17.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/4


REGOLAMENT (UE) 2020/1041 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni u ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(2)

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (4) emenda l-ammont totali tar-riżorsi għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (“YEI”) billi żied l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI fl-2020 b’ EUR 28 333 334 fi prezzijiet attwali u żied l-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu għal EUR 4 556 215 406 fi prezzijiet attwali.

(3)

Għall-2020, ir-riżorsi addizzjonali ta’ EUR 23,7 fi prezzijiet tal-2011 huma ffinanzjati mill-Marġni Globali għall-Impenji fil-marġni tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.

(4)

Minħabba l-urġenza li qabel it-tmiem tal-2020 il-programmi li jappoġġaw lill-YEI jiġu emendati sabiex jinkludu r-riżorsi addizzjonali għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiġi emendat skont dan.

(6)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 91, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-riżorsi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali disponibbli għall-impenn baġitarju għall-perjodu 2014 - 2020 għandhom ikunu EUR 330 105 627 309 fi prezzijiet tal-2011, b’konformità mad-diżaggregazzjoni annwali stabbilita fl-Anness VI, li minnhom EUR 325 938 694 233 jirrappreżentaw ir-riżorsi globali allokati għall-FEŻR, għall-FSE u għall-Fond ta’ Koeżjoni, u EUR 4 166 933 076 jirrappreżentaw allokazzjoni speċifika għall-YEI. Għall-finijiet tal-programmazzjoni u tal-inklużjoni sussegwenti fil-baġit tal-Unjoni, l-ammont tar-riżorsi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandu jkun indiċizzat għal 2 % kull sena.”;

(2)

fl-Artikolu 92, il-paragrafu 5 hu sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Ir-riżorsi għall-YEI għandhom jammontaw għal EUR 4 166 933 076, li minnhom EUR 23,7 miljun jikkostitwixxu riżorsi addizzjonali għall-2020. Dawk ir-riżorsi għandhom jiġu kkomplementati mill-investiment immirat tal-FSE b’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-FSE.

L-Istati Membri li jibbenefikaw mir-riżorsi addizzjonali għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI jistgħu jitolbu t-trasferiment lill-FSE sa 50 % ta’ dawn ir-riżorsi addizzjonali bil-għan li jiġi kkonstitwit l-investiment immirat korrespondenti tal-FSE kif meħtieġ mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-FSE. Tali trasferiment għandu jsir għall-kategoriji rispettivi ta’ reġjuni li jikkorrispondu għall-kategorizzazzjoni tar-reġjuni eliġibbli għaż-żieda tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI. L-Istati Membri għandhom jitolbu t-trasferiment fit-talba għal emenda tal-programm b’konformità mal-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament. Ir-riżorsi allokati għas-snin li għaddew ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika għar-riżorsi addizzjonali kollha għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI allokata fl-2019 u l-2020.”;

(3)

L-Anness VI huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Ġunju 2020 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2020.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 320).

(4)  ĠU L 57, 27.2.2020, p. 1.


ANNESS

“ANNESS VI

DIŻAGGREGAZZJONI ANNWALI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN GĦAS-SNIN 2014 SAL-2020

Profil annwali aġġustat (inkluż il-pagament supplimentari għall-YEI)

 

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Total

EUR, prezzijiet tal-2011

34 108 069 924

55 725 174 682

46 044 910 736

48 027 317 164

48 341 984 652

48 811 933 191

49 046 236 960

330 105 627 309