12.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/772

tal-11 ta’ Ġunju 2020

li jemenda l-Annessi I, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri ta’ eradikazzjoni għal enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fil-mogħoż u fir-razez fil-periklu li jintilfu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 u l-Artikolu 23a(m) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs) fl-annimali.

(2)

Il-Kapitolu B tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament jistipula l-miżuri li jridu jittieħdu wara li tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ każ ta’ TSE f’annimali bovini, ovini u kaprini. Meta f’annimal ovin jew kaprin jiġi kkonfermat każ ta’ scrapie klassika, l-azjenda trid tiġi soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f’waħda mit-tliet għażliet ipprovduti fil-punt 2.2.2 tal-Kapitolu B tal-Anness VII.

(3)

L-Għażla 2 tirrikjedi l-qtil u l-qerda sħiħa tal-annimali ovini u kaprini kollha tal-azjenda ħlief dawk l-annimali ovini li jkollhom ġenotip ta’ proteina prijonika li jkun reżistenti għall-iscrapie klassika.

(4)

Fil-5 ta’ Lulju 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni xjentifika (2) dwar ir-reżistenza ġenetika għat-TSE fil-mogħoż. Skont l-opinjoni tal-EFSA, id-data li tinġabar fuq il-post u dik sperimentali huma robusti biżżejjed biex ikun jista’ jiġi konkluż li l-alleli K222, D146 u S146 jagħtu reżistenza ġenetika kontra razez ta’ scrapie klassika magħrufa li tinsab fin-natura fil-popolazzjoni tal-mogħoż tal-UE. L-opinjoni tal-EFSA tikkonkludi li l-immaniġġjar tat-tifqigħat għall-iscrapie klassika f’merħliet ta’ mogħoż jista’ jkun ibbażat fuq l-għażla ta’ annimali ġenetikament reżistenti, b’mod simili bħalma hu stipulat bħalissa fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għall-annimali ovini.

(5)

Huwa għalhekk xieraq l-Kapitolu B tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat sabiex tiġi introdotta l-possibbiltà li l-qtil u l-qerda ta’ annimali kaprini jiġi llimitat għal dawk biss li jkunu suxxettibbli għall-iscrapie klassika. Jenħtieġ li l-Istati Membri f’kull każ jiddeterminaw liema annimali jenħtieġ li jiġu eżentati mill-qtil u l-qerda skont ir-reżistenza ġenetika tagħhom għall-marda.

(6)

L-opinjoni tal-EFSA tenfasizza li filwaqt li t-tnissil għar-reżistenza jista’ jkun għodda effettiva għall-kontroll tal-iscrapie klassika fil-mogħoż, minħabba l-frekwenzi baxxi ta’ preżenza ta’ dawn l-alleli fil-biċċa l-kbira tar-razez, il-pressjoni ta’ għażla għolja aktarx li jkollha effett negattiv fuq id-diversità ġenetika. Għalhekk, l-opinjoni tirrakkomanda li l-miżuri biex tinbena r-reżistenza ġenetika fil-popolazzjoni tal-annimali kaprini jiġu adottati fil-livell tal-Istat Membru skont ir-razza kkonċernata (3). Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jfasslu l-istrateġija ta’ tnissil tagħhom abbażi tal-frekwenza tal-preżenza ta’ alleli li jagħtu reżistenza ġenetika kontra l-iscrapie klassika fil-popolazzjoni tal-mogħoż tagħhom.

(7)

Wara rakkomandazzjoni tal-EFSA, f’każ ta’ tifqigħa tal-iscrapie f’azjenda li żżomm il-mogħoż, jenħtieġ li l-Istati Membri, abbażi tal-istrateġija ta’ tnissil, jiddeċiedu l-miżuri partikolari li jenħtieġ li jiġu implimentati sabiex tinbena r-reżistenza ġenetika fil-popolazzjoni kaprina ta’ dik l-azjenda.

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/361/KEE (4) ġiet imħassra mir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) mill-1 ta’ Novembru 2018. Dak ir-Regolament, fl-Artikolu 2(24) tiegħu, jistipula definizzjoni għal “razza fil-periklu ta’ estinzjoni” li tfisser razza lokali, rikonoxxuta minn Stat Membru bħala mhedda, adattata b’mod ġenetiku għal waħda jew aktar mis-sistemi jew ambjenti tradizzjonali ta’ produzzjoni f’dak l-Istat Membru u fejn l-istatus ta’ fil-periklu ta’ estinzjoni jkun xjentifikament stabbilit minn korp li għandu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa fil-qasam tar-razez fil-periklu.

(9)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi emendat il-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 skont dan u li jiġi sostitwit, fil-Kapitolu B tal-Anness VII u l-Kapitolu A tal-Anness VIII ta’ dak ir-Regolament, ir-referenzi għad-Direttiva 89/361/KEE bir-referenzi għar-Regolament (UE) 2016/1012 u l-espressjoni “razez lokali fil-periklu li jintilfu għall-biedja” kif stipulat fl-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 (6) bl-espressjoni “razza fil-periklu ta’ estinzjoni” kif definit fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2016/1012.

(10)

Għaldaqstant, l-Annessi I, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2017;15(8):4962.

(3)  EFSA Journal 2017;15(8):4962, p. 4.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/361/KEE tat-30 ta’ Mejju 1989 li tikkonċerna n-nagħaġ u l-mogħoż tar-razza għat-tagħmir.

(ĠU L 153, 6.6.1989, p. 30)

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).

(6)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 1).


ANNESS

L-Annessi I, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

1.

fl-Anness I, il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

is-sentenza tal-bidu hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (*2), ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (*5) u r-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6):

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ir-Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1)."

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1)."

(*5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14)."

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).”;"

(b)

jiddaħħal il-punt (f) li ġej:

“(f)

id-definizzjoni ta’ “speċi fil-periklu” fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2016/1012.”;

2.

fl-Anness VII, il-Kapitolu B huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 2.2.2, il-paragrafu introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Jekk BSE u scrapie atipika jiġu esklużi skont il-metodi tal-laboratorju u l-protokolli stipulati fl-Anness X, Kapitolu C, Parti 3, punt 3.2, l-azjenda għandha tiġi soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-azjenda, l-azjenda għandha tiġi soġġetta għall-kundizzjonijiet tal-għażla 1 stipulata fil-punt (b), jew tal-għażla 2 stipulata fil-punt (c), jew tal-għażla 3 stipulata fil-punt (d). F’każ ta’ azjenda b’merħla mħallta ta’ annimali ovini u kaprini, l-Istat Membru responsabbli għall-azjenda jista’ jiddeċiedi li japplika l-kundizzjonijiet ta’ waħda mill-għażliet għall-annimali ovini tal-azjenda u għażla differenti għall-annimali kaprini tal-azjenda:”;

(b)

fil-punt 2.2.2, il-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Iċ-ċaqliq ta’ annimali msemmija fil-punti (i) u (ii) mill-azjenda lejn il-biċċerija għandu jkun permess.”

(c)

fil-punt 2.2.2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

L-Għażla 2 — il-qtil u l-qerda sħiħa tal-annimali suxxettibbli biss

Il-ġenotipar tal-proteina prijonika tal-annimali ovini u kaprini kollha preżenti fl-azjenda, minbarra l-ħrief u l-gidjien li jkollhom inqas minn tliet xhur sakemm jinqatlu għall-konsum mill-bniedem mhux aktar tard minn meta jkollhom tliet xhur.

Il-qtil u l-qerda sħiħa, mingħajr dewmien, tal-annimali ovini u/jew kaprini kollha, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-inkjesta msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-punt 1(b), bl-eċċezzjoni ta’:

imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR,

ngħaġ għat-tgħammir li jġorru mill-inqas allel ARR wieħed u ebda allel VRQ u, fejn dawn in-ngħaġ ikunu tqal fiż-żmien tal-inkjesta, il-ħrief li jitwieldu wara, jekk il-ġenotip tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan is-subparagrafu,

annimali ovini li jġorru mill-inqas allel ARR wieħed li huma maħsuba biss għall-konsum mill-bniedem,

annimali kaprini li jġorru mill-inqas wieħed mill-allel li ġejjin: K222, D146 u S146

jekk l-Istat Membru responsabbli għall-azjenda jiddeċiedi hekk, il-ħrief u l-gidjien li jkollhom inqas minn tliet xhur sakemm jinqatlu għall-konsum mill-bniedem mhux aktar tard minn meta jkollhom tliet xhur.

L-annimali ta’ iktar minn 18-il xahar maqtula sabiex jinqerdu għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skont il-metodi tal-laboratorji u l-protokolli stabbiliti fl-Anness X, Kapitolu C, Parti 3, punt 3.2, kif stabbilit fl-Anness III, Kapitolu A, Parti II, punt 5.

Permezz ta’ deroga mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-għażla 2, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu minflok li jwettqu l-miżuri elenkati f’(i), (ii) jew (iii):

(i)

li jissostitwixxu l-qtil u l-qerda sħiħa tal-annimali msemmija fit-tieni paragrafu tal-għażla 2 permezz tal-qtil tagħhom għall-konsum mill-bniedem, sakemm:

l-annimali jinqatlu għall-konsum mill-bniedem fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli għall-azjenda;

l-annimali kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar maqtula għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skont il-metodi tal-laboratorju u l-protokolli stabbiliti fl-Anness X, Kapitolu C, Parti 3, punt 3.2.

(ii)

li jdewmu l-ġenotipar u l-qtil sussegwenti u l-qerda sħiħa jew il-qtil għall-konsum mill-bniedem tal-annimali msemmija fit-tieni paragrafu tal-għażla 2 għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. Din id-deroga tista’ tiġi applikata f’sitwazzjonijiet fejn il-każ tal-indiċi jiġi kkonfermat qrib il-bidu tal-istaġun tat-twelid tal-ħrief u/jew tal-gidjien fil-farm, sakemm in-nagħaġ u/jew il-mogħoż u l-frieħ tagħhom jinżammu iżolati mill-annimali ovini u/jew kaprini ta’ azjendi oħra matul il-perjodu kollu.

(iii)

li jdewmu l-qtil u l-qerda sħiħa jew il-qtil għall-konsum mill-bniedem tal-annimali msemmija fit-tieni paragrafu tal-għażla 2 għal perjodu massimu ta’ tliet snin mid-data tal-konferma tal-każ primarju, fil-merħliet ta’ annimali ovini u f’azjendi fejn jinżammu flimkien annimali ovini u kaprini. L-applikazzjoni tad-deroga stipulata f’dan il-paragrafu għandha tkun limitata għal każijiet fejn l-Istat Membru responsabbli għall-azjenda jqis li s-sitwazzjoni epidemjoloġika ma tistax tiġi indirizzata mingħajr il-qtil tal-annimali rilevanti, iżda li dan ma jistax jsir minnufih minħabba l-livell baxx ta’ reżistenza fil-populazzjoni ovina u kaprina tal-azjenda flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet oħra, inklużi fatturi ekonomiċi. Imtaten għat-tgħammir minbarra dawk tal-ġenotip ARR/ARR għandhom jinqatlu jew jiġu kastrati mingħajr dewmien. Il-miżuri kollha possibbli biex tinbena reżistenza ġenetika fil-popolazzjoni ovina u/jew kaprina tal-azjenda għandhom jiġu implimentati, inkluż tnissil u qtil motivat ta’ nagħaġ biex tiżdied il-frekwenza tal-allel ARR u jiġi eliminat l-allel VRQ, u t-tnissil ta’ bdabad li jġorru alleli K222, D146 jew S146. L-Istat Membru responsabbli għall-azjenda għandu jiżgura li n-numru ta’ annimali li għandhom jinqatlu fl-aħħar tal-perjodu ta’ dewmien ma jkunx akbar minn dak fiż-żmien immedjat wara li ġie kkonfermat il-każ primarju. Fil-każ tal-applikazzjoni tad-deroga stipulata f’dan il-paragrafu, il-miżuri stipulati fil-punt 4 għandhom japplikaw għall-azjenda sal-qerda sħiħa jew il-qtil għall-konsum mill-bniedem tal-annimali msemmija fit-tieni paragrafu tal-għażla 2, u wara r-restrizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom ikunu applikabbli.

Wara l-qtil u l-qerda sħiħa, jew il-qtil għall-konsum mill-bniedem tal-annimali msemmija fit-tieni paragrafu tal-għażla 2, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għall-azjenda.”;

(d)

fil-punt 2.2.2, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

L-Għażla 3 – l-ebda qtil obbligatorju u qerda sħiħa ta’ annimali

Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma joqtolx u ma jeqridx totalment l-annimali identifikati fl-inkjesta msemmija fit-tieni u t-tielet inċiż tal-punt 1(b) meta jintlaħqu l-kriterji stipulati f’mill-inqas wieħed mill-erba’ inċiżi li ġejjin:

huwa diffiċli li jinkisbu annimali ovini maskili ta’ sostituzzjoni tal-ġenotip ARR/ARR u annimali ovini nisa li jġorru mill-inqas allel ARR wieħed u l-ebda allel VRQ, jew annimali kaprini li jġorru mill-inqas wieħed mill-alleli li ġejjin: K222, D146 u S146,

il-frekwenza tal-allel ARR fir-razza ovina jew l-azjenda jew l-alleli K222, D146 jew S146 fir-razza kaprina jew l-azjenda hija baxxa,

dan jitqies meħtieġ sabiex jiġi evitat tgħammir bejn annimali tal-istess demm,

dan jitqies meħtieġ mill-Istati Membri abbażi ta’ kunsiderazzjoni motivata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha.

Il-ġenotip tal-proteina prijonika tal-annimali ovini u kaprini kollha, sa massimu ta’ 50 minn għal kull speċi, għandu jiġi ddeterminat f’perjodu ta’ tliet xhur mid-data tal-konferma tal-każ indiċi ta’ scrapie klassika.

Meta jinqabdu każijiet oħrajn ta’ scrapie klassika f’azjenda fejn tkun qed tiġi applikata l-għażla 3, ir-rilevanza tar-raġunijiet u l-kriterji li tkun ibbażata fuqhom id-deċiżjoni li tiġi applikata l-għażla 3 għal din l-azjenda għandha terġa’ tiġi eżaminata mill-Istat Membru. Jekk jiġi konkluż li l-applikazzjoni tal-għażla 3 ma tiżgurax kontroll xieraq tat-tifqigħa, l-Istat Membru għandu jaqleb il-ġestjoni ta’ din l-azjenda mill-għażla 3 għall-għażla 1 jew għall-għażla 2, kif stipulat fil-punti (b) u (c).

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 4 għandhom japplikaw immedjatament għal azjenda fejn ikun ġie deċiż li għandha tiġi applikata l-għażla 3.

L-Istati Membri li jippermettu rikors għall-għażla 3 fil-ġestjoni ta’ tifqigħat ta’ scrapie klassika għandhom iżommu rekord tar-raġunijiet u l-kriterji li tkun ibbażata fuqhom kull deċiżjoni individwali ta’ applikazzjoni.”;

(e)

il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

Wara l-qtil u l-qerda sħiħa jew il-qtil għall-konsum mill-bniedem tal-annimali kollha identifikati f’azjenda, f’konformità mal-punt 2.2.1, il-punt 2.2.2(b) jew il-punt 2.2.2(c), għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin:

3.1.

L-azjenda għandha tiġi soġġetta għal protokoll intensifikat ta’ monitoraġġ tat-TSE. Dan għandu jinkludi l-ittestjar għall-preżenza ta’ TSE f’annimali li għandhom aktar minn 18-il xahar, li jkunu mietu jew li jkunu nqatlu fl-azjenda iżda mhux fil-kuntest ta’ kampanja għall-qerda ta’ marda. Annimali ovini tal-ġenotip ARR/ARR u annimali kaprini li mill-inqas iġorru wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146 huma eżentati. L-ittestjar għandu jitwettaq skont il-metodi tal-laboratorju u l-protokolli stipulati fl-Anness X, Kapitolu C, Parti 3, punt 3.2.

3.2.

L-annimali li ġejjin biss jistgħu jiġu introdotti fl-azjenda:

annimali ovini maskili tal-ġenotip ARR/ARR;

annimali ovini nisa li jġorru mill-inqas allel ARR wieħed u l-ebda allel VRQ;

annimali kaprini, sakemm ikun sar tindif u diżinfettar tal-bini kollu fejn jinżamu l-annimali fuq il-post wara li tkun tneħħiet il-merħla.

3.3.

L-imtaten għat-tgħammir, il-bdabad tal-għalla u l-prodotti ġerminali ovini u kaprini li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-azjenda:

annimali ovini maskili tal-ġenotip ARR/ARR;

semen minn imtaten tal-ġenotip ARR/ARR;

embrijuni li mill-inqas iġorru allel ARR wieħed u l-ebda allel VRQ;

bdabad tal-għalla u prodotti ġerminali kaprini kif definit fil-miżuri deċiżi mill-Istat Membru biex tinbena reżistenza fil-popolazzjoni kaprina tal-azjenda.

3.4.

Iċ-ċaqliq tal-annimali mill-azjenda għandu jew jitħalla għall-finijiet tal-qerda, jew inkella jiġ soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali li ġejjin jistgħu jiġu mċaqalqa mill-azjenda għall-finijiet kollha, inkluż it-tgħammir:

annimali ovini ARR/ARR;

nagħaġ li jġorru allel ARR wieħed u l-ebda allel VRQ, sakemm jiġu mċaqalqa lejn azjendi oħrajn li jkunu ristretti wara l-applikazzjoni tal-miżuri skont il-punti 2.2.2(b) (għażla 1), 2.2.2(c) (għażla 2), jew 2.2.2(d) (għażla 3);

annimali kaprini li jġorru mill-inqas wieħed mill-alleli li ġejjin: K222, D146 u S146;

annimali kaprini, sakemm jiġu mċaqalqa lejn azjendi oħrajn li jkunu ristretti wara l-applikazzjoni tal-miżuri skont il-punti 2.2.2(b) (għażla 1), 2.2.2(c) (għażla 2) jew 2.2.2(d) (għażla 3);

(b)

l-annimali li ġejjin jistgħu jiċċaqilqu mill-azjenda sabiex jittieħdu direttament għall-qatla għall-konsum mill-bniedem:

annimali ovini li jġorru mill-inqas allel ARR wieħed;

annimali kaprini;

jekk l-Istat Membru jiddeċiedi hekk, il-ħrief u l-gidjien li jkollhom inqas minn tliet xhur fid-data tal-qatla;

l-annimali kollha meta l-Istat Membru jkun iddeċieda li japplika d-derogi stipulati fil-punti 2.2.2(b)(i) u 2.2.2(c)(i);

(c)

jekk l-Istat Membru hekk jiddeċiedi, il-ħrief u l-gidjien jistgħu jitmexxew lejn azjenda agrikola oħra li tinsab fit-territorju tagħha biss għall-finijiet ta’ simna qabel il-qatla soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-azjenda destinatarja ma jkun fiha ebda annimali ovini jew kaprini minbarra dawk li jkunu qed jissemmnu qabel il-qtil;

fl-aħħar tal-perjodu ta’ tismin, il-ħrief u l-gidjien li joriġinaw mill-azjendi soġġetti għall-miżuri ta’ eradikazzjoni għandhom jiġu ttrasportati direttament lejn biċċerija li tkun allokata fit-territorju tal-istess Stat Membru sabiex jinqatlu mhux iktar tard minn meta jkollhom tnax-il xahar.

3.5.

Ir-restrizzjonijiet stipulati fil-punti 3.1 sa 3.4 għandhom ikomplu japplikaw għall-azjenda:

(a)

sad-data tal-kisba tal-istatus ARR/ARR mill-annimali ovini kolha fl-azjenda, sakemm ma jinżammu ebda annimal kaprin fl-azjenda; jew

(b)

sad-data li fiha l-annimali kaprini kollha fl-azjenda jġorru mill-inqas wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146, sakemm ma jinżamm ebda annimal ovin fl-azjenda; jew

(c)

Sad-data tal-ksib ta’ status ARR/ARR mill-annimali ovini kollha fl-azjenda u l-annimali kaprini kollha fl-azjenda jġorru mill-inqas wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146; jew

(d)

għal perjodu ta’ sentejn mid-data meta l-miżuri kollha msemmija fil-punt 2.2.1, il-punt 2.2.2(b), jew il-punt 2.2.2(c) ikunu ġew imwettqa, sakemm ma jiġi skopert ebda każ ta’ TSE ħlief l-iscrapie atipika matul dan il-perjodu ta’ sentejn. Jekk matul dan il-perjodu ta’ sentejn jiġi kkonfermat każ ta’ scrapie atipika, l-azjenda għandha tiġi soġġetta wkoll għall-miżuri msemmija fil-punt 2.2.3.”;

(f)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Wara d-deċiżjoni li tiġi implimentata l-għażla 3 stabbilita fil-punt 2.2.2.(d) jew id-deroga prevista fil-punt 2.2.2.(c)(iii) il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw immedjatament għall-azjenda:

4.1.

L-azjenda għandha tiġi soġġetta għal protokoll ta’ monitoraġġ tat-TSE intensifikat. Dan għandu jinkludi l-ittestjar għall-preżenza ta’ TSE fl-annimali li għandhom aktar minn 18-il xahar li:

ikunu nqatlu għall-konsum mill-bniedem;

ikunu mietu jew inqatlu fl-azjenda iżda mhux fil-kuntest ta’ kampanja għall-qerda tal-marda.

Annimali ovini tal-ġenotip ARR/ARR u annimali kaprini li mill-inqas iġorru wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146 huma eżentati. L-ittestjar għandu jitwettaq skont il-metodi tal-laboratorju u l-protokolli stipulati fl-Anness X, Kapitolu C, Parti 3, punt 3.2.

4.2.

Għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet kif stipulati fil-punti 3.2 u 3.3.

Madankollu, permezz ta’ deroga mill-punti 3.2 u 3.3, Stat Membru jista’ jippermetti l-introduzzjoni u l-użu fl-azjenda ta’

annimali ovini maskili u s-semen tagħhom li jġorru mill-inqas allel ARR wieħed u l-ebda allel VRQ inkluż għat-tnissil;

annimali ovini nisa li ma jġorru l-ebda allel VRQ;

embrijuni li ma jġorrux allel VRQ;

soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

ir-razza tal-annimali li jinżamm fl-azjenda hija razza fil-periklu;

ir-razza tal-annimal li jinżamm fl-azjenda hija soġġetta għal programm ta’ tnissil li għandu l-għan li jippreserva r-razza u li jiġi mwettaq minn kumpanija tat-tnissil kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2016/1012 jew awtorità kompetenti skont l-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament; u

il-frekwenza tal-allel ARR f’dik ir-razza tkun baxxa.

4.3.

Iċ-ċaqliq tal-annimali mill-azjenda agrikola għandu jkun permess għall-finijiet ta’ qerda jew biex imorru direttament għall-qatla għall-konsum mill-bniedem, jew għandhom jiġu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

imtaten u nagħaġ tal-ġenotip ARR/ARR u annimali kaprini li jġorru mill-inqas wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146 jistgħu jiġu mċaqalqa mill-azjenda għall-finijiet kollha, inkluż it-tnissil, sakemm dawn jiġu mċaqalqa f’azjendi oħrajn li jkunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-miżuri skont il-punti 2.2.2(c) (għażla 2) jew 2.2.2(d) (għażla 3);

(b)

jekk l-Istat Membru hekk jiddeċiedi, il-ħrief u l-gidjien jistgħu jitmexxew lejn azjenda agrikola oħra li tinsab fit-territorju tagħha biss għall-finijiet ta’ simna qabel il-qatla soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-azjenda destinatarja ma jkun fiha ebda annimali ovini jew kaprini minbarra dawk li jkunu qed jissemmnu qabel il-qtil;

fl-aħħar tal-perjodu tat-tismin, il-ħrief u l-gidjien għandhom jiġu ttrasportati direttament lejn biċċerija li tkun tinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru sabiex jinqatlu mhux aktar tard minn meta jkollhom tnax-il xahar.

4.4.

L-Istat Membru għandu jiżgura li mill-azjenda ma jintbagħtux semen, embrijuni u bajd.

4.5.

Il-mergħa komuni tal-annimali ovini u kaprini kollha fl-azjenda mal-annimali ovini u kaprini ta’ azjendi oħrajn għandha tkun ipprojbita matul il-perjodu tat-twelid tal-ħrief u/jew il-gidjien.

Barra mill-perjodu tat-twelid ta’ ħrief u/jew gidjien, il-mergħa komuni għandha tiġi soġġetta għal restrizzjonijiet li għandhom jiġu determinati mill-Istat Membru, abbażi ta’ kunsiderazzjoni motivata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha.

4.6.

Ir-restrizzjonijiet stipulati fil-punti 4.1 sa 4.5 għandhom japplikaw għal perjodu ta’ sentejn wara l-iskoperta tal-aktar każ riċenti ta’ TSE, ħlief scrapie atipika, fl-azjendi fejn tkun ġiet implimentata l-għażla 3 stipulata fil-punt 2.2.2(d). Jekk matul dan il-perjodu ta’ sentejn jiġi kkonfermat każ ta’ scrapie atipika, l-azjenda għandha tiġi soġġetta wkoll għall-miżuri msemmija fil-punt 2.2.3.”;

3.

fl-Anness VIII, il-punt 4.1 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

fil-każ ta’ annimali ovini, ikunu tal-ġenotip tal-proteina prijonika ARR/ARR u fil-każ ta’ annimali kaprini, iġorru mill-inqas wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146, sakemm dawn ma jkunux ġejjin minn azjenda soġġetta għar-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness VII, Kapitolu B, punti 3 u 4.”;

(b)

fil-punt (b), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

fil-każ ta’ annimali ovini, ikunu tal-ġenotip tal-proteina prijonika ARR/ARR u fil-każ ta’ annimali kaprini, iġorru mill-inqas wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146, sakemm dawn ma jkunux ġejjin minn azjenda soġġetta għar-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness VII, Kapitolu B, punti 3 u 4.”;

(c)

fil-punt (d), il-punti (i), (ii) u (iii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(i)

ir-razza tal-annimali hija razza fil-periklu;

(ii)

l-annimali jiddaħħlu fi ktieb tat-tnissil għal dik ir-razza fl-Istat Membru ta’ spedizzjoni. Dan il-ktieb tat-tnissil jiġi stabbilit u jinżamm minn soċjetà tat-tnissil, rikonoxxuta skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/1012, jew minn awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, skont l-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament. L-annimali jiddaħħlu wkoll fi ktieb tat-tnissil għal dik ir-razza fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Dan il-ktieb tat-tnissil jiġi stabbilit ukoll u jinżamm minn soċjetà tat-tnissil, rikonoxxuta skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/1012, jew minn awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament;

(iii)

fl-Istat Membru ta’ spedizzjoni u fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, is-soċjetajiet tat-tnissil jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (ii) iwettqu programm tat-tnissil immirat lejn il-preservazzjoni ta’ dik ir-razza;”;

(d)

fil-punt (d) l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-punt (v) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“wara d-dħul tal-annimali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) jew (b) fl-azjenda riċevituri fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, iċ-ċaqliq tal-annimali ovini u kaprini kollha f’dik l-azjenda għandu jiġi ristrett skont il-punt 3.4 tal-Kapitolu B tal-Anness VII, għal perjodu ta’ tliet snin. Meta Stat Membru ta’ destinazzjoni jkollu riskju negliġibbli ta’ scrapie klassika jew programm ta’ kontroll tal-iscrapie nazzjonali approvat, din ir-restrizzjoni għandha tinżamm għal perjodu ta’ seba’ snin.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt, tali restrizzjoni fuq il-kummerċ intra-UE jew għaċ-ċaqliq ta’ annimali fl-Istat Membru ma għandhiex tapplika għal annimali li jappartjenu għal razza fil-periklu, u li jkunu destinati għal azjenda fejn titnissel din ir-razza fil-periklu. Ir-razza għandha tiġi soġġetta għal programm tat-tnissil immirat lejn il-prevenzjoni tar-razza u mwettaq minn soċjetà tat-tnissil kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2016/1012 jew awtorità kompetenti skont l-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament.”.


(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ir-Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(*2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).

(*5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).”;”