjoni Ewropea.

Kaxxa I.23.

Numru totali ta’ pakketti: in-numru ta’ pakketti. Fil-każ ta’ kunsinni bl-ingrossa, din il-kaxxa hija fakultattiva.

Kaxxa I.24.

Kwantità:

Piż nett totali: dan huwa definit bħala l-massa tal-oġġetti nfushom mingħajr ebda kontenitur jew imballaġġ.

Piż gross totali: piż totali f’kilogrammi. Dan huwa ddefinit bħala l-massa aggregata tal-prodotti u tal-kontenituri immedjati u l-imballaġġ kollu tagħhom, iżda l-kontejners tat-trasport u tagħmir ieħor tat-trasport huma esklużi.

Kaxxa I.25.

Deskrizzjoni tal-oġġetti: Iddikjara l-kodiċi tas-Sistema Armonizzata (kodiċi SA) rilevanti u t-titlu ddefinit mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3). Din id-deskrizzjoni doganali għandha tiġi ssupplimentata, jekk meħtieġ, b’informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-klassifikazzjoni tal-prodotti.

Indika l-ispeċi, it-tipi ta’ prodotti, in-numru ta’ pakketti, it-tip ta’ imballaġġ, in-numru tal-lott, il-piż nett, u l-konsumatur finali (jiġifieri l-prodotti huma ppakkjati għall-konsumatur finali).

Speċi: l-isem xjentifiku jew kif iddefinit f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Tip ta’ imballaġġ: identifika t-tip ta’ imballaġġ f’konformità mad-definizzjoni mogħtija fir-Rakkomandazzjoni Nru 21 (4) tal-UN/CEFACT (Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ u għan-Negozju Elettroniku).

Parti II: Ċertifikazzjoni

Din il-parti trid timtela minn uffiċjal li jiċċertifika awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz biex jiffirma ċ-ċertifikat uffiċjali, kif previst fl-Artikolu 88(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Kaxxa II.

Informazzjoni dwar is-saħħa: jekk jogħġbok imla din il-parti f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea relatati man-natura tal-prodotti u kif iddefinit fil-ftehimiet ta’ ekwivalenza ma’ ċerti pajjiżi terzi jew f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea, bħal dik għaċ-ċertifikazzjoni.

Fil-każ li ċ-ċertifikati uffiċjali ma jiġux sottomessi fl-IMSOC, id-dikjarazzjonijiet li mhumiex rilevanti jridu jinqatgħu, jiġu inizjalati u ttimbrati mill-uffiċjal li jiċċertifika, jew jitneħħew kompletament miċ-ċertifikat.

Fil-każ li ċ-ċertifikat jiġi sottomess fl-IMSOC, id-dikjarazzjonijiet li mhumiex rilevanti jridu jinqatgħu jew jitneħħew kompletament miċ-ċertifikat.

Kaxxa II.a.

Nru ta’ referenza taċ-ċertifikat: l-istess kodiċi ta’ referenza bħal fil-kaxxa I.2.

Kaxxa II.b.

Nru ta’ referenza IMSOC: l-istess kodiċi ta’ referenza bħal fil-kaxxa I.2.a. Obbligatorju biss għaċ-ċertifikati uffiċjali maħruġa fl-IMSOC.

Uffiċjal li jiċċertifika:

Uffiċjal tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz awtorizzat biex jiffirma ċertifikati uffiċjali minn tali awtoritajiet: Indika l-isem b’ittri kbar, il-kwalifika u t-titlu, fejn applikabbli, in-numru ta’ identifikazzjoni u t-timbru oriġinali tal-awtorità kompetenti u d-data tal-firma.


(1)  Lista tal-ismijiet tal-pajjiżi u l-elementi tal-kodiċi fuq: http://www.iso.org/iso/country_codes/iso-3166-1_decoding_table.htm.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(4)  L-aħħar verżjoni: Reviżjoni 9 Annessi V u VI kif ippubblikat nhar: http://www.unece.org/tradewelcome/un-centre-for-trade-facilitation-and-e-business-uncefact/outputs/cefactrecommendationsrec-index/list-of-trade-facilitation-recommendations-n-21-to-24.ahtml.