24.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 239/12 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1087
tat-23 ta’ Lulju 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra minn persuni fiżiċi awtorizzati speċifikament, it-twettiq tal-analiżi, tal-ittestjar jew tad-dijanjożi, u l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri temporanji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 141(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli, fost l-oħrajn, għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-miżuri temporanji xierqa meħtieġa biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali, jekk ikollha evidenza ta’ tfixkil serju fis-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru. |
(2) |
Sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi speċifiċi marbutin mal-kriżi li għaddejja relatata mal-marda tal-coronavirus (COVID-19), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 (2) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri temporanji fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra. |
(3) |
L-Istati Membri nformaw lill-Kummissjoni li fid-dawl tal-kriżi marbuta mal-COVID-19, ċertu tfixkil serju fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom, diffikultajiet biex jitwettqu l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq iċ-ċertifikati uffiċjali u l-attestazzjonijiet uffiċjali fir-rigward tal-movimenti tal-annimali u l-oġġetti lejn l-Unjoni u fi ħdan l-Unjoni u diffikultajiet biex jiġu organizzati laqgħat fiżiċi mal-operaturi u l-persunal tagħhom fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali, se jippersistu wara l-1 ta’ Awwissu 2020. Sabiex jiġi indirizzat dan it-tfixkil serju u jiġu ffaċilitati l-ippjanar u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra matul il-kriżi marbuta mal-COVID-19, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 jenħtieġ li jiġi estiż sal-1 ta’ Ottubru 2020. |
(4) |
L-Istati Membri nformaw ukoll lill-Kummissjoni li tfixkil ieħor relatat mad-disponibbiltà tal-persunal u l-kapaċità tal-laboratorji uffiċjali fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali ma jippersistix lil hinn mill-1 ta’ Awwissu 2020. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 li jippermettu miżuri eċċezzjonali f’dawk l-oqsma jenħtieġ li jitħassru. |
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 jiġi emendat skont dan. |
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 3 huwa mħassar. |
(2) |
Fl-Artikolu 5, il-punt (a) huwa mħassar. |
(3) |
fl-Artikolu 6, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Għandu japplika sal-1 ta’ Ottubru 2020.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-2 ta’ Awwissu 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19) (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 30).