27.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/7


REGOLAMENT (UE) 2020/697 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Mejju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/352, sabiex il-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu joffru l-flessibbiltà fir-rigward tal-impożizzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha impatt negattiv serju fuq is-settur tat-trasport marittimu. Il-konsegwenzi serji għas-servizzi tat-trasport marittimu u għall-użu tal-infrastruttura portwarja ilhom jinħassu mill-bidu ta’ Marzu 2020 u aktarx ser jibqgħu matul l-2020. Ir-rinunzjar, is-sospensjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-operaturi tal-bastimenti f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tariffi tal-infrastruttura portwarja jiġu imposti. Ir-Regolament (UE) 2017/352 ma jipprovdi l-ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġu imposti t-tariffi.

(3)

Fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, jixraq li l-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw, li jissospendu, li jnaqqsu jew li jiddifferixxu l-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinterferixxix mal-organizzazzjoni portwarja tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu s-setgħa li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet mill-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew mill-awtorità kompetenti. Jenħtieġ li tali rinunzjar, sospensjoni, tnaqqis jew differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja jingħataw b’mod trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju.

(4)

Minħabba l-urġenza, jixraq ukoll li l-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jidderogaw mill-obbligu, previst fir-Regolament (UE) 2017/352, li jinfurmaw lill-utenti ta’ infrastruttura portwarja dwar kwalunkwe tibdil fin-natura jew fil-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja tal-anqas xahrejn qabel ma dak it-tibdil jidħol fis-seħħ.

(5)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-emendar tar-Regolament (UE) 2017/352 bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni urġenti maħluqa mit-tifqigħa tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(6)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19 li jiġġustifikaw il-miżuri proposti, u b’mod partikolari biex jiġu adottati malajr il-miżuri neċessarji sabiex jingħata kontribut għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-operaturi tal-bastimenti, kien meqjus xieraq li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(7)

It-tifqigħa imprevedibbli u għal għarrieda tal-COVID-19 u l-proċeduri leġislattivi li huma meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżuri rilevanti kienu jfissru li kien impossibbli li miżuri bħal dawn jiġu adottati fil-ħin. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għal perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Minħabba n-natura ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, approċċ bħal dan ma jirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/352 jiġi emendat skont dan.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/352 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Minkejja l-Artikolu 13(1), (3) u (4), il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw, li jissospendu, li jnaqqsu jew li jiddifferixxu l-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti għal dak il-għan fil-liġi nazzjonali. Ir-rinunzjar, is-sospensjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tal-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja għandhom jingħataw b’mod trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju.

Il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u r-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-portijiet ikunu infurmati kif xieraq. Il-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 13(5) ma għandux japplika.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2020.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).