15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/777

tat-12 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763 fir-rigward tad-dati ta’ applikazzjoni u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji wara l-estensjoni tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(10) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/798 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2020/700 (2) biex l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-iskadenza għad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(2)

Il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal ċertifikat tas-sikurezza skont id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li għaliha kellu jinħareġ iċ-ċertifikat tas-sikurezza qabel is-16 ta’ Ġunju 2020, jaf tittardja minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Għalhekk, fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 u meta d-Direttiva (UE) 2016/798 trid tapplika mis-16 ta’ Ġunju 2020, jenħtieġ li l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza (“l-NSA”), wara talba tal-applikant, tkompli l-valutazzjoni wara dik id-data. L-NSA jenħtieġ tiffinalizza dik il-valutazzjoni u toħroġ iċ-ċertifikat tas-sikurezza qabel it-30 ta’ Ottubru 2020.

(3)

Fir-rigward tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763 (4) tiġi posposta u tapplika mill-31 ta’ Ottubru 2020. Jenħtieġ jiġu adattati wkoll id-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763.

(4)

L-applikanti jaf ikunu għamlu l-applikazzjonijiet skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763 minħabba l-iskadenza tal-applikazzjoni attwali. L-applikazzjonijiet li jsiru skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763 jenħtieġ ikunu jinkludu l-evidenza kollha meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji skont id-Direttiva 2004/49/KE jew skont id-Direttiva (UE) 2016/798. Għalhekk, l-applikanti jenħtieġ jitħallew jissottomettu, lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-applikazzjonijiet li jelenkaw l-evidenza skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ jaċċettaw dawk l-applikazzjonijiet mingħajr ma jeżiġu applikazzjoni riveduta.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(7)

Biex ikun żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

‘data rilevanti’ tfisser is-16 ta’ Ġunju 2019 fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva. Din tfisser is-16 ta’ Ġunju 2020 fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva u dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798. Din tfisser il-31 ta’ Ottubru 2020 fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva.”;

(2)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 4, f’dawk l-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 u meta d-Direttiva (UE) 2016/798 għandha tapplika mis-16 ta’ Ġunju 2020, l-NSA għandha, wara talba tal-applikant, tkompli l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal ċertifikat tas-sikurezza skont id-Direttiva 2004/49/KE, wara s-16 ta’ Ġunju 2020, diment li din toħroġ iċ-ċertifikat tas-sikurezza qabel it-30 ta’ Ottubru 2020.

Meta NSA tagħraf li mhux se tkun tista’ toħroġ ċertifikat tas-sikurezza qabel it-30 ta’ Ottubru 2020, din għandha tinforma lill-applikant u lill-Aġenzija minnufih u għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 4.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

“6a.   Meta ż-żona tal-operazzjoni maħsuba ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed, ċertifikat tas-sikurezza uniku maħruġ mill-Aġenzija bejn is-16 ta’ Ġunju 2020 u t-30 ta’ Ottubru 2020 għandu jeskludi n-netwerk jew in-netwerks f’xi wieħed mill-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri li jkunu għamlu din in-notifika għandhom:

(a)

jittrattaw ċertifikat tas-sikurezza uniku maħruġ mill-Aġenzija bħala ekwivalenti għall-parti taċ-ċertifikat tas-sikurezza maħruġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/49/KE;

(b)

joħorġu ċ-ċertifikati tas-sikurezza skont il-punt (b) tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/49/KE, mis-16 ta’ Ġunju 2020, b’perjodu ta’ validità li ma jkunx estiż lil hinn minn dak taċ-ċertifikat tas-sikurezza uniku.”;

(c)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafi 6 u 6a ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tikkoopera u tikkoordina mal-Aġenzija biex twettaq il-valutazzjoni tal-elementi stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2016/798. Meta tagħmel dan, l-Aġenzija għandha taċċetta l-valutazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/49/KE mwettqa mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.”;

(d)

jiżdied paragrafu 8 ġdid:

“8.   Bejn is-16 ta’ Ġunju 2020 u t-30 ta’ Ottubru 2020, fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-applikanti għal ċertifikat tas-sikurezza għall-finijiet tad-Direttiva 2004/49/KE jistgħu jissottomettu fajl lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza mfassal skont l-Anness I.

L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tas-sikurezza skont dan ir-Regolament għandhom jiġu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-finijiet tad-Direttiva 2004/49/KE.”

(3)

l-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 653/2007 jitħassar b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2019.

Madankollu, għandu jibqa’ japplika sal-15 ta’ Ġunju 2020 fir-rigward tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew il-perjodu għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva u dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

Għandu jibqa’ japplika sat-30 ta’ Ottubru 2020 fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva.”;

(4)

fl-Artikolu 17, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2019 fl-Istati Membri li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

Għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 u f’dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

Għandu japplika fl-Istati Membri kollha mill-31 ta’ Ottubru 2020.

Madankollu, il-paragrafi (1), (2), (3) u (7) tal-Artikolu 15 għandhom japplikaw mis-16 ta’ Frar 2019 u l-Artikolu 15(6) għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2019, fl-Istati Membri kollha.

L-Artikoli 15(6a) għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2020 fl-Istati Membri kollha.

L-Artikolu 15(8) għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 27).

(3)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763 tad-9 ta’ April 2018 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ sikurezza uniċi għall-impriżi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 (ĠU L 129, 25.5.2018, p. 49).