3.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/379


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/692

tat-30 ta’ Jannar 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 234(2), 237(4) u 239(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa tal-annimali dan l-aħħar ġiet aġġornata bl-adozzjoni tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”. Dak ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ April 2016, u li japplika mill-21 ta’ April 2021, ħassar u ħa post madwar 40 att bażiku. Jeħtieġ ukoll l-adozzjoni ta’ ħafna regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jitħassru u jiġu ssostitwiti madwar 400 att tal-Kummissjoni li kienu jeżistu fil-qasam tas-saħħa tal-annimali qabel il-qafas legali l-ġdid stabbilit mil-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”.

(2)

Il-kundizzjonijiet tal-kummerċ evolvew mill-adozzjoni tal-ewwel regoli dwar is-saħħa tal-annimali fil-livell tal-Unjoni, bil-volum ta’ kummerċ fl-annimali, fil-prodotti ġerminali u fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali li żdied b’mod sinifikanti, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Matul l-istess perjodu, bħala riżultat tal-politiki u tar-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, ċertu mard ġie eradikat fl-Unjoni u mard ieħor ġie pprevenut jew ikkontrollat f’ħafna Stati Membri. Madankollu, diversi drabi, mard emerġenti ġab miegħu sfidi ġodda għall-istat tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni, għall-kummerċ u għall-ekonomija lokali fiż-żoni affettwati minn dak il-mard.

(3)

Ir-regoli stabbiliti f’dan l-att jissupplimentaw dawk diġà stabbiliti fil-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”. Dawn jenħtieġ li jipprovdu l-garanziji neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu fl-Unjoni ma jkunux jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-annimali miżmuma u selvaġġi li jista’ jxekkel l-istat tas-saħħa tal-Unjoni fir-rigward tal-mard tal-annimali u jkollhom impatt ekonomiku detrimentali fuq is-setturi involuti.

(4)

L-Artikolu 234 tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi li sakemm jiġu adottati l-atti delegati li jistabbilixxu r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali fir-rigward ta’ speċi u ta’ kategorija partikolari ta’ annimal, ta’ prodott ġerminali jew ta’ prodott li joriġina mill-annimali, l-Istati Membri, wara li jevalwaw ir-riskji involuti, jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali jekk dawn ikunu konformi ma’ ċerti rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Għalhekk, id-dħul fl-Unjoni ta’ speċijiet u kategoriji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali mhux koperti minn dan ir-Regolament jistgħu jkunu soġġetti għal tali regoli nazzjonali applikati mill-Istati Membri.

(5)

Ir-regoli eżistenti dwar is-saħħa tal-annimali, stabbiliti fl-atti preċedenti tal-Kummissjoni rigward id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali wrew li kienu effettivi, u għaldaqstant l-għan u s-sustanza ta’ dawk ir-regoli eżistenti jenħtieġ li jinżammu f’dan ir-Regolament, però jenħtieġ li jiġu aġġornati sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni r-regoli dwar regolamentazzjoni aħjar, tal-qafas il-ġdid dwar is-saħħa tal-annimali stabbilit fil-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” u l-għarfien xjentifiku ġdid disponibbli, l-istandards internazzjonali u l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-atti preċedenti tal-Unjoni.

(6)

Sabiex jiġu evitati interruzzjonijiet bla bżonn fil-kummerċ, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw tranżizzjoni mingħajr intoppi mir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti preeżistenti tal-Unjoni.

(7)

Il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard tal-annimali trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. B’mod partikolari, il-Kapitolu 1 tal-Parti V ta’ dak ir-Regolament, li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jissupplimentaw ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali diġà stabbiliti fih.

(8)

L-Artikolu 229(1) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jistabbilixxi r-rekwiżiti li skont dawn l-Istati Membri jridu jawtorizzaw id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali. Ir-rekwiżiti jkopru kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini, l-istabbiliment ta’ oriġini, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li dawk il-konsenji jridu jikkonformaw magħhom, kif ukoll iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali, id-dikjarazzjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor li jenħtieġ li jakkumpanja t-tali konsenji.

(9)

Barra minn hekk, l-Artikolu 234(1) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jistipula li r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ speċijiet u ta’ kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew minn territorji jew żoni tagħhom tal-anqas iridu jkunu stretti daqs dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament, u fl-atti delegati adottati skont dan, applikabbli għall-movimenti fi ħdan l-Unjoni ta’ dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ dawk il-komoditajiet. Jekk ir-rekwiżiti ma jkunux stretti daqs dawk fir-Regolament, dawn iridu joffru garanziji ekwivalenti għar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali previsti fil-Parti IV ta’ dak ir-Regolament.

(10)

L-Artikolu 234(2) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi li jiġu adottati atti delegati li jissupplimentaw ir-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament, fir-rigward tar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ speċijiet u ta’ kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi u territorji, u għall-moviment fi ħdan l-Unjoni u għall-immaniġġjar ta’ dawk il-komoditajiet wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, sabiex jiġu mmitigati r-riskji possibbli involuti.

(11)

L-Artikolu 237(1) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi li l-Istati Membri jridu jawtorizzaw id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali biss jekk it-tali konsenji jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u mid-dikjarazzjonijiet jew minn dokumenti oħrajn meħtieġa skont dak ir-Regolament. L-Artikolu 237(2) ta’ dak ir-Regolament jistipula li ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid ikun ġie vverifikat u ffirmat minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 237(4) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jikkonċernaw derogi mir-rekwiżiti taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 237(1) u fl-Artikolu 237(2) ta’ dak ir-Regolament, u tistabbilixxi regoli li jeħtieġu li t-tali konsenji jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet jew minn dokumenti oħra.

(12)

L-Artikolu 239(2) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati rigward regoli speċjali u rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi speċifiċi ta’ dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, u jipprevedi derogi mir-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikoli 229(1) u 237(1) ta’ dak ir-Regolament, u fir-regoli supplimentari stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli 234(2) u 237(4) tiegħu.

(13)

Ir-regoli supplimentari li għandhom jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament skont l-Artikoli 234(2) u 239(2) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” huma interrelatati. L-Artikolu 234(2) jipprevedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, filwaqt li l-Artikolu 239(2) jipprevedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli speċjali u r-rekwiżiti addizzjonali għal derogi minn dawk ir-rekwiżiti ġenerali.

(14)

Ir-rekwiżiti dwar iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali previsti fl-Artikolu 237 tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” huma parti mill-qafas ta’ regoli relatati mad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali. Is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 237(4) ta’ dak ir-Regolament sabiex tagħti derogi mir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali hija parti minn dak il-qafas ġenerali ta’ regoli.

(15)

Il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” diġà tipprovdi numru ta’ definizzjonijiet. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti f’atti oħra tal-Unjoni fl-oqsma relatati tal-iġjene tal-ikel u tal-kontrolli uffiċjali, bħad-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Madankollu, għall-fini tal-istabbiliment tar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, huwa xieraq li jiġu inklużi definizzjonijiet partikolari, li jinkludu definizzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali. Dawn id-definizzjonijiet huma meħtieġa sabiex jiġi ċċarat liema kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-annimali u, għaldaqstant, huma soġġetti għar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni.

(16)

Fl-interessi tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u fuq il-bażi tar-riskju għas-saħħa tal-annimali li dawn jirrappreżentaw, id-definizzjoni għal “laħam frisk” għall-fini ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tinkorpora d-definizzjonijiet għal “laħam frisk”, għal “ikkapuljat” u għal “preparati tal-laħam” stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

(17)

Barra minn hekk, id-definizzjoni għal “prodotti tal-laħam” għall-fini ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tinkorpora d-definizzjonijiet għal “prodotti tal-laħam”, “stonkijiet ittrattati”, “vexxiki”, “intestini”, “grass tal-annimali mdewweb” u “estratti tal-laħam” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004. Dan għaliex minn perspettiva tas-saħħa tal-annimali, dawk il-komoditajiet kollha jirrappreżentaw l-istess riskju għas-saħħa tal-annimali u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.

(18)

Id-definizzjoni għal “karkassa” stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jenħtieġ li tiġi adattata sabiex tiddefinixxi “karkassa ta’ ungulat” sabiex issir distinzjoni bejn din u bejn “ġewwieni”. Dan għaliex dawk iż-żewġ komoditajiet jirrappreżentaw riskji differenti għas-saħħa tal-annimali, u l-“ġewwieni” jirrappreżenta riskju akbar.

(19)

“Budellat” jenħtieġ li tiġi ddefinita f’dan ir-Regolament u dik id-definizzjoni jenħtieġ li tikkunsidra d-definizzjoni inkluża fil-Kodiċi dwar is-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Id-definizzjoni jenħtieġ li tiċċara liema prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jitqiesu bħala budellat u, għaldaqstant, għandhom isirulhom it-trattamenti speċifiċi għall-mitigazzjoni tar-riskju previsti f’dan ir-Regolament.

(20)

L-Artikolu 229(1) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi l-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jkunu permessi li jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn territorji elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u tal-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali jew ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 230(1), u jekk il-konsenji jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali previsti fl-Artikolu 234 u fl-atti delegati sussegwenti. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jagħmilha r-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti li tivverifika li t-tali konsenji li jidħlu fl-Unjoni jkunu jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti.

(21)

L-Artikolu 237(1) tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jipprevedi li d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ speċijiet u ta’ kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew minn territorji jkun permess biss meta dawk il-konsenji jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimal, maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju, jew minn dikjarazzjonijiet jew minn dokumenti oħra, jew minn dawk id-dokumenti kollha kemm huma. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiċċara liema dokumenti jkunu meħtieġa f’kull każ u jenħtieġ li jagħmilha r-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti li tivverifika li t-tali konsenji li jidħlu fl-Unjoni jkunu konformi ma’ dak ir-rekwiżit ġenerali.

(22)

L-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, fid-dikjarazzjonijiet u f’dokumenti oħra li jakkumpanjaw il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali trid tkun tirrifletti b’mod akkurat jekk dawk il-konsenji jikkonformawx mar-rekwiżiti ġenerali previsti fil-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” u r-rekwiżiti rilevanti stabbilti f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi l-obbligi għall-operaturi responsabbli għad-dħul fl-Unjoni tat-tali konsenji u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dħul fl-Unjoni, fir-rigward tal-validità tad-dokumenti li jakkumpanjaw il-konsenji u l-eliġibbiltà tat-tali konsenji sabiex jidħlu fl-Unjoni.

(23)

Minħabba r-riskji tas-saħħa tal-annimali bħall-perjodi ta’ inkubazzjoni għall-mard, u sabiex jiġi evitat l-użu ħażin taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, hemm bżonn li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għall-validità ta’ dawk iċ-ċertifikati biss fil-każ ta’ annimali u ta’ bajd għat-tifqis. Dan għaliex dawn jirrappreżentaw riskju akbar għas-saħħa tal-annimali minn prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jistgħu jkunu għaddew minn miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u l-prodotti ġerminali li jiġu ttrasportati ffriżati f’kontenituri magħluqa u ssiġillati. Madankollu, peress li t-trasport bil-baħar ta’ annimali ħajjin u ta’ bajd għat-tifqis jista’ jieħu żmien twil, il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat f’dan il-każ jenħtieġ li jiġi estiż dment li jkunu ttieħdu ċerti miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.

(24)

Ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jridu jiġu rrispettati, u l-garanziji li jridu jipprovdu l-pajjiż terzi u t-territorji, għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jiddependu mill-mard elenkat fl-Artikolu 5 u fl-Anness II għal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” u mill-kategorizzazzjoni tagħhom kif prevista fl-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament u fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). Dak ir-Regolament jistabbilixxi d-definizzjonijiet tal-mard tal-kategoriji A, B, C, D u E u jiddikjara li r-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 iridu jiġu applikati għall-ispeċijiet elenkati u għall-gruppi ta’ speċijiet elenkati msemmija fl-Anness tiegħu.

(25)

Il-Kapitolu 1 tal-Parti II tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jistabbilixxi r-regoli dwar in-notifika u r-rapportar tal-mard sabiex jiġu żgurati detezzjoni bikrija u kontroll effettiv tal-mard fl-Unjoni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika d-dettalji dwar is-sistemi ta’ notifika u ta’ rapportar li jridu jkunu fis-seħħ fil-pajjiżi terzi jew fit-territorji sabiex jiġu ggarantiti sistemi ekwivalenti għal dawk implimentati fl-Unjoni, inkluż il-mard li jenħtieġ li jkun notifikabbli u rapportabbli. F’dan s-sens, filwaqt li l-annimali ħajjin jistgħu jittrażmettu l-mard li għalih ikunu speċi elenkata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882, mhux il-prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-prodotti ġerminali kollha miksuba minn dawk l-annimali jistgħu jittrażmettu dak il-mard kollu. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiċċara liema huwa l-mard tal-annimali ta’ tħassib u, għaldaqstant, li huwa notifikabbli u rapportabbli għal kull speċi u kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni.

(26)

Ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu bbażati fuq livelli differenti ta’ protezzjoni mir-riskji għas-saħħa tal-annimali. Ir-rekwiżiti differenti jvarjaw skont jekk humiex relatati ma’ pajjiż terz ta’ oriġini, ma’ territorju ta’ oriġini, ma’ żona fi ħdan dak il-pajjiż terz jew it-territorju, ma’ kompartiment fi ħdan dak il-pajjiż terz jew it-territorju fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, mal-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali jew tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, jew mal-istabbiliment jew maċ-ċentru għall-ġbir tal-prodotti ġerminali.

(27)

Is-sorveljanza u t-traċċabilità tal-mard fl-istabbilimenti huma elementi importanti tal-politika dwar il-kontroll tal-mard fl-Unjoni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi ċerti rekwiżiti bażiċi dwar it-traċċabilità u ż-żjarat tas-saħħa tal-annimali fl-istabbilimenti ta’ oriġini tal-annimali maħsubin għad-dħul fl-Unjoni, u fl-istabbiliment tal-oriġini tal-annimali li minnhom inkisbu l-prodotti ġerminali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni. Dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament.

(28)

Barra minn hekk, fejn ċertu tip ta’ stabbiliment li jżomm l-annimali jew il-prodotti ġerminali f’pajjiż terz jew f’territorju jirrappreżenta riskju partikolari għas-saħħa tal-annimali, dan jenħtieġ li jikseb approvazzjoni speċifika mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz jew fit-territorju sabiex jesporta lejn l-Unjoni, filwaqt li jipprovdi garanziji ekwivalenti bħal dawk previsti fl-Artikoli 92 sa 100 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal ċerti stabbilimenti fl-Unjoni.

(29)

Il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni jenħtieġ li ma jitqisux li jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-annimali fil-pajjiż jew fit-territorju ta’ oriġini tagħhom u jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal programmi nazzjonali ta’ eradikazzjoni jew għal kwalunkwe restrizzjoni nazzjonali oħra bbażata fuq tħassib relatat mas-saħħa tal-annimali.

(30)

Ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jipprovdu protezzjoni effettiva kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ mard trażmissibbli tal-annimali fl-Unjoni. Id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-konsenji jenħtieġ li ma jkunx permess minn pajjiżi terzi jew minn territorji jew żoni, jew, fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, ta’ kompartimenti tagħhom, infettati b’ċertu mard elenkat li għalih l-Unjoni għandha stat ta’ ħelsien mill-mard, u li konsegwentement ikun jippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-annimali fi ħdan l-Unjoni.

(31)

Huwa f’idejn l-Unjoni li tivvaluta jekk pajjiż terz, territorju jew żona jew, fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, kompartiment ta’ oriġini jkun ħieles minn marda speċifika. Il-valutazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-informazzjoni relatata mas-sorveljanza tal-marda pprovduta mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju, u tqis ir-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali kif previsti fil-Parti II tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (4). Jistgħu jkunu meħtieġa kundizzjonijiet speċifiċi għal ċertu mard u għal ċerti ċirkustanzi bħala miżuri addizzjonali għall-mitigazzjoni tar-riskju.

(32)

Il-ħelsien minn marda partikolari ta’ pajjiż terz jew ta’ territorju jew żona tiegħu jrid ikun ibbażat fuq testijiet u metodi dijanjostiċi rikonoxxuti f’livell internazzjonali mwettqa skont l-istess standards u proċeduri bħal dawk applikati fi ħdan l-Unjoni.

(33)

Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-istat tas-saħħa tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni jkun konformi mal-garanziji previsti mill-pajjiż terz, mit-territorju jew miż-żona ta’ oriġini. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi perjodu ta’ residenza minimu għall-annimali fil-pajjiż terz, fit-territorju, fiż-żona jew fl-istabbiliment ta’ oriġini, u għal perjodu minimu mingħajr kuntatt ma’ komoditajiet bi stat tas-saħħa inferjuri, qabel id-dispaċċ tagħhom lejn l-Unjoni. It-tul tal-perjodu minimu ta’ residenza jenħtieġ li jqis il-perjodu ta’ inkubazzjoni tal-mard rilevanti, u d-destinazzjoni u l-użu maħsuba tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(34)

Fil-każ ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa, il-perjodu ta’ residenza mhuwiex neċessarju peress li t-tilqim kontra r-rabja, l-aktar marda ta’ tħassib għal dawk l-ispeċijiet, huwa meħtieġ f’kull każ. Żwiemel irreġistrati maħsuba għal kompetizzjonijiet, tiġrijiet u avvenimenti kulturali ekwestri jenħtieġ li ikunu eżentati huma wkoll minn ċerti rekwiżiti rigward il-perjodu ta’ residenza, jekk ikunu konformi ma’ garanziji addizzjonali. Din l-eżenzjoni hija bbażata fuq l-aspettattiva li t-tali żwiemel ikollhom livell għoli ta’ saħħa.

(35)

L-istat tas-saħħa tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni jista’ jkun imxekkel matul it-trasport mill-post ta’ oriġini għall-post tad-dħul fl-Unjoni jekk dawn jidħlu f’kuntatt ma’ annimali jew ma’ prodotti li ma jikkonformawx mal-istess rewiżiti jew jekk jgħaddu bi tranżitu minn pajjiżi terzi, territorji jew żoni bi stat inferjuri tas-saħħa mill-pajjiż jew mit-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkunu applikati ċerti miżuri preventivi sabiex jiġi ppreservat l-istat tas-saħħa tagħhom.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li annimali f’saħħithom biss jintbagħtu lejn l-Unjoni, l-annimali fil-konsenji jenħtieġ li ssirilhom spezzjoni klinika mwettqa minn veterinarju uffiċjali qabel ma jintbagħtu. Il-perjodu ta’ żmien għat-twettiq ta’ din l-ispezzjoni jenħtieġ li jiġi adattat għal ċerti speċijiet u għar-riskju inerenti tagħhom.

(37)

Annimali terrestri, bajd għat-tifqis u annimali akkwatiċi maħsuba għad-dħul fl-Unjoni jenħtieġ li jiġu ttrasportati biss minn, jew inkella jinħattu fi, pajjiżi terzi, territorji jew żoni, li huma wkoll ikunu elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-istess speċijiet u kategoriji ta’ annimali u ta’ bajd għat-tifqis. L-inklużjoni ta’ dawk il-pajjiżi, territorji jew żoni fil-lista tindika li dawn jipprovdu garanziji ekwivalenti tas-saħħa tal-annimali bħall-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew żona tiegħu.

(38)

It-trasport tal-annimali terrestri u tal-bajd għat-tifqis permezz ta’ inġenji tal-ajru jew ta’ bastiment jista’ jiltaqa’ ma’ avvenimenti imprevisti bħal problemi mekkaniċi fil-mezz tat-trasport, strikes fl-ajruporti u fil-portijiet jew dewmien imprevist. Għaldaqstant, xieraq li jiġu previsti derogi f’dawk il-każijiet fejn jistgħu jiġu pprovduti garanziji. Dan jippermetti sabiex ikompli t-trasport tal-annimali terrestri u tal-bajd għat-tifqis fl-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-istat tas-saħħa ta’ dawk il-komoditajiet u jiġu evitati riskji addizzjonali għas-saħħa tal-annimali.

(39)

Fil-każ ta’ annimali ekwini, peress li t-trasbordi u l-waqfiet f’pajjiżi mhux elenkati huma parti mill-operazzjonijiet normali tat-trasport, dawn jenħtieġ li jitħallew wara li jittieħdu ċerti miżuri preventivi.

(40)

It-tindif u d-diżinfezzjoni tal-mezzi tat-trasport huma attività importanti għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ tixrid tal-mard tal-annimali. Waqt it-trasport ta’ konsenji ta’ annimali ħajjin iddestinati għall-Unjoni, it-tindif u d-diżinfezzjoni tal-mezzi tat-trasport jenħtieġ li jsiru minnufih qabel it-tagħbija tal-annimali għad-dispaċċ tagħhom lejn l-Unjoni.

(41)

Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ annimali fil-pajjiżi terzi jew fit-territorji ta’ oriġini jistgħu jġibu magħhom riskju addizzjonali għall-istat tas-saħħa tal-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni, minħabba t-taħlit tal-annimali ma’ annimali ta’ oriġini differenti u l-kuntatt bejniethom. Għaldaqstant, in-numru, id-durata tat-tali operazzjonijiet u l-ispeċijiet awtorizzati sabiex ikunu soġġetti għalihom jenħtieġ li jkunu limitati għal minimu u għal dawk l-ispeċijiet b’sistemi ta’ traċċabilità affidabbli.

(42)

Minbarra r-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali, hemm bżonn li jiġu pprovduti rekwiżiti speċifiċi b’kunsiderazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-annimali marbuta mal-ispeċijiet u mal-kategoriji differenti ta’ annimali terrestri li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(43)

Speċijiet differenti ta’ ungulati, kif iddefiniti fil-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”, huma elenkati bħala speċijiet suxxettibbli għall-mard elenkat differenti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882. Mard elenkat huwa stabbilit ukoll f’kategoriji differenti għal speċijiet differenti ta’ ungulati fl-istess Regolament. Għaldaqstant, dan r-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi b’mod ċar ir-rekwiżiti u l-garanziji speċifiċi relatati mal-mard elenkat għall-ispeċijiet u għall-kategoriji differenti ta’ ungulati.

(44)

Għall-prevenzjoni tal-okkorrenza ta’ mard tal-kategorija A, li minnu l-Unjoni hija meqjusa bħala ħielsa, ir-rekwiżit ġenerali għall-pajjiż terz jew għat-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu ta’ ungulati jenħtieġ li jkun ħelsien ekwivalenti mill-marda għal perjodu ta’ żmien li jiggarnatixxi li d-dħul tal-annimali mill-pajjiż terz, mit-territorju jew miż-żona ma jipperikolax il-ħelsien tal-Unjoni mill-marda. Għall-mard tal-kategorija B, li għalih l-Unjoni għandha programmi obbligatorji ta’ eradikazzjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju fejn il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini ma jkunx ħieles għalkollox mit-tali mard.

(45)

Fejn il-konsenji ta’ ungulati jkunu maħsuba għad-dħul fi Stati Membri li jkunu uffiċjalment ħielsa mill-mard, jew li jkollhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għal rinotrakeite bovina infettiva/vulvovaġinite pustulari infettiva, għal dijarea virali bovina jew għal infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Aujeszky, dawk il-konsenji jenħtieġ li jikkonformaw ma’ rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-annimali ma jipperikolawx l-istat tas-saħħa ta’ dawk l-Istati Membri speċifiċi rigward dak il-mard.

(46)

Jenħtieġ li jkunu japplikaw regoli speċjali rigward il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini u rekwiżiti addizzjonali dwar is-saħħa tal-annimali meta l-ungulati jkunu joriġinaw minn stabbiliment konfinat u jkunu maħsuba għad-dħul fi stabbiliment konfinat fl-Unjoni. Ir-regoli speċjali jenħtieġ li jqisu l-ispeċifiċità ta’ dawk l-istabbilimenti konfinati u l-kundizzjonijiet speċifiċi li jikkonformaw magħhom sabiex ikunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini u mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni.

(47)

L-istabbiliment konfinat ta’ oriġini jista’ jkun jinsab f’pajjiż terz jew f’territorju li ma jkunx elenkat għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet speċifiċi ta’ ungulati. Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u s-servizzi veterinarji tal-pajjiż terz jew tat-territorju jridu jkunu ġew ivvalutati. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ oriġini jenħtieġ li jikkonforma ma’ rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tas-sorveljanza tal-mard, tas-superviżjoni veterinarja, taż-żamma ta’ rekords u tal-operazzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat li dawk il-garanziji jkunu jistgħu jiġu pprovduti, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ dawk l-istabbilimenti konfinati mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz jew fit-territorju. Lista tat-tali stabbilimenti konfinati jenħtieġ li titfassal mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, wara l-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni tar-riskju mill-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru tal-informazzjoni rilevanti kollha pprovduta mill-istabbiliment rigward ir-riskji involuti għas-saħħa tal-annimali.

(48)

Jenħtieġ li jkunu japplikaw rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ pollam u ta’ għasafar miżmuma sabiex jiġu indirizzati r-riskji partikolari rrappreżentati mill-mard elenkat rilevanti għal dawk l-annimali. Dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li jqisu l-kategorija, l-ispeċi u l-użu maħsub tal-pollam u tal-għasafar miżmuma, u jipprovdu protezzjoni effettiva kontra t-tixrid fl-Unjoni tal-mard ta’ tħassib minn pajjiżi terzi jew minn territorji.

(49)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-konsenji ta’ ammonti żgħar ta’ pollam, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti u derogi speċifiċi għal konsenji b’anqas minn 20 eżemplar ta’ pollam għajr ratiti.

(50)

B’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet u tar-riskji għas-saħħa tal-annimali assoċjati mal-għasafar miżmuma, il-konsenji ta’ dawk l-annimali jenħtieġ li jkunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni jekk ikunu ġejjin minn stabbilimenti approvati mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini tal-għasafar miżmuma jew fiż-żona tiegħu. L-għasafar miżmuma jenħtieġ li jitqiegħdu fi kwarantina malli jaslu fl-Unjoni sabiex tiġi kkonfermata n-nuqqas ta’ kwalunkwe mard ta’ tħassib.

(51)

Barra minn hekk, fejn il-konsenji ta’ għasafar u ta’ bajd għat-tifqis huma maħsuba għall-Istati Membri bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim, it-tali konsenji jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-konsenji ma jipperikolawx l-istat tas-saħħa għal dik il-marda ta’ dawk l-Istati Membri speċifiċi.

(52)

L-infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida) hija waħda mill-aktar mardiet ta’ tħassib għan-naħal. Fil-parti l-kbira hija eżotika għall-Unjoni iżda nfirxet madwar id-dinja fl-aħħar deċenji, u ħolqot problemi serji għall-industrija tal-apikultura u potenzjalment taffettwa wkoll in-naħal bagħli. It-Tropilaelaps (Tropilaelaps spp.) huma patoġeni potenzjalment devastanti tan-naħal tal-għasel. Dawn ukoll huma eżotiċi għall-Unjoni. Bħalissa ma hemmx trattamenti effettivi u sikuri kontra dan il-mard. Jekk dan il-mard jidħol fl-Unjoni mal-konsenji, ikun ta’ riskju għas-sostenibbiltà tas-settur tal-apikultura u lil hinn minnu, hekk kif potenzjalment jista’ jaffettwa l-agrikoltura u l-ambjent li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ dakkir min-naħal miżmuma u selvaġġi.

(53)

Il-pesta Amerikana kultant tfeġġ fl-Unjoni iżda hija kkontrollata fir-rigward tal-kummerċ tan-naħal tal-għasel, filwaqt li ċerti żoni fl-Unjoni ġew rikonoxxuti bħala ħielsa mill-Varroa u huma protetti minn garanziji kummerċjali addizzjonali sabiex il-postijiet ta’ destinazzjoni fl-Unjoni jinżammu sikuri. Ir-regoli fil-livell tal-Unjoni kienu u għadhom essenzjali għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ dħul fl-Unjoni tal-patoġeni msemmija hawn fuq li huma assoċjati mal-konsenji ta’ naħal tal-għasal u ma’ naħal bagħli. Għaldaqstant, it-tali regoli jenħtieġ li jkunu stipulati f’dan ir-Regolament.

(54)

Irġejjen tan-naħal tal-għasel mingħajr duqqajs u akkumpanjati minn numru żgħir ta’ attendenti f’gaġeġ b’reġina waħda biss jistgħu jiġu kkontrollati faċilment għal infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala jew bit-Tropilaelaps, u għaldaqstant id-dħul fl-Unjoni tan-naħal tal-għasel jenħtieġ li jkun limitat għat-tali konsenji.

(55)

Il-kolonji ta’ naħal bagħli mwielda u mrobbija fi stabbilimenti iżolati ambjentalment spiss ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali għall-industrija tal-ortikultura. Fid-dawl tal-faċilitajiet użati komunement, tal-proċeduri u tal-kontenituri magħluqa użati għall-kolonji mibgħuta bit-trasport marittimu, id-dħul fl-Unjoni tan-naħal bagħli (Bombus spp.) jenħtieġ li jkun permess biss għal kolonji li jiġu mwellda, jitrabbew u jiġu mballati biss f’kundizzjonijiet ambjentalment ikkontrollati fi stabbilimenti u li jistgħu jiġu vverifikati sabiex jiġi żgurat li jkunu ħielsa mill-ħanfusa żgħira tal-ġabsala.

(56)

Minħabba l-effetti potenzjali tagħha fuq il-bniedem u fuq l-annimali, ir-rabja hija l-marda elenkata li ġġib l-akbar tħassib fl-Unjoni li taffettwa l-klieb, il-qtates u l-inmsa. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu programm obbligatorju ta’ eradikazzjoni kontra l-infezzjoni bir-rabja skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/689. Għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ rabja introdotta fl-Unjoni, it-tilqim jenħtieġ li jkun meħtieġ għal kull konsenja ta’ klieb, qtates u inmsa li tidħol fiha, b’kunsiderazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effettività tal-vaċċini eżistenti kontra l-marda.

(57)

Klieb maħsuba għad-dħul fi Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-mard jew bi programm approvat ta’ eradikazzjoni għall-Echinococcus multilocularis jenħtieġ li jikkonformaw ma’ rekwiżiti addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dak l-istat f’dawk l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi applikat trattament preventiv għat-tali klieb qabel ma jidħlu fl-Unjoni. Madankollu, fejn il-klieb, il-qtates u l-inmsa jkunu maħsuba għal stabbiliment konfinat fl-Unjoni, jenħtieġ li ikunu japplikaw regoli speċjali fir-rigward tar-rabja u tal-infestazzjoni bl-Echinococcus multilocularis u rekwiżiti addizzjonali dwar is-saħħa tal-annimali, b’kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-attivitajiet tat-tali stabbilimenti u tal-kundizzjonijiet speċifiċi li fihom jinżammu l-annimali.

(58)

Il-prodotti ġerminali jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għat-tixrid tal-mard tal-annimali. Dan huwa partikolarment minnu għas-semen, iżda anki sa ċertu punt għall-ooċiti u għall-embrijuni. Peress li l-prodotti ġerminali jinġabru jew jiġu prodotti minn għadd limitat ta’ donaturi, iżda jintużaw ħafna fil-popolazzjoni ġenerali tal-annimali, dawn, jekk ma jiġux immaniġġjati sewwa jew jekk ma jiġux ikklassifikati bl-istat tas-saħħa korrett, jistgħu jkunu sors ta’ mard għal għadd kbir ta’ annimali. Każijiet bħal dawn seħħew fil-passat u kkawżaw telf ekonomiku sostanzjali. Għaldaqstant, iridu jiddaħħlu fis-seħħ rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma.

(59)

Ir-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ prodotti ġerminali tal-ungulati jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni tal-annimali ħajjin.

(60)

Ir-rekwiżiti speċifiċi għall-istabbilimenti ta’ prodotti ġerminali fejn jinġabru, jiġu prodotti, jiġu pproċessati u jinħażnu l-prodotti ġerminali tal-ungulati eliġibbli għad-dħul fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu jirriflettu dawk stabbiliti għall-movimenti fi ħdan l-Unjoni. L-istess approċċ japplika għar-rekwiżiti dwar it-traċċabilità u s-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali.

(61)

Minħabba l-ħtieġa li l-prodotti ġerminali jitmexxew minn stabbilimenti konfinati li jinsabu f’pajjiżi terzi lejn stabbilimenti konfinati li jinsabu fl-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi rekwiżiti speċjali dwar it-traċċabilità u s-saħħa tal-annimali għat-tali dħul.

(62)

Ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ bajd għat-tifqis jenħtieġ li jindirizzaw ir-riskji rigward il-mard elenkat li l-kategoriji differenti ta’ bajd għat-tifqis jista’ jintroduċi fl-Unjoni. Għaldaqstant, it-tali rekwiżiti jenħtieġ li jikkorrispondu għal dawk għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet jew tal-kategoriji rispettivi ta’ għasafar.

(63)

Meta l-bajd għat-tifqis tal-pollam ikun maħsub għad-dħul fi Stati Membri bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim, il-bajd jenħtieġ li jikkonforma ma’ rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi żgurat li ma jipperikolax l-istat ta’ dawk l-Istati Membri speċifiċi.

(64)

Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jittrażmettu aġenti tal-mard lil annimali u lil prodotti. Ir-riskju għas-saħħa tal-annimali marbut ma’ prodotti friski u nejjin li joriġinaw mill-annimali ovvjament huwa akbar minn dak ta’ dawk ipproċessati u ttrattati. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-pajjiż terz jew għat-territorju ta’ oriġini ta’ laħam frisk, ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ kolostru u ta’ prodotti bbażati fuq il-kolostru jenħtieġ li jkunu aktar stretti minn dawk għall-prodotti tal-laħam u għall-prodotti tal-ħalib. Madankollu, it-trattament applikat għal dawk il-prodotti ttrattati jrid ikun effettiv sabiex jiġi mmitigat ir-riskju li jġibu magħhom skont l-ispeċi ta’ oriġini tal-prodott u l-pajjiż jew it-territorju ta’ oriġini.

(65)

It-trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju applikabbli għal prodotti li joriġinaw mill-annimali li joriġinaw minn żoni ristretti stabbiliti fil-każ ta’ konferma ta’ mard tal-kategorija A fl-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (5), fuq il-bażi tal-għarfien xjentifiku disponibbli u tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Għaldaqstant, l-istess trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju jenħtieġ li ikunu japplikaw għal dawk il-prodotti li joriġinaw f’pajjiżi terzi, f’territorji jew f’żoni tagħhom li jirrappreżentaw riskju ekwivalenti għas-saħħa tal-annimali.

(66)

Ir-riskji marbuta ma’ laħam frisk li jidħol fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu mmitigati mir-rekwiżiti dwar il-ħelsien minn mard tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini u mir-rekwiżiti dwar il-mard tal-annimali għall-annimali ħajjin li minnhom jinkiseb il-laħam, dwar id-dispaċċ tal-annimali miżmuma għall-iskarnar, dwar l-operazzjonijiet ta’ skarnar u ta’ qtil, u dwar l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar u ta’ tħejjija.

(67)

Laħam frisk ta’ annimali terrestri jista’ jinkiseb minn annimali miżmuma, inkluża l-kaċċa mrobbija kif iddefinita fir-Regolament (KE) Nru 853/2004, u minn annimali selvaġġi. Madankollu, fl-Unjoni, il-laħam miksub minn annimali miżmuma bħala annimali tal-produzzjoni, b’mod partikolari annimali li jappartjenu għall-ispeċijiet Bos taurus, Capra hirchus, Ovis aries, u Sus scrofa, irid jinkiseb f’biċċerija. Għalhekk, sabiex jiġu pprovduti garanziji adegwati u ekwivalenti, huwa xieraq li jiġu esklużi dawk l-ispeċijiet mill-possibbiltà li jiġu kkategorizzati bħala kaċċa mrobbija jew annimali selvaġġi meta joriġina minnhom laħam frisk maħsub għad-dħul fl-Unjoni.

(68)

Meta sseħħ tifqigħa ta’ mard rilevanti tal-annimali f’pajjiż terz jew f’territorju, id-data u l-post tal-iskarnar tal-annimali miżmuma jew id-data tal-qtil tal-annimali selvaġġi jew tal-kaċċa mrobbija huma kruċjali sabiex jiġu stabbiliti r-riskji possibbli għas-saħħa tal-annimali assoċjati ma’ dawk l-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali miksuba minnhom. Għaldaqstant, id-data tal-iskarnar jew tal-qtil trid tiġi stabbilita sabiex jiġi vverifikat li l-annimali jkunu ġew skarnati jew inqatlu f’perjodu ta’ żmien mingħajr tifqigħat tal-marda u meta l-pajjiż terz jew it-territorju kien elenkat bħala wieħed awtorizzat sabiex idaħħal laħam frisk fl-Unjoni.

(69)

It-tip ta’ trattament li jrid jiġi applikat għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali jenħtieġ li jikkonforma mar-riskju miġjub mill-pajjiż terz, jew mit-territorju jew miż-żona tiegħu fejn issir il-manifattura tal-prodott. Id-dħul fl-Unjoni tal-prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali li sarulhom trattamenti li l-effettività tagħhom fl-eliminazzjoni tar-riskji marbuta mal-mard elenkat ta’ tħassib għall-kategorija partikolari tal-prodott li joriġina mill-annimali ma tkunx intweriet bil-provi, jenħtieġ li jkun awtorizzat biss minn pajjiżi terzi jew minn territorji jew żoni tagħhom li jipprovdu l-garanzji kollha tal-ħelsien mill-mard rilevanti. Għall-pajjiżi terzi jew għat-territorji jew iż-żoni tagħhom li ma jipprovdux dawk il-garanziji kollha, id-dħul fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jenħtieġ li jkun permess biss jekk dawk il-prodotti jkun sarilhom trattament speċifiku.

(70)

F’ċerti każijiet, pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu jġibu laħam nej sabiex jipproduċu prodotti tal-laħam minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu elenkati għad-dħul fl-Unjoni li jkunu tal-ispeċijiet rilevanti soġġetti għal trattament speċifiku. F’dawn il-każijiet, il-prodott tal-laħam dejjem jenħtieġ li jsirlu l-aktar trattament speċifiku sever sabiex jiġu mmitigati r-riskji possibbli kollha għas-saħħa tal-annimali.

(71)

Prodotti tal-laħam li fihom laħam tal-pollam minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn kien hemm tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tal-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle jenħtieġ li jsirilhom trattament li jkun effettiv fil-mitigazzjoni tar-riskju fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu elenkati għad-dħul fl-Unjoni. B’dan il-mod, il-kummerċ ikun jista’ jitkompla qabel ma jiġu implimentati miżuri għall-kontroll bħar-reġjonalizzazzjoni. L-applikazzjoni immedjata ta’ trattament għall-mitigazzjoni tar-riskju wara tifqigħa tnaqqas ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u fl-istess ħin tnaqqas l-impatt fuq il-kummerċ.

(72)

Meta l-prodotti tal-laħam jiġu mmanifatturati minn laħam frisk minn speċijiet differenti, it-trattament applikat jenħtieġ li jelimina kull riskju possibbli għas-saħħa tal-annimali. Għaldaqstant, jekk it-trattament jiġi applikat qabel it-taħlit, it-tipi differenti ta’ laħam frisk jenħtieġ li jirċievu t-trattament rilevanti assenjat għall-ispeċijiet ta’ oriġini tal-laħam frisk. Madankollu, jekk it-trattament jiġi applikat wara t-taħlit, il-prodott tal-laħam finali jenħtieġ li jsirlu t-trattament assenjat għall-ingredjent tal-laħam frisk bl-ogħla riskju għas-saħħa tal-annimali.

(73)

It-trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskji speċifiċi għas-saħħa tal-annimali marbuta mal-budellat jenħtieġ li jiġu rieżaminati u aġġornati b’kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar evidenza xjentifika vvalutata mill-Bord dwar is-Saħħa u l-Welfare tal-Annimali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (6).

(74)

Il-kundizzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ prodotti tal-ħalib, ta’ kolostru u ta’ prodotti bbażati fuq il-kolostru huma bbażati fuq ir-riskji għas-saħħa tal-annimali miġjuba minn dawn il-prodotti. Dawn ir-riskji huma marbuta mal-pajjiż jew mat-territorju ta’ oriġini jew maż-żona tiegħu u mal-ispeċijiet tal-annimali li minnhom jinkisbu. Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-infezzjoni bil-virus tal-pesta bovina huma ż-żewġ mardiet ta’ tħassib fil-każ tal-ħalib u tal-kolostru, u għaldaqstant, il-ħalib mhux ipproċessat u l-kolostru jenħtieġ li jidħlu biss minn pajjiżi terzi, jew minn territorji jew żoni tagħhom li jkunu ħielsa minn dak il-mard. Prodotti bbażati fuq il-kolostru jenħtieġ li wkoll joriġinaw biss minn dawk il-pajjiżi terzi, territorji jew żoni peress li ma hemm l-ebda trattament ibbażat fuq ix-xjenza għall-mitigazzjoni tar-riskju sabiex tiġi żgurata l-qerda tal-aġent tal-mard f’dik il-kategorija ta’ prodotti.

(75)

Għall-ħalib miksub minn Bos taurus, Ovis aries, Capra hircus, Bubalus bubalis u Camelus dromedarius, ir-riskju relatat mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer jista’ jiġi mmitigat bl-applikazzjoni ta’ trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju speċifiċi u magħrufa sew. Madankollu, peress li l-effettività ta’ wħud minn dawk it-trattamenti għall-prodotti tal-ħalib minn speċijiet ta’ annimali għajr Bos taurus, Ovis aries, Capra hircus, Bubalus bubalis u Camelus dromedarius ma tistax tiġi żgurata, dawn jenħtieġ li jsirilhom l-aktar trattament sever għall-mitigazzjoni tar-riskju.

(76)

It-trattamenti għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali dejjem jenħtieġ li jsiru fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew żona tiegħu elenkati għad-dħul ta’ dawk il-prodotti fl-Unjoni.

(77)

L-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati kultant jiġu ttrasportati bil-baħar b’bastimenti, inkluż dgħajes barrada, li jistgħu jbiddlu l-ilma matul il-vjaġġ. F’dawn il-każijiet, minbarra ċertifikat tas-saħħa, l-annimali jenħtieġ li jkunu akkumpanjati wkoll minn dikjarazzjoni ffirmata mill-kaptan tal-bastiment li tispjega d-dettalji tal-portijiet ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni u ta’ kwalunkwe port ieħor li ssirlu żjara matul il-vjaġġ. Din id-dikjarazzjoni jenħtieġ li tikkonferma li l-annimali tal-ispeċijiet elenkati abbord il-bastiment ma kinux esposti għal xi kundizzjoni li setgħet biddlet l-istat tas-saħħa tagħhom matul il-vjaġġ sad-destinazzjoni finali tagħhom.

(78)

L-annimali akkwatiċi jistgħu jidħlu fl-Unjoni għal skopijiet differenti. Fid-dawl tar-riskju ta’ mard assoċjat mal-moviment ta’ annimali ħajjin, it-tali annimali li jidħlu fl-Unjoni għall-konsum mill-bniedem jenħtieġ li jiġu ttrattati bl-istess mod daqslikieku kienu deħlin fl-Unjoni għal skopijiet oħra bħat-trobbija jew ir-rilaxx fl-ambjent naturali. Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali minn annimali akkwatiċi li mhumiex annimali akkwatiċi ħajjin jirrappreżentaw riskju inferjuri mill-annimali akkwatiċi, u, għalhekk, il-miżuri li jridu jittieħdu b’rabta mat-tali prodotti li jidħlu fl-Unjoni għall-ipproċessar ulterjuri huma anqas rigorużi minn dawk li japplikaw għall-annimali ħajjin.

(79)

Ir-rilaxx tal-annimali akkwatiċi fl-ilmijiet naturali huwa attività b’riskju għoli jekk dawk l-annimali jkunu infettati b’marda elenkata. Għal dik ir-raġuni, b’mod speċifiku għall-mard tal-kategoriji A u B, il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona jew il-kompartiment tiegħu jenħtieġ li jkunu ħielsa minn dak il-mard meta l-annimali akkwatiċi jkunu maħsuba għar-rilaxx fl-ilmijiet naturali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-annimali akkwatiċi miġjuba fl-Unjoni sabiex jinħelsu fl-ilmijiet naturali jenħtieġ li jkunu joriġinaw dejjem minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona jew kompartiment iddikjarati ħielsa minn marda tal-kategorija C anki meta l-Istat Membru jew iż-żona jew il-kompartiment ta’ destinazzjoni ma jkunux ħielsa minn dik il-marda.

(80)

Fil-każ ta’ mard akkwatiku, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 226 tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” mfassla sabiex jillimitaw l-impatt ta’ mard ieħor minbarra l-mard elenkat fit-territorju tagħhom stess. F’każijiet bħal dawn, il-konsenji ta’ speċijiet suxxettibbli għall-mard li għalih japplikaw dawk il-miżuri nazzjonali jridu jkunu joriġinaw minn pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kompartimenti tagħhom, li jkunu ħielsa minn dak il-mard.

(81)

L-Artikolu 226 tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” jirrifletti l-istess ħsieb bħall-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (7) peress li jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali kontra mard li mhuwiex elenkat. Huwa għalhekk xieraq, li l-lista ta’ mard u l-ispeċijiet rilevanti li għalihom dawk il-miżuri jkunu ġew stabbiliti tkompli tiġi rikonoxxuta. Dawn id-dettalji jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(82)

Ċerti regoli japplikaw fl-Unjoni fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura. Id-divrenzjar bejn jekk stabbiliment jistax jiġi rreġistrat jew jekk jenħtieġx li jiġi approvat jiddependi mir-riskju li jippreżenta li jkollu jew li jxerred il-mard. Għalhekk huwa importanti li l-annimali tal-akkwakultura li jidħlu fl-Unjoni minn stabbilimenti tal-akkwakultura f’pajjiż terz, territorju, żona jew kompartiment tagħhom, jenħtieġ li joriġinaw minn stabbilimenti tal-akkwakultura li jiġu vvalutati b’mod simili. F’dak il-kuntest, dawn l-istabbilimenti jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni jew approvazzjoni li huma stretti tal-anqas daqs dawk stabbiliti għal stabbilimenti bħal dawn fl-Unjoni.

(83)

Mhuwiex obbligatorju f’kull sitwazzjoni li jiġi applikat ir-rekwiżit li l-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali minn dawk l-annimali jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju, żona jew kompartiment tiegħu li jkunu ħielsa mill-mard. Jistgħu jittieħdu ċerti miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali tagħhom li ma jkollhomx oriġini bħal din. Ċerti miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju huma aċċettabbli għal annimali akkwatiċi ta’ speċijiet elenkati u minħabba l-livell aktar baxx ta’ riskju assoċjat ma’ movimenti bħal dawn, miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju differenti u inqas stretti huma aċċettabbli għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali akkwatiċi għajr annimali akkwatiċi ħajjin.

(84)

Il-miżuri ta’ mitigazzjoni li japplikaw għall-annimali akkwatiċi jinkludu l-konsenja tagħhom fi stabbiliment għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku, stabbiliment konfinat jew stabbiliment tal-kwarantina wara d-dħul fl-Unjoni. Japplikaw diversi miżuri oħra ta’ mitigazzjoni tar-riskju għal molluski u għal krustaċji tal-ispeċijiet elenkati li jidħlu fl-Unjoni ħajjin u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 853/2004 iżda li jirrappreżentaw riskju aċċettabbli minħabba kif ikunu ġew ittrattati jew ippakkjati qabel id-dispaċċ jew minħabba li ma jkunux maħsuba għall-ħżin fl-Unjoni, qabel l-ipproċessar.

(85)

Huwa possibbli li tingħata deroga mir-rekwiżiti li ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali mill-ispeċijiet elenkati ta’ annimali akkwatiċi li mhmiex annimali akkwatiċi ħajjin, iridu joriġinaw minn pajjiż terz jew territorju jew żona jew kompartiment tiegħu li jkunu ħielsa mill-mard elenkat rilevanti. Il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju li jippermettu li jseħħ it-tali kummerċ jistgħu jkunu jikkonsistu fil-konsenja tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn stabbiliment għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku fl-Unjoni għall-ipproċessar ulterjuri, jew fl-iżgurar li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali jikkonsistu f’ħut li ġie skarnat u ġie evixxerat qabel id-dispaċċ tiegħu lejn l-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-riskju ppreżentat mill-prodotti li joriġinaw mill-annimali huwa vvalutat bħala negliġibbli.

(86)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jistabbilixxi lista ta’ speċijiet akkwatiċi u ta’ gruppi ta’ speċijiet li jġibu riskju konsiderevoli għat-tixrid tal-mard elenkat fl-Artikolu 5 u fl-Anness II għal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”. Il-lista tinkludi wkoll lista ta’ speċijiet ta’ vetturi, li hija stabbilita fil-kolonna 4 tat-tabella fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, ħafna minn dawn l-ispeċijiet ma jaġixxux bħala vetturi fiċ-ċirkustanzi kollha. F’rabta mal-movimenti, id-dettalji taċ-ċirkustanzi li fihom dawk l-ispeċijiet ikunu meqjusa li huma vetturi tal-mard elenkat huma pprovduti fl-Anness XXX ta’ dan ir-Regolament. F’ċirkustanzi li fihom l-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex ikunu vetturi, dawn ma jkunux koperti mir-regoli stipulati minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, minħabba l-livell aktar baxx ta’ riskju ppreżentat minn prodotti li joriġinaw mill-annimali akkwatiċi li mhumiex annimali akkwatiċi ħajjin, il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawn il-prodotti ma japplikawx għall-ispeċijiet elenkati fil-kolonna 4 tat-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882.

(87)

Id-derogi u r-rekwiżiti ta’ trattament kollha previsti f’dan ir-Regolament b’rabta mal-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati u mal-prodotti li joriġinaw mill-annimali minn dawk l-ispeċijiet elenkati għajr annimali akkwatiċi ħajjin, jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-ispeċijiet elenkati fil-kolonna 4 tat-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 li l-Istati Membri jkunu ħadu miżuri nazzjonali għalihom skont l-Artikolu 226 tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”. Bl-istess mod, dawn id-derogi u rekwiżiti ta’ trattament jenħtieġ li japplikaw ukoll għal ċerti speċijiet suxxettibbli.

(88)

Huwa importanti li l-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati, u l-ilma li fih jiġu ttrasportati, jiġu ttrattati b’mod xieraq wara d-dħul fl-Unjoni biex jiġi żgurat li dawn ma joħolqux riskju ta’ mard. L-immaniġġjar xieraq jinkludi l-iżgurar li l-annimali jiġu ttrasportati direttament fil-post tad-destinazzjoni u ma jinħelsux jew ma jiddaħħlux b’xi mod ieħor f’ilmijiet naturali tal-Unjoni, fejn jistgħu jikkawżaw riskju potenzjali ta’ mard.

(89)

Madankollu, f’ċerti każijiet, l-awtorità kompetenti fil-post tad-destinazzjoni tista’ tippermetti l-awtorizzazzjoni sabiex it-tali annimali jinħelsu fl-ilmijiet naturali. Fil-każijiet kollha bħal dawn, jenħtieġ li tkun l-awtorità kompetenti li tiżgura li r-rilaxx jew l-immersjoni ma jipperikolawx l-istat tas-saħħa fil-post tar-rilaxx. Barra minn hekk, anki jekk l-ilmijiet riċeventi ma jkunux ħielsa minn marda speċifika tal-kategorija C, l-annimali li jridu jiġu rilaxxati jenħtieġ li jkunu ħielsa mill-mard, sabiex jiġi żgurat li jinkiseb l-aqwa stat tas-saħħa ġenerali għall-popolazzjonijiet selvaġġi fl-ilmijiet naturali tal-Unjoni.

(90)

B’rabta mar-riskju għas-saħħa tal-annimali involut, il-movimenti ta’ tranżitu kollha fi ħdan l-Unjoni jenħtieġ li jitqiesu bħala movimenti għad-dħul fl-Unjoni peress li dawn jimplikaw l-istess livell ta’ riskju. Għaldaqstant, il-movimenti ta’ tranżitu jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti kollha għad-dħul fl-Unjoni. Madankollu, id-derogi u r-regoli speċjali għat-tranżitu jenħtieġ li ikunu stabbiliti skont kundizzjonijiet speċifiċi ta’ mitigazzjoni tar-riskju marbuta mal-post ta’ oriġini. It-tali derogi u regoli speċjali huma maħsuba sabiex ikopru sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni ma tkunx id-destinazzjoni finali għall-annimali u għall-prodotti tagħhom u jqisu restrizzjonijiet ġeografiċi u fatturi ġeopolitiċi.

(91)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll derogi u regoli speċjali għat-tranżitu ta’ konsenji ta’ annimali u ta’ prodotti tagħhom permezz ta’ pajjiż terz jew ta’ territorju bejn l-Istati Membri. Dan sabiex ikunu koperti s-sitwazzjonijiet li fihom it-tali tip ta’ dħul fl-Unjoni jkun meħtieġ minn Stat Membru.

(92)

F’xi każijiet il-komoditajiet li joriġinaw fl-Unjoni jiġu rrifjutati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz jew territorju wara kontrolli li jsiru fil-fruntiera tagħhom. Jenħtieġ li jiġu adottati regoli speċjali skont l-Artikolu 239 tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” biex jippermettu r-ritorn ta’ dawk il-prodotti minħabba li jkunu ġew prodotti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali.

(93)

Hemm bżonn ukoll ta’ regoli speċjali għar-ritorn fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati wara l-esportazzjoni temporanja lejn pajjiżi terzi sabiex jieħdu sehem f’tiġrijiet, f’kompetizzjonijiet u f’avvenimenti kulturali ekwestri.

(94)

Bl-għan li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-dħul fl-Unjoni tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali tiġi applikata b’mod uniformi u sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun ċara u trasparenti, dan ir-Regolament jenħtieġ li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (8), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 (9), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (10), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (12), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (13), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 (14) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 (15).

(95)

Ir-regoli li jinsabu f’dan ir-regolament huma marbuta ma’ dawk tal-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali” li tapplika mill-21 ta’ April 2021 u jikkomplimentawhom. Għal din ir-raġuni, u sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-qafas legali l-ġdid dwar is-saħħa tal-annimali, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll mill-21 ta’ April 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

REGOLI ĠENERALI

TITOLU 1

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli supplimentari dwar is-saħħa tal-annimali rigward id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew territorji jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura. Jistabbilixxi wkoll regoli rigward il-moviment u l-immaniġġjar ta’ dawk il-konsenji wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni.

2.   Il-Parti I tistabbilixxi:

(a)

l-obbligi fuq l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri sabiex tippermetti d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali ta’ speċijiet u ta’ kategoriji ta’ annimali li koperti mill-Partijiet II sa VI (l-Artikoli 3 u 4);

(b)

l-obbligi fuq l-operaturi rigward id-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul, ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali koperti mill-Partijiet II sa VI (l-Artikolu 5);

(c)

ir-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul tal-konsenji msemmija fil-punti (a) u (b), u d-derogi minn dawk ir-rekwiżiti ġenerali, applikabbli għall-ispeċijiet kollha u għall-kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali koperti mill-Partijiet II sa VI (l-Artikoli 6 sa 10).

3.   Il-Parti II tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, kif ukoll għall-moviment u għall-immaniġġjar wara d-dħul, u d-derogi mit-tali rekwiżiti għal ċerti annimali terrestri (it-Titolu 1).

Barra minn hekk, din tistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali li huma applikabbli wkoll għal kull waħda minn dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ annimali terrestri, partikolarment:

(a)

ungulati miżmuma ta’ speċijiet elenkati (it-Titolu 2);

(b)

pollam u għasafar miżmuma, ħlief l-għasafar miżmuma importati għall-programmi ta’ konservazzjoni approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni (it-Titolu 3);

(c)

naħal tal-għasel (Apis mellifera) u naħal bagħli (Bombus spp.) (it-Titolu 4);

(d)

klieb, qtates u inmsa (it-Titolu 5).

4.   Il-Parti III tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, kif ukoll għall-moviment u għall-immaniġġjar wara d-dħul, u d-derogi mit-tali rekwiżiti għall-prodotti ġerminali tal-ispeċijiet u tal-kategoriji li ġejjin ta’ annimali terrestri miżmuma:

(a)

annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini (it-Titolu 1);

(b)

pollam u għasafar miżmuma (it-Titolu 2);

(c)

annimali għajr dawk elenkati fil-punti (a) u (b) (it-Titolu 3).

5.   Il-Parti IV tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, kif ukoll għall-moviment u għall-immaniġġjar wara d-dħul, u d-derogi minn dawk ir-rekwiżiti għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali tal-ispeċijiet u tal-kategoriji li ġejjin ta’ annimali terrestri:

(a)

ungulati miżmuma u selvaġġi ta’ speċijiet elenkati;

(b)

pollam;

(c)

għasafar tal-kaċċa.

6.   Il-Parti V tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, kif ukoll għall-moviment u għall-immaniġġjar wara d-dħul, u d-derogi minn dawk ir-rekwiżiti għall-ispeċijiet li ġejjin ta’ annimali akkwatiċi fl-istadji kollha tal-ħajja kif ukoll il-prodotti li joriġinaw mill-annimali tagħhom, għajr l-annimali akkwatiċi selvaġġi u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali minn dawk l-annimali akkwatiċi selvaġġi li jinħattu minn bastimenti tas-sajd għall-konsum dirett mill-bniedem:

(a)

ħut tal-ispeċijiet elenkati li jappartjenu għas-superklassi Agnatha u għall-klassijiet Chondrichthyes, Sarcopterygii u Actinopterygii;

(b)

molluski akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati li jappartjenu għall-filum Mollusca;

(c)

krustaċji akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati li jappartjenu għas-subfilum Crustacea;

(d)

l-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness XXIX li huma suxxettibbli għall-mard akkwatiku li għalih ċerti Stati Membri għandhom miżuri nazzjonali sabiex jillimitaw l-impatt tal-mard għajr il-mard elenkat, kif previst fl-Artikolu 226 tar-Regolament (UE) 2016/429.

7.   Il-Parti VI tistabbilixxi r-regoli ġenerali, ċerti derogi u rekwiżiti addizzjonali għat-tranżitu mill-Unjoni u għar-ritorn fl-Unjoni ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

8.   Il-Parti VII tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet finali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, ħlief meta dawk id-definizzjonijiet ikopru termini li huma ddefiniti fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin ukoll:

(1)

“pajjiż terz, territorju jew żona tiegħu elenkati” tfisser pajjiż terz, territorju jew żona tiegħu inklużi f’lista ta’ pajjiżi terzi, ta’ territorji jew ta’ żoni tagħhom, jew kompartimenti fil-każ ta’ annimal tal-akkwakultura, li minnhom id-dħul fl-Unjoni ta’ speċi u ta’ kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali huwa awtorizzat skont l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 230(1) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(2)

“il-lista” tfisser il-lista ta’ pajjiżi terzi, ta’ territorji jew ta’ żoni tagħhom, jew kompartimenti fil-każ ta’ annimal tal-akkwakultura, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ speċi u ta’ kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali jew ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali skont l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 230(1) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(3)

“mezz tat-trasport” tfisser veikola tat-triq jew vettura ferrovjarja, bastimenti u inġenji tal-ajru;

(4)

“kontenitur” tfisser kwalunkwe ċestun, kaxxa, reċipjent jew struttura riġida oħra għat-trasport ta’ annimali, prodotti ġerminali jew prodotti li joriġinaw mill-annimali li ma jkunux il-mezz tat-trasport;

(5)

“annimal bovin” tfisser annimal tal-ispeċijiet ta’ ungulati li jappartjenu għall-ġeneri Bison, Bos (inklużi s-subġeneri Bos, Bibos, Novibos, Poephagus) u Bubalus (inkluż is-subġeneru Anoa) u l-frieħ tal-inkroċjar tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(6)

“annimal ovin” tfisser annimal tal-ispeċijiet ta’ ungulati li jappartjenu għall-ġeneru Ovis u l-frieħ tal-inkroċjar tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(7)

“annimal kaprin” tfisser annimal tal-ispeċijiet ta’ ungulati li jappartjenu għall-ġeneru Capra u l-frieħ tal-inkroċjar tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(8)

“annimal porċin” tfisser annimal tal-ispeċijiet tal-ungulati li jappartjenu għall-familja Suidae elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(9)

“annimal ekwin” tfisser annimal tal-ispeċijiet ta’ solipedi li jappartjenu għall-ġeneru Equus (inklużi żwiemel, ħmir u żebri) u l-frieħ tal-inkroċjar tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(10)

“annimal kamelid” tfisser annimal tal-ispeċijiet ta’ ungulati li jappartjenu għall-familja Camelidae elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(11)

“annimal ċervid” tfisser annimal tal-ispeċijiet ta’ ungulati li jappartjenu għall-familja Cervidae elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(12)

“annimal ekwin irreġistrat” tfisser:

(a)

annimal tat-tnissil ta’ razza pura tal-ispeċijiet Equus caballus u Equus asinus imdaħħal jew eliġibbli għad-dħul fit-taqsima prinċipali ta’ ktieb tat-tnissil stabbilit minn soċjetà tat-tnissil jew minn korp tat-tnissil rikonoxxuti skont l-Artikolu 4 jew 34 tar-Regolament (UE) 2016/1012;

(b)

annimal miżmum tal-ispeċi Equues caballus irreġistrat ma’ assoċjazzjoni jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali, direttament jew permezz tal-federazzjoni jew il-fergħat nazzjonali tagħha, li tamministra ż-żwiemel għall-kompetizzjoni jew għat-tiġrijiet (“żiemel irreġistrat”);

(13)

“annimali maħsuba għall-iskarnar” tfisser annimali terrestri miżmuma li jkunu se jiġu ttrasportati, b’mod dirett jew inkella wara li ssirilhom operazzjoni ta’ assemblaġġ, lejn biċċerija;

(14)

“il-marda ma ġietx irrapportata” tfisser li l-ebda annimal jew grupp ta’ annimali tal-ispeċijiet rilevanti miżmuma fl-istabbiliment ma kien ikklassifikat bħala każ ikkonfermat ta’ dik il-marda u kwalunkwe każ suspettat ta’ dik il-marda jkun ġie eskluż;

(15)

“grupp sanitarju” tfisser grupp ta’ pajjiżi terzi elenkati li fihom jipprevalu riskji komuni għas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-mard elenkat għall-annimali ekwini li jirrikjedu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju speċifiċi u garanziji tas-saħħa meta l-annimali ekwini jidħlu fl-Unjoni;

(16)

“qatgħa” tfisser il-pollam u l-għasafar miżmuma kollha tal-istess stat ta’ saħħa li jinżammu fl-istess binja jew fl-istess spazju magħluq u li jikkostitwixxu unità epidemjoloġika waħda; il-pollam miżmum f’bini, dan jinkludi l-għasafar kollha li jikkondividu l-istess spazju tal-arja.

(17)

“pollam tat-tnissil” tfisser pollam li jkollu 72 siegħa jew aktar, li jkun maħsub għall-produzzjoni tal-bajd għat-tifqis;

(18)

“pollam produttiv” tfisser pollam li jkollu 72 siegħa jew aktar, imrobbi għall-produzzjoni tal-laħam, tal-bajd għall-konsum jew ta’ prodotti oħra jew għar-riforniment tal-provvisti tal-għasafar tal-kaċċa;

(19)

“flieles ta’ ġurnata” tfisser il-pollam li jkollu anqas minn 72 siegħa;

(20)

“naħla tal-għasel” tfisser annimal tal-ispeċi Apis mellifera;

(21)

“naħla bagħlija” tfisser annimal tal-ispeċijiet li jappartjenu għall-ġeneru Bombus;

(22)

“kelb” tfisser annimal miżmum tal-ispeċi Canis lupus;

(23)

“qattus” tfisser annimal miżmum tal-ispeċi Felis silvestris;

(24)

“nemes” tfisser annimal miżmum tal-ispeċi Mustela putorius furo;

(25)

“numru ta’ approvazzjoni uniku” tfisser numru li jkun assenjat mill-awtorità kompetenti;

(26)

“bajd ħieles minn patoġeni speċifikati” tfisser bajd għat-tifqis idderivat minn “qatgħat ta’ tiġieġ ħielsa minn patoġeni speċifikati”, kif deskritt fil-Farmakopoeja Ewropea u li huwa maħsub biss għal użu dijanjostiku, ta’ riċerka jew farmaċewtiku;

(27)

“konsenja ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni” jew “konsenja ta’ prodotti ġerminali” tfisser kwantità ta’ semen, ta’ ooċiti, ta’ embrijuni dderivati in vivo jew ta’ embrijuni prodotti in vitro mibgħuta minn stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat wieħed kopert minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali wieħed;

(28)

“semen” tfisser l-eġakulat ta’ annimal jew annimali, kemm fl-istat mhux mibdul kif ukoll ippreparat jew dilwit;

(29)

“ooċiti” tfisser l-istadji aplojde tal-ootidoġenesi, inklużi ooċiti sekondarji u ova;

(30)

“embrijun” tfisser l-istadju inizjali tal-iżvilupp ta’ annimal waqt li jkun jista’ jiġi ttrasferit lejn omm riċevitur;

(31)

“stabbiliment ta’ prodotti ġerminali approvat” tfisser ċentru tal-ġbir tas-semen, grupp għall-ġbir tal-embrijuni, grupp għall-produzzjoni tal-embrijuni, stabbiliment tal-ipproċessar ta’ prodotti ġerminali jew ċentru tal-ħżin tal-prodotti ġerminali;

(32)

“veterinarju taċ-ċentru” tfisser il-veterinarju responsabbli għall-attivitajiet imwettqa fiċ-ċentru għall-ġbir tas-semen, fl-istabbiliment għall-ipproċessar ta’ prodotti ġerminali jew fiċ-ċentru tal-ħżin ta’ prodotti ġerminali kif stipulat f’dan ir-Regolament;

(33)

“veterinarju tal-grupp” tfisser il-veterinarju responsabbli għall-attivitajiet imwettqa minn grupp ta’ ġbir ta’ embrijuni jew minn grupp ta’ produzzjoni ta’ embrijuni kif stipulat f’dan ir-Regolament;

(34)

“akkomodazzjoni fi kwarantina” tfisser faċilità awtorizzata mill-awtorità kompetenti għall-fini tal-iżolament ta’ annimali bovini, porċini, ovini jew kaprini għal perjodu ta’ mill-inqas 28 jum qabel ma jiddaħħlu f’ċentru tal-ġbir tas-semen;

(35)

“ċentru għall-ġbir tas-semen” tfisser stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat mill-awtorità kompetenti għall-ġbir, għall-ipproċessar, għall-ħżin u għat-trasport ta’ semen ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(36)

“grupp ta’ ġbir tal-embrijuni” tfisser stabbiliment tal-prodotti ġerminali magħmul minn grupp ta’ professjonisti jew minn struttura approvata mill-awtorità kompetenti għall-ġbir, għall-ipproċessar, għall-ħżin u għat-trasport ta’ embrijuni dderivati in vivo maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(37)

“grupp ta’ produzzjoni tal-embrijuni” tfisser stabbiliment tal-prodotti ġerminali magħmul minn grupp ta’ professjonisti jew minn struttura approvata mill-awtorità kompetenti għall-ġbir, għall-ipproċessar, għall-ħżin u għat-trasport ta’ ooċiti, u għall-produzzjoni in vitro, fejn applikabbli b’semen maħżun, għall-ipproċessar, għall-ħażna u għat-trasport ta’ embrijuni, it-tnejn li huma maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(38)

“stabbiliment għall-ipproċessar ta’ prodotti ġerminali” tfisser stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat mill-awtorità kompetenti għall-ipproċessar, inkluż is-sessaġġ tas-semen, fejn xieraq, u għall-ħżin ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni ta’ speċi waħda jew aktar, jew kwalunkwe taħlita ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti ġerminali jew ta’ speċijiet, maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(39)

“ċentru għall-ħżin ta’ prodotti ġerminali” tfisser stabbiliment tal-prodotti ġerminali approvat mill-awtorità kompetenti għall-ħżin ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni ta’ speċi waħda jew aktar, jew kwalunkwe taħlita ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti ġerminali jew ta’ speċijiet, maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(40)

“laħam” tfisser il-partijiet kollha ta’ ungulati, ta’ pollam u ta’ għasafar tal-kaċċa li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem, inkluż id-demm;

(41)

“laħam frisk” tfisser laħam, ikkapuljat u preparati tal-laħam, inklużi dawk imgeżwra f’vakwu jew imgeżwra f’atmosfera kkontrollata, li ma jkun sarilhom l-ebda proċess ta’ preservazzjoni għajr tkessiħ, iffriżar jew iffriżar rapidu;

(42)

“karkassa ta’ ungulat” tfisser il-ġisem sħiħ ta’ ungulat skarnat jew maqtul wara:

(a)

il-fsad, fil-każ ta’ annimali skarnati;

(b)

l-evixxerazzjoni;

(c)

it-tneħħija tar-riġlejn mill-karpu u mit-tarsu;

(d)

it-tneħħija tad-denb, tad-driegħ, tar-ras u tal-ġilda, ħlief fl-annimali porċini.

(43)

“ġewwieni” tfisser laħam frisk għajr dak ta’ karkassa ta’ ungulat anki jekk jibqa’ mwaħħal b’mod naturali mal-karkassa;

(44)

“prodotti tal-laħam” tfisser prodotti pproċessati, inklużi l-istonkijiet, il-boroż tal-awrina u l-intestini ttrattati, xaħam imdewweb tal-annimali u l-estratti tal-laħam li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-laħam jew mill-ipproċessar ulterjuri ta’ tali prodotti pproċessati, sabiex il-wiċċ maqtugħ juri li l-prodott ma għadx għandu l-karatteristiċi ta’ laħam frisk;

(45)

“budellat” tfisser il-vexxiki u l-intestini li wara t-tindif ikunu ġew ipproċessati bil-brix, bit-tneħħija tax-xaħam u bil-ħasil tat-tessuti u li jkunu ġew ittrattati bil-melħ jew imnixxfin;

(46)

“kolostru” tfisser il-fluwidu li jnixxi mill-glandoli mammarji tal-annimali miżmuma sa bejn 3 u 5 ijiem wara l-ħlas li jkun rikk fl-antikorpi u fil-minerali, u jippreċedi l-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat;

(47)

“prodotti bbażati fuq il-kolostru” tfisser prodotti pproċessati mill-ipproċessar tal-kolostru jew mill-ipproċessar ulterjuri tat-tali prodotti pproċessati;

(48)

“dgħajsa barrada” tfisser bastiment użat mill-industrija tal-akkwakultura li jkollu bir jew tank għall-ħżin u għat-trasport tal-ħut ħaj fl-ilma;

(49)

“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali prevista fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 (16).

TITOLU 2

REKWIŻITI ĠENERALI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI, U GĦALL-MOVIMENT U GĦALL-IMMANIĠĠJAR WARA D-DĦUL TA’ KONSENJI TA’ ANNIMALI, TA’ PRODOTTI ĠERMINALI U TA’ PRODOTTI LI JORIĠINAW MILL-ANNIMALI

Artikolu 3

Obbligi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

L-awtorità kompetenti għandha tippermetti d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali ta’ speċijiet u ta’ kategoriji koperti mill-Partijiet II sa VI, li jiġu ppreżentati għall-fini tal-kontrolli uffiċjali kif previst fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dment li:

(a)

il-konsenji jkunu ġejjin minn:

(i)

fil-każ ta’ annimali terrestri, pajjiż terz elenkat jew territorju jew żona tiegħu għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(ii)

fil-każ ta’ annimali akkwatiċi, pajjiż terz elenkat jew territorju jew żona tiegħu għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, u fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, pajjiż terz elenkat jew territorju jew żona jew kompartiment tiegħu elenkat għal dak l-għan.

(b)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun iċċertifikat li l-konsenji jikkonformaw ma’:

(i)

ir-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali stabbiliti f’dan l-Artikolu, fl-Artikolu 4 u fl-Artikoli 6 sa 10;

(ii)

ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali applikabbli għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u għall-użu maħsub, kif stipulat fil-Partijiet II sa VI;

(c)

il-konsenji jkunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin li bihom l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet il-garanziji neċessarji fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt (b):

(i)

ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ minn veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini, speċifiku għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u għall-użu maħsub tagħhom;

(ii)

dikjarazzjoni u dokumenti oħra, fejn meħtieġa f’dan ir-Regolament.

Fil-każ ta’ konsenji ta’ annimali u ta’ bajd għat-tifqis, iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (c)(i) irid ikun inħareġ fi ħdan il-perjodu ta’ 10 ijiem qabel id-data tal-wasla tal-konsenja fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera; madankollu, fil-każ ta’ trasport bil-baħar, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali li jikkorrispondi għad-durata tal-vjaġġ bil-baħar.

Artikolu 4

Id-data ta’ ċertifikazzjoni tal-konsenji

1.   Il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali ta’ speċijiet u ta’ kategoriji li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu permessi jidħlu fl-Unjoni biss dment li t-tali konsenji jkunu ġew iċċertifikati għad-dispaċċ lejn l-Unjoni mhux qabel id-data li fiha l-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu, jew il-kompartiment tiegħu fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, ikunu elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

2.   Il-konsenji ta’ annimali, ta’ bajd għat-tifqis u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu, jew kompartiment tiegħu fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, m’għandhomx ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni mid-data li fiha dawn ma jibqgħux konformi mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ bajd għat-tifqis jew ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, sakemm ma jkunux ġew assenjati kundizzjonijiet speċifiċi mill-Unjoni fil-lista għall-pajjiż terz elenkat, għat-territorju jew għaż-żona tiegħu u għall-ispeċijiet u għall-kategoriji partikolari ta’ annimali, ta’ bajd għat-tifqis jew ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

Artikolu 5

Obbligi tal-operaturi

1.   L-operaturi responsabbli għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali tal-ispeċijiet u tal-kategoriji li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jippreżentaw dawk il-konsenji lill-awtorità kompetenti fl-Unjoni għall-fini tal-kontrolli uffiċjali, kif previst fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, u għandhom jiżguraw li t-tali konsenji jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 u fl-Artikoli 6 sa 10;

(b)

ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali applikabbli għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali tal-konsenja u għall-użu maħsub tagħha, kif stipulat fil-Partijiet II sa VI.

2.   L-operaturi responsabbli għall-moviment tal-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali tal-ispeċijiet u tal-kategoriji li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-punt tad-dħul fl-Unjoni sal-post ta’ destinazzjoni tagħhom, u dawk responsabbli għall-immaniġġjar tat-tali konsenji wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni għandhom jiżguraw li l-konsenji:

(a)

huma permessi jidħlu fl-Unjoni mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 3;

(b)

jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-moviment u għall-immaniġġjar tat-tali konsenji wara d-dħul fl-Unjoni għall-ispeċijiet u għall-kategoriji speċifiċi ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali stabbiliti fil-Partijiet II sa VI;

(c)

ma jiġux allokati għal użi oħra li ma jkunux dawk li għalihom kienu ġew iċċertifikati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini għad-dħul fl-Unjoni.

Artikolu 6

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u s-sistemi nazzjonali tas-saħħa tal-annimali tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini

1.   Il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu permessi jidħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju biss meta:

(a)

kwalunkwe suspett u każ ikkonfermat ta’ marda elenkata msemmija fl-Anness I, rilevanti għall-ispeċijiet elenkati ta’ annimali fil-konsenja jew għall-ispeċijiet elenkati ta’ annimali ta’ oriġini tal-prodotti ġerminali jew tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali fil-konsenja awtorizzati sabiex jidħlu fl-Unjoni, ikunu meħtieġa bil-liġi li jiġu nnotifikati u rrapportati lill-awtorità kompetenti;

(b)

ikun hemm fis-seħħ sistemi għad-detezzjoni ta’ mard emerġenti;

(c)

ikun hemm fis-seħħ sistemi li jiżguraw li t-tagħlif tal-fdalijiet ma jkunx sors tal-mard elenkat imsemmi fl-Anness I għal:

(i)

l-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

jew

(ii)

l-annimali li minnhom jinkisbu l-prodotti ġerminali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

jew

(iii)

l-annimali li minnhom jinkisbu l-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni.

2.   Il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu biss meta t-tali konsenji jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u kkumerċjalizzati skont il-liġi f’dak il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu.

Artikolu 7

Rekwiżiti ġenerali rigward l-istat tas-saħħa tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali

1.   Il-konsenji ta’ annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja:

(a)

ma jkunux annimali li jridu jinqatlu skont programm nazzjonali mwettaq fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini għall-eradikazzjoni ta’ mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I u l-mard emerġenti;

(b)

ma jkunux urew sintomi ta’ mard trażmissibbli fil-mument tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(c)

ikunu joriġinaw minn stabbiliment li, fil-mument tad-dispaċċ tagħhom minn dak l-istabbilment lejn l-Unjoni, ma kienx soġġett għal miżuri nazzjonali ta’ restrizzjoni:

(i)

għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-annimali;

(ii)

fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura, għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-annimali jew minħabba l-okkorrenza ta’ mortalitajiet anormali b’kawża indeterminata.

2.   Il-konsenji ta’ prodotti ġerminali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nkisbu mingħand annimali li fil-mument tal-ġbir:

(a)

ma kinux juru xi sintomu ta’ mard trażmissibbli;

(b)

kienu miżmuma fi stabbiliment li ma kienx soġġett għal miżuri nazzjonali ta’ restrizzjoni għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-annimali, inklużi restrizzjonijiet relatati mal-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I u mal-mard emerġenti.

3.   Il-konsenji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nkisbu mingħand annimali li:

(a)

fil-każ ta’ annimali terrestri, ma kinux juru sintomi ta’ mard trażmissibbli fil-mument:

(i)

tal-qtil jew tal-iskarnar, għall-produzzjoni ta’ laħam frisk u ta’ prodotti tal-laħam;

jew

(ii)

tal-ġbir tal-ħalib jew tal-bajd.

(b)

fil-każ ta’ annimali akkwatiċi, ma wrewx sintomi ta’ mard trażmissibbli fil-ħin tal-iskarnar jew tal-ġbir għall-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(c)

ma nqatlux, ma ġewx skarnati jew, fil-każ ta’ molluski u ta’ krustaċji ħajjin ma tneħħewx mill-ilma, skont programm nazzjonali għall-eradikazzjoni tal-mard;

(d)

kienu miżmuma fi stabbiliment li ma kienx soġġett għal miżuri nazzjonali ta’ restrizzjoni għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-annimali, inkluż fejn rilevanti, il-mard elenkat imsemmi fl-Anness I u l-mard emerġenti, fil-mument:

(i)

tal-qtil jew tal-iskarnar ta’ dawk l-annimali għall-produzzjoni ta’ laħam frisk u ta’ prodotti tal-laħam jew ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn annimali akkwatiċi; jew

(ii)

tal-ġbir tal-ħalib u tal-bajd.

Artikolu 8

Rekwiżiti ġenerali rigward l-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali

Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-Partijiet II sa V, il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali miżmuma, jew l-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali miżmuma li minnhom inkisbu l-prodotti ġerminali jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, ikun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

irid ikun irreġistrat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini u assenjat numru ta’ reġistrazzjoni uniku;

(b)

għandu jkun approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew territorju tal-oriġini, fejn dan ikun mitlub minn u skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, u assenjat numru tal-approvazzjoni uniku;

(c)

irid ikun taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini;

(d)

irid ikollu fis-seħħ sistema għall-manutenzjoni u għaż-żamma, għal perjodu minimu ta’ 3 snin, ta’ rekords aġġornati li tal-anqas ikun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-ispeċijiet, il-kategoriji, in-numru u, fejn rilevanti, l-identifikazzjoni tal-annimali fl-istabbiliment;

(ii)

il-movimenti tal-annimali fl-istabbiliment u barra minnu;

(iii)

il-mortalità fl-istabbiliment.

(e)

irid jirċievi żjarat regolari tas-saħħa tal-annimali minn veterinarju għall-fini tad-detezzjoni ta’ sinjali indikattivi tal-okkorrenza tal-mard, u għall-fini ta’ informazzjoni dwar sinjali indikattivi tal-okkorrenza tal-mard, li jinkludi dak il-mard elenkat imsemmi fl-Anness I rilevanti għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimal, ta’ prodott ġerminali jew ta’ prodott ta’ oriġini mill-annimali u l-mard emerġenti.

Tali żjarat tas-saħħa tal-annimali għandhom isiru fi frekwenzi li huma proporzjonati mar-riskju impost mill-istabbiliment ikkonċernat.

Artikolu 9

Kampjunar, testijiet fil-laboratorju u testijiet oħra

Il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-kampjunar, it-testijiet fil-laboratorju u testijiet oħra meħtieġa minn dan ir-Regolament ikunu saru:

(a)

fuq kampjuni meħuda mill-awtorità kompetenti jew taħt il-kontroll tat-tali awtorità kompetenti:

(i)

tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini fejn il-kampjunar u l-ittestjar ikunu meħtieġa qabel id-dħul fl-Unjoni;

jew

(ii)

tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni fejn il-kampjunar u l-ittestjar ikunu meħtieġa wara d-dħul fl-Unjoni;

(b)

f’konformità:

(i)

mal-proċeduri u mal-metodi rilevanti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (17);

jew

(ii)

għall-fini tad-dħul fl-Unjoni ta’ prodotti ġerminali ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini, il-proċeduri u l-metodi stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 (18);

jew

(iii)

il-proċeduri deskritti f’dan ir-Regolament, fejn ikunu meħtieġa speċifikament.

(c)

f’laboratorju uffiċjali ddeżinjat f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 10

Ħelsien mill-mard tal-post ta’ oriġini u kundizzjonijiet speċifiċi

1.   Il-konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-ħelsien minn mard partikolari tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini jew taż-żona tiegħu jew tal-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali, tal-prodotti ġerminali jew tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, meħtieġ minn dan ir-Regolament ikun intwera mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini:

(a)

skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/689;

jew

(b)

għal mard li ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689, skont regoli speċifiċi, fejn dawn ir-regoli huma stipulati f’dan ir-Regolament u fil-programm ta’ sorveljanza tal-mard implimentat mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini, li jrid ikun ġie:

(i)

sottomess lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni u jkun fih tal-anqas l-informazzjoni msemmija fl-Anness II;

(ii)

ivvalutat mill-Kummissjoni bħala wieħed li jipprovdi l-garanziji neċessarji rigward il-ħelsien mill-mard fuq il-bażi:

tar-regoli dwar is-sorveljanza tal-mard stabbiliti fl-Artikoli 24, 25, 26 u 27 tar-Regolament (UE) 2016/429;

tar-regoli li jissupplimentaw dwar id-disinn tas-sorveljanza u r-regoli għall-konferma tal-mard u għad-definizzjoni tal-każ stabbiliti fit-Taqsimiet 1 u 2 u fl-Artikolu 10 tal-Kapitolu 1 tal-Parti II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689.

(iii)

fis-seħħ għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien sabiex ikun jista’ jiġi implimentat bis-sħiħ u ssorveljat kif xieraq.

2.   Fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn annimali tal-akkwakultura, fejn il-ħelsien minn mard partikolari jkun meħtieġ għall-kompartiment ta’ oriġini, il-konsenji ta’ dawk il-komoditajiet għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini tkun uriet il-ħelsien mill-mard skont il-paragrafu 1(a) u (b).

3.   Fejn kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ħelsien minn mard partikolari tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini, jew żona ta’ dan, ikunu meħtieġa f’dan ir-Regolament:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini trid tkun iggarantiet minn qabel il-konformità tagħha;

(b)

dawk il-kundizzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu ġew assenjati b’mod speċifiku mill-Unjoni fil-lista għall-pajjiż terz elenkat jew territorju, żona jew kompartiment tiegħu u għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

PARTI II

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ ANNIMALI TERRESTRI MIŻMUMA KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 3 U 5

TITOLU 1

REKWIŻITI ĠENERALI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL ANNIMALI TERRESTRI MIŻMUMA

Artikolu 11

Il-perjodu ta’ residenza meħtieġ għall-annimali terrestri miżmuma

Il-konsenji ta’ annimali terrestri miżmuma għajr klieb, qtates u inmsa għandhom ikunu awtorizzati li jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-annimali jkunu kkonformaw mal-perjodu ta’ residenza stipulat fit-tabelli li ġejjin tal-Anness III għal perjodu kontinwu ta’ żmien li jaħbat eżatt qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni:

(i)

it-Tabella 1 fil-każ ta’ ungulati, ta’ naħal tal-għasel u ta’ naħal bagħli;

(ii)

it-Tabella 2 fil-każ ta’ pollam u ta’ għasafar miżmuma.

(b)

l-annimali:

(i)

baqgħu kontinwament fil-pajjiż terz jew fit-territorju tal-oriġini jew fiż-żona tiegħu matul il-perjodu indikat fit-tieni kolonna tat-Tabella 1 fl-Anness III u t-tielet kolonna tat-Tabella 2 fl-Anness III;

(ii)

baqgħu kontinwament fl-istabbiliment tal-oriġini, u ma ġew introdotti l-ebda annimali f’dak l-istabbiliment matul il-perjodu indikat fit-tielet kolonna tat-Tabella 1 fl-Anness III u r-raba’ kolonna tat-Tabella 2 fl-Anness III;

(iii)

ma kellhomx kuntatt ma’ annimali bi stat ta’ saħħa inferjuri matul il-perjodu indikat fir-raba’ kolonna tat-Tabella 1 fl-Anness III u l-ħames kolonna tat-Tabella 2 fl-Anness III.

Artikolu 12

Derogi rigward il-perjodu ta’ residenza għal żwiemel irreġistrati għall-kompetizzjoni, għat-tiġrijiet u għall-avvenimenti kulturali

1.   B’deroga mill-punt (b)(i) tal-Artikolu 11, annimali ekwini minbarra annimali ekwini maħsuba għall-iskarnar għandhom jitqiesu bħala konformi mal-perjodu ta’ residenza previst fit-Tabella 1 tal-Anness III, jekk qabel id-dispaċċ tagħhom lejn l-Unjoni jkunu ilhom residenti matul il-perjodu indikat fit-tieni kolonna tat-Tabella 1 tal-Anness III minbarra fil-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew żona tiegħu wkoll fi:

(a)

Stat Membru;

jew

(b)

fil-każ taż-żwiemel irreġistrati, pajjiż terz elenkat, jew territorju ta’ residenza intermedja, jew żona tiegħu, mnejn id-dħul fl-Unjoni taż-żwiemel irreġistrati jkun awtorizzat għal dak l-għan u dment li jkunu ġew introdotti fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini, jew f’żona tiegħu, skont rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li jipprovdu garanziji dwar is-saħħa tal-annimal li tal-anqas ikunu stretti daqs dawk applikabbli għad-dħul dirett fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati għall-kompetizzjoni u għat-tiġrijiet minn dak il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ residenza intermedja, jew żona tiegħu.

2.   Permezz ta’ deroga mill-punt (b)(ii) tal-Artikolu 11, iż-żwiemel irreġistrati għall-kompetizzjoni, għat-tiġrijiet u għal avvenimenti kulturali ekwestri għandhom jitqiesu bħala konformi mar-rekwiżiti ta’ residenza previsti fit-tielet kolonna tat-Tabella 1 tal-Anness III jekk kienu residenti fil-pajjiż terz ta’ oriġini jew fil-pajjiż terz ta’ residenza intermedja fi stabbilimenti li mhumiex l-istabbiliment ta’ oriġini dment li l-istabbilimenti l-oħra:

(a)

kienu taħt is-superviżjoni tal-veterinarju uffiċjali f’pajjiż terz jew f’territorju;

(b)

ma kinux soġġetti għal miżuri nazzjonali ta’ restrizzjoni għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-annimali, inklużi restrizzjonijiet relatati mal-mard rilevanti msemmi fl-Anness I u mal-mard emerġenti relevanti;

(c)

jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 23.

3.   Barra minn hekk, permezz ta’ deroga mill-punt (b)(ii) tal-Artikolu 11, iż-żwiemel irreġistrati għall-kompetizzjoni, għat-tiġrijiet u għall-avvenimenti kulturali ekwestri li jkunu ġew f’kuntatt ma’ annimali ekwini li jkunu ddaħħlu fil-pajjiż terz, fit-territorju jew f’żona tiegħu minn pajjiż terz ieħor, jew minn territorju jew żona tiegħu, jew minn żona oħra fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni dment li:

(a)

dawk l-annimali ekwini jkunu ġew introdotti fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu skont rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li tal-anqas ikunu stretti daqs dawk applikabbli għad-dħul dirett fl-Unjoni ta’ dawk l-annimali ekwini;

(b)

il-possibbiltà ta’ kuntatt dirett ma’ annimali oħra hija limitata għall-perjodu tal-kompetizzjoni, tat-tiġrijiet jew tal-avvenimenti kulturali ekwestri u għat-taħriġ, għall-eżerċizzji fiżiċi ta’ qabel u għall-preżentazzjoni ta’ qabel it-tiġrija relatati.

Artikolu 13

Spezzjoni tal-annimali terrestri qabel id-dispaċċ lejn l-Unjoni

1.   Konsenji ta’ annimali terrestri għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġew soġġettati għal spezzjoni klinika, imwettqa minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu fi ħdan il-perjodu ta’ 24 siegħa qabel il-ħin tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni għall-fini tad-detezzjoni ta’ sinjali indikattivi tal-okkorrenza ta’ mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I u l-mard emerġenti.

Fil-każ ta’ pollam u ta’ għasafar miżmuma, dik l-ispezzjoni għandha tkopri kemm l-annimali maħsuba għad-dispaċċ lejn l-Unjoni kif ukoll il-qatgħa ta’ oriġini.

2.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ annimali ekwini rreġistrati l-ispezzjoni msemmija fih tista’ ssir fi żmien 48 siegħa siegħa qabel il-ħin tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jew fl-aħħar jum tax-xogħol qabel id-dispaċċ lejn l-Unjoni.

3.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa, l-ispezzjoni msemmija fih tista’ ssir fi ħdan il-perjodu ta’ 48 siegħa qabel il-ħin tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

Artikolu 14

Regoli ġenerali għad-dispaċċ lejn l-Unjoni ta’ annimali terrestri

1.   Konsenji ta’ annimali terrestri għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk, mill-mument tat-tagħbija fl-istabbiliment ta’ oriġini għad-dispaċċ lejn l-Unjoni sal-mument tal-wasla tagħhom fl-Unjoni, l-annimali tal-konsenja ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali terrestri oħra:

(a)

tal-istess speċi, mhux maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(b)

ta’ speċijiet oħra elenkati għall-istess mard, mhux maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(c)

bi stat tas-saħħa inferjuri.

2.   Meta jiġu ttrasportati bl-ajru, bil-baħar, bil-ferrovija, bit-triq jew bil-pass, il-konsenji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ma jkunux ġew ittrasportati billi ngħaddew minn pajjiż terz, inħattew jew ġew trasbordati fit-tali pajjiż terz jew fit-territorju jew f’żona tiegħu li ma jkunux elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija speċifiċi ta’ annimali u l-użu maħsub tagħhom fl-Unjoni.

3.   Meta jiġu ttrasportati bil-baħar, anki għal parti mill-vjaġġ, il-konsenji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk jaslu fl-Unjoni akkumpanjati minn dikjarazzjoni, mehmuża maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanja l-annimali u ffirmata mill-kaptan tal-bastiment, li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-port tat-tluq fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu;

(b)

il-port tal-wasla fl-Unjoni;

(c)

il-portijiet tal-waqfa, fejn il-bastiment ikun waqaf f’portijiet barra mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini tal-annimali jew minn żona tiegħu;

(d)

il-konferma tal-konformità mar-rekwiżiti li ġejjin matul il-vjaġġ lejn l-Unjoni:

(i)

l-annimali jkunu baqgħu abbord;

(ii)

l-annimali ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali bi stat tas-saħħa inferjuri filwaqt li kienu abbord.

Artikolu 15

Deroga għat-trasbord ta’ annimali terrestri ħlief annimali ekwini f’pajjiżi terzi jew f’territorji mhux elenkati fil-każ ta’ problema teknika jew ta’ inċident imprevist ieħor

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali terrestri, minbarra annimali ekwini, li jkunu ġew trasbordati mill-mezz oriġinali tat-trasport tad-dispaċċ f’mezz ieħor tat-trasport għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu li ma jkunux pajjiż terz elenkat, jew territorju jew żona tiegħu għad-dħul tal-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ annimali fl-Unjoni, biss jekk l-operazzjoni ta’ trasbord tkun seħħet minħabba l-okkorrenza ta’ problema teknika jew ta’ inċident imprevist ieħor li kkawżaw problemi loġistiċi matul it-trasport tal-annimali lejn l-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru, sabiex jitwettaq it-trasport sal-punt tad-dħul fl-Unjoni, dment li:

(a)

id-dħul fl-Unjoni tal-konsenja tal-annimali tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-passaġġ sal-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni;

(b)

it-trasbord kien issorveljat minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew f’territorju matul l-operazzjoni kollha sabiex jiġi żgurat li:

(i)

kienu fis-seħħ miżuri ta’ protezzjoni effettivi kontra vetturi ta’ mard tal-annimali rilevanti;

(ii)

iddaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi sabiex jiġi evitat kuntatt dirett u indirett bejn l-annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni u kwalunkwe annimal ieħor;

(iii)

l-ebda għalf, ilma jew marqad, li joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li ma jkunux pajjiż terz elenkat jew territorju jew żona tiegħu għad-dħul tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ annimali fl-Unjoni, ma jkun ġie miżjud fil-mezz tat-trasport għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ lejn l-Unjoni;

(iv)

l-annimali tal-konsenja jkunu ġew ittrasferiti direttament u malajr kemm jista’ jkun f’bastiment jew f’inġenju tal-ajru għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ lejn l-Unjoni, li jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, mingħajr ma jkunu ħarġu mill-fruntieri tal-port jew tal-ajruport;

(c)

il-konsenja tal-annimali tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju fejn seħħ it-trasferiment, li tipprovdi informazzjoni dwar l-operazzjoni ta’ trasferiment u tikkonferma li ddaħħlu fis-seħħ il-miżuri rilevanti sabiex jiġu rrispettati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (b).

2.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 m’għandhiex tapplika għal konsenji ta’ naħal tal-għasel u ta’ naħal bagħli.

Artikolu 16

Deroga għat-trasbord ta’ annimali ekwini f’pajjiżi terzi jew f’territorji mhux elenkati

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(2), fejn il-konsenji ta’ annimali ekwini jkunu ġew trasbordati lejn mezz ieħor tat-trasport matul it-trasport tal-annimali lejn l-Unjoni f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu li ma jkunux pajjiż terz elenkat jew territorju jew żona tiegħu għad-dħul tal-kategorija partikolari ta’ annimali ekwini, dawk il-konsenji għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-annimali tal-konsenja jkunu ġew ittrasportati fl-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru;

(b)

l-annimali tal-konsenja jkunu ġew trasbordati direttament mill-mezz oriġinali tat-trasport tad-dispaċċ fil-mezz l-ieħor tat-trasport għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ;

(c)

matul l-operazzjoni ta’ trasbord:

(i)

tkun ġiet ipprovduta protezzjoni effettiva kontra vetturi ta’ mard rilevanti tal-annimali u l-annimali ekwini ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali ekwini bi stat tas-saħħa inferjuri;

(ii)

l-annimali tal-konsenja jkunu ġew ittrasferiti direttament u malajr kemm jista’ jkun fil-bastiment jew fl-inġenju tal-ajru użat għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ, li jrid ikun ikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, mingħajr ma jkunu ħarġu mill-fruntieri tal-port jew tal-ajruport taħt is-superviżjoni diretta ta’ veterinarju uffiċjali.

(d)

veterinarju uffiċjali jrid ikun iċċertifika li l-konsenja kkonformat mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c).

Artikolu 17

Rekwiżiti ġenerali rigward il-mezzi tat-trasport tal-annimali terrestri

1.   Il-konsenji ta’ annimali terrestri miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-mezzi tat-trasport użati għat-trasport tagħhom ikunu:

(a)

mibnija b’tali mod li:

(i)

l-annimali ma jkunux jistgħu jaħarbu jew jaqgħu għal isfel;

(ii)

ikun possibbli li ssir spezzjoni viżwali tal-ispazju fejn jinżammu l-annimali;

(iii)

il-ħruġ ta’ eskrementi, ta’ mifrex jew ta’ għalf tal-annimali jkun prevenut jew minimizzat;

(iv)

fil-każ ta’ pollam u ta’ għasafar miżmuma, il-ħruġ ta’ rix ikun prevenut jew minimizzat.

(b)

tnaddfu u ġew diżinfettati, b’diżinfettant awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ, u mnixxfa jew imħallija jinxfu immedjatament qabel kull tagħbija ta’ annimali maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux ikun japplika għat-trasport ta’ konsenji ta’ naħal tal-għasel u ta’ naħal bagħli maħsuba għad-dħul fl-Unjoni.

Artikolu 18

Rekwiżiti rigward kontenituri li fihom l-annimali terrestri jiġu ttrasportati lejn l-Unjoni

Il-konsenji ta’ annimali terrestri miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-kontenituri li fihom jiġu ttrasportati l-annimali terrestri miżmuma lejn l-Unjoni fil-mezz tat-trasport:

(a)

ikunu konformi mar-rekwiżiti fl-Artikolu 17(1)(a);

(b)

ikun fihom biss annimali tal-istess speċi u kategorija li jkunu ġejjin mill-istess stabbiliment;

(c)

ikunu jew:

(i)

kontenituri mhux użati u mhux riutilizzabbli ddisinjati għal skop speċifiku li jinqerdu wara l-ewwel użu;

jew

(ii)

jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati u mnixxfa jew jitħallew jinxfu qabel jitgħabbew l-annimali maħsuba għal dħul fl-Unjoni.

Artikolu 19

Movimenti u mmaniġġjar wara d-dħul ta’ annimali terrestri

1.   Wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, il-konsenji ta’ annimali terrestri għandhom jiġu ttrasportati mingħajr dewmien lejn:

(a)

l-istabbiliment ta’ destinazzjoni tagħhom fl-Unjoni, fejn għandhom jibqgħu tal-anqas għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ fl-artikoli speċifiċi rilevanti fil-Partijiet II sa V;

(b)

il-biċċerija ta’ destinazzjoni fl-Unjoni, jekk ikunu maħsuba għall-iskarnar, fejn iridu jiġu skarnati fi ħdan perjodu ta’ ħamest ijiem mid-data tal-wasla tagħhom fl-Unjoni.

2.   Fejn id-destinazzjoni tal-konsenji tal-annimali terrestri mdaħħla minn pajjiż terz, minn territorju jew minn żona tiegħu tkun biċċerija, stabbiliment approvat ta’ kwarantina jew stabbiliment konfinat fl-Unjoni, it-trasport lejn u l-wasla fil-post tad-destinazzjoni tal-konsenja għandhom ikunu ssorveljati skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 (19).

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ekwini rreġistrati minn pajjiżi terzi u għad-dħul mill-ġdid wara l-esportazzjoni temporanja ta’ żwiemel reġistrati.

TITOLU 2

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-UNGULATI

KAPITOLU 1

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-ungulati

Artikolu 20

Dispaċċ ta’ ungulati lejn l-Unjoni

1.   Il-konsenji ta’ ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk it-tali konsenji jkunu ntbagħtu mill-istabbiliment ta’ oriġini lejn l-Unjoni mingħajr ma jingħaddew minn kwalunkwe stabbiliment ieħor.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-konsenji ta’ ungulati li jkunu ġejjin minn aktar minn stabbiliment ta’ oriġini wieħed jistgħu jkunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni jekk l-annimali tal-konsenja tkun saritilhom operazzjoni unika ta’ assemblaġġ fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu dment li jkunu rrispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ungulati jkunu jappartjenu għal waħda mill-ispeċijiet u l-kategoriji li ġejjin:

(i)

Bos taurus, Ovis aries, Capra hircus jew Sus scrofa;

jew

(ii)

Equidae maħsuba għall-iskarnar.

(b)

l-operazzjoni ta’ assemblaġġ tkun saret fi stabbiliment:

(i)

approvat biex jitwettqu operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ annimali ungulati mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż jew territorju terz f’konformità mar-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (20);

(ii)

elenkat għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ, inkluża l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

(iii)

fejn ir-rekords li ġejjin jinżammu aġġornati u jinżamu għal perjodu minimu ta’ tliet snin:

l-oriġini tal-annimali;

id-dati tal-wasla u tad-dispaċċ lejn u miċ-ċentru ta’ assemblaġġ;

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-istabbilimenti ta’ oriġini tal-annimali;

in-numru ta’ reġistrazzjoni tat-trasportaturi u tal-mezzi tat-trasport li jwasslu jew jiġbru l-konsenja ta’ ungulati lejn u minn dak iċ-ċentru.

(iv)

li jkun konformi mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 23(1).

(c)

l-operazzjoni ta’ assemblaġġ fiċ-ċentru ta’ assemblaġġ ma tkunx damet aktar minn sitt ijiem; dan il-perjodu għandu jitqies bħala parti mill-perjodu ta’ żmien għall-kampjunar għall-ittestjar qabel ma jintbagħat lejn l-Unjoni, fejn tali kampjunar huwa meħtieġ minn dan ir-Regolament;

(d)

l-ungulati jridu jkunu waslu fl-Unjoni fi ħdan perjodu ta’ 10 ijiem mid-data tad-dispaċċ mill-istabbiliment ta’ oriġini.

Artikolu 21

Identifikazzjoni tal-ungulati

1.   Il-konsenji ta’ ungulati, għajr annimali ekwini, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġew identifikati b’mod individwali qabel id-dispaċċ tagħhom mill-istabbiliment ta’ oriġini, b’mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni li juri b’mod li jidher, jinqara u ma jitħassarx:

(a)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal li jistabbilixxi rabta mingħajr ekwivoki bejn l-annimal u ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanjah;

(b)

il-kodiċi tal-pajjiż esportatur skont l-Istandard 3166 tal-ISO fil-format ta’ kodiċi b’żewġ ittri.

2.   Il-konsenji tal-annimali ekwini għandhom jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġew identifikati individwalment qabel ma ntbagħtu mill-istabbiliment tal-oriġini mill-inqas permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

transponder injettabbli jew ċomba tal-widna, b’displej viżibbli, li jinqara u li ma jitħassarx ta’:

(i)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal li jistabbilixxi rabta mingħajr ekwivoki bejn l-annimal u ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanjah;

(ii)

il-kodiċi ISO-3166 tal-pajjiż esportatur b’żewġ ċifri alfa jew bi tliet ċifri numeriċi;

(b)

fil-każ ta’ annimali ekwini għajr dawk maħsuba għall-iskarnar, dokument ta’ identifikazzjoni, maħruġ mhux aktar tard mill-waqt taċ-ċertifikazzjoni għad-dħul fl-Unjoni, li:

(i)

jiddeskrivi u juri l-annimal, inklużi l-metodi alternattivi ta’ identifikazzjoni, sabiex tiġi stabbilita rabta inekwivokabbli bejn l-annimal u d-dokument ta’ identifikazzjoni li jakkumpanjah;

(ii)

fih informazzjoni dwar il-kodiċi individwali li joħroġ mit-transponder injettabbli impjantat fil-każ fejn dan il-kodiċi ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet fil-punt (a).

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, konsenji ta’ annimali ungulati maħsuba għal stabbilimenti konfinati jistgħu jitħallew jidħlu fl-Unjoni jekk dawk l-annimali jkunu identifikati individwalment bi transponder injettabbli jew permezz ta’ metodu alternattiv ta’ identifikazzjoni li jiżgura rabta inekwivokabbli bejn l-annimal u d-dokumentazzjoni ta’ dħul li jakkumpanjah.

4.   Fejn l-ungulati jiġu identifikati minn identifikatur elettroniku li ma jikkonformax mal-Istandards 11784 u 11785 tal-ISO, l-operatur responsabbli għad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji ta’ ungulati għandu jipprovdi l-apparat tal-qari li jippermetti fi kwalunkwe ħin il-verifika tal-identifikazzjoni tal-annimal.

Artikolu 22

Il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini tal-ungulati jew ta’ żona tiegħu

1.   Il-konsenji ta’ ungulati, għajr annimali ekwini, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa mill-mard tal-kategorija A msemmi fit-tabella stipulata fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness IV għall-perjodu msemmi f’dik it-tabella.

2.   Il-konsenji ta’ annimali ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu:

(a)

ħielsa mill-mard elenkat imsemmi fit-tabella stipulata fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness IV għall-perjodu msemmi f’dik it-tabella;

(b)

meta l-ebda marda mill-mard elenkat imsemmi fit-tabella stipulata fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IV ma tkun ġiet irrapportata matul il-perjodu msemmi.

3.   Il-perjodi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jitnaqqsu għal mard inkluż fil-Parti B tal-Anness IV skont il-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti msemmija fih.

4.   Il-konsenji ta’ ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn it-tilqim kontra l-mard tal-kategorija A msemmi fil-Parti C tal-Anness IV ma jkunx twettaq skont id-dettalji stipulati fi:

(a)

il-punt 1 ta’ dak l-Anness fil-każ ta’ ungulati, għajr annimali ekwini;

(b)

il-punt 2 ta’ dak l-Anness fil-każ ta’ annimali ekwini.

5.   Fir-rigward tal-infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae, M. tuberculosis), il-konsenji ta’ annimali bovini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jew ikunu:

(a)

joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa minn dik il-marda mingħajr tilqim;

jew

(b)

konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness V.

6.   Fir-rigward tal-infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suis, il-konsenji ta’ annimali bovini, ovini u kaprini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jew:

(a)

ikunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa minn dik il-marda mingħajr tilqim;

jew

(b)

konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness V.

7.   Fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24), il-konsenji ta’ ungulati tal-ispeċijiet elenkati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jew:

(a)

ikunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa minn dik il-marda għal perjodu ta’ sentejn (2) qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni; jew

(b)

ikunu konformi ma’ waħda mill-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-Parti A tal-Anness VI.

8.   Fir-rigward tal-lewkożi enżootika bovina, il-konsenji ta’ annimali bovini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawk l-annimali jew:

(a)

ikunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa minn dik il-marda;

jew

(b)

ikunu konformi mal-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-Parti B tal-Anness VI.

9.   Il-konsenji ta’ ungulati maħsuba għad-dħul fl-Istati Membri jew f’żoni tagħhom bi stat ta’ ħelsien mill-mard jew bi programm approvat ta’ eradikazzjoni għall-mard tal-kategorija C imsemmi fl-Anness VII, li għalih ikunu elenkati l-ispeċijiet ta’ ungulati, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja:

(a)

ikunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa minn dak il-mard għall-ispeċijiet rilevanti;

jew

(b)

ikunu konformi mar-rekwiżiti addizzjonali rilevanti stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 23

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-ungulati

1.   Il-konsenji ta’ ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja:

(a)

ikunu ġejjin minn stabbiliment li fih u madwaru, inkluż fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun ġiet irrapportata l-ebda waħda mill-mard elenkat imsemmi fl-Anness VIII, li għalih ikunu elenkati l-ispeċijiet ta’ ungulati maħsuba għad-dħul fl-Unjoni, f’erja u għal perjodu stipulati fit-tabelli fi:

(i)

il-punti 1 u 2 ta’ dak l-Anness għal ungulati għajr annimali ekwini;

jew

(ii)

il-punti 3 u 4 ta’ dak l-Anness għal annimali ekwini.

(b)

matul il-perjodu msemmi fil-punt (a), l-ungulati ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali bi stat tas-saħħa inferjuri.

2.   Fir-rigward tal-infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae, M. tuberculosis), il-konsenji ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali tal-konsenja jkun konformi mar-rekwiżiti rilevanti stipulati fil-punt 1 tal-Anness IX.

3.   Fir-rigward tal-infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suis, il-konsenji ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali tal-konsenja jkun konformi mar-rekwiżiti rilevanti stipulati fil-punt 2 tal-Anness IX.

Artikolu 24

L-ungulati tal-konsenja

1.   Il-konsenji ta’ ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-mard tal-kategorija A msemmi fit-tabelli stipulati jew fi:

(i)

il-punt 1 tal-Parti C tal-Anness IV fil-każ ta’ ungulati, għajr annimali ekwini;

jew

(ii)

il-punt 2 tal-Parti C tal-Anness IV fil-każ ta’ annimali ekwini.

(b)

matul il-perjodu ta’ żmien li minnu ntbagħtu mill-istabbiliment ta’ oriġini tagħhom sakemm jaslu fl-Unjoni, dawn ma jridux ikunu nħattew f’xi post li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stpulati fit-tabelli stabbiliti jew fi:

(i)

il-punti 1 u 2 tal-Anness VIII fil-każ ta’ ungulati, għajr annimali ekwini;

jew

(ii)

il-punti 3 u 4 tal-Anness VIII fil-każ ta’ annimali ekwini.

2.   Fir-rigward tal-infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae, M. tuberculosis) u tal-infezzjoni bil-Brucella abortus, B. melitensis u B.suis), il-konsenji tal-ispeċijiet elenkati ta’ ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja ma jkunux tlaqqmu kontra dak il-mard.

3.   Fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24), il-konsenji tal-ispeċijiet elenkati ta’ ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja ma jkunux tlaqqmu b’vaċċin ħaj kontra din il-marda fl-aħħar 60 jum qabel id-data tal-moviment.

4.   Il-konsenji ta’ ungulati maħsuba għad-dħul fl-Istati Membri jew f’żoni tagħhom bi stat ta’ ħelsien mill-mard jew bi programm approvat ta’ eradikazzjoni għall-mard tal-kategorija C imsemmi fl-Anness VII, li għalih ikunu elenkati l-ispeċijiet ta’ ungulati, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja ma jkunux tlaqqmu kontra dak il-mard.

5.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-konsenji ta’ rġiel mhux kastrati ta’ annimali ovini u ta’ ungulati tal-familja Tayassuidae għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi rilevanti fir-rigward tal-infezzjoni bil-Brucella stabbiliti fl-Anness X.

6.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-konsenji ta’ annimali ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu konformi mal-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-punt 2 tal-Anness XI, skont il-grupp sanitarju, kif iddeterminat skont il-punt 1 tal-Anness XI, li għalih ikunu ġew assenjati fil-lista l-pajjiż terz jew it-territorju jew iż-żona tiegħu.

Artikolu 25

Derogi u rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ungulati għall-iskarnar

Permezz ta’ deroga mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22(5) u (6), il-konsenji ta’ ungulati tal-ispeċijiet imsemmija f’dawk il-paragrafi li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni dment li l-annimali tal-konsenja jkunu maħsuba għall-iskarnar biss.

Artikolu 26

Moviment u mmaniġġjar tal-ungulati wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni

Wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, l-ungulati, minbarra żwiemel li jidħlu għal kompetizzjoni, għal tiġrijiet u għal avvenimenti kulturali ekwestri, għandhom jibqgħu fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni tagħhom għal perjodu ta’ żmien ta’ tal-anqas 30 jum mill-wasla tagħhom f’dak l-istabbiliment.

KAPITOLU 2

Regoli speċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ungulati miżmuma maħsuba għal stabbilimenti konfinati

Artikolu 27

Rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li mhux applikabbli għall-ungulati maħsuba għall-istabbilimenti konfinati

L-Artikoli 11, 22, 23, 24 u 26 ma għandhomx japplikaw għal konsenji ta’ ungulati, għajr l-annimali ekwini, li jidħlu fl-Unjoni fil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28 sa 34.

Artikolu 28

Regoli speċifiċi għad-dħul ta’ ungulati maħsuba għal stabbilimenti konfinati

1.   Il-konsenji ta’ ungulati maħsuba għall-istabbilimenti konfinati għandhom ikunu permessi jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

iridu jkunu ġejjin minn stabbiliment konfinat li jkun inkluż f’lista ta’ stabbilimenti konfinati li minnhom ikun awtorizzat id-dħul ta’ ungulati fl-Unjoni, imfassla skont l-Artikolu 29;

(b)

iridu jkunu ntbagħtu direttament mill-istabbiliment konfinat ta’ oriġini lejn stabbiliment konfinat fl-Unjoni.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għanda tagħti awtorizzazzjoni speċifika għad-dħul ta’ kull konsenja ta’ ungulati msemmija fil-paragrafu 1, wara l-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni tar-riskji potenzjali li d-dħul tat-tali konsenja jista’ jippreżenta għall-Unjoni.

3.   Id-dħul fl-Unjoni u l-moviment ta’ kull konsenja ta’ ungulati msemmija fil-paragrafu 1 minn ġo Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom ikunu awtorizzati biss soġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri tal-passaġġ.

Dik l-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss fuq il-bażi tal-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-awtorità kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri tal-passaġġ, fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa lilhom mill-Istat Membru tal-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni.

4.   L-Istat Membru tal-post ta’ destinazzjoni tal-konsenji msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u jinnotifika direttament lill-punt tad-dħul fl-Unjoni tal-ungulati, bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 1 u 2, qabel kwalunkwe moviment possibbli minn ġewwa Stati Membri oħra u qabel il-wasla tat-tali ungulati fit-territorju tagħhom.

Artikolu 29

Elenkar tal-istabbilimenti konfinati ta’ oriġini tal-ungulati f’pajjiżi terzi jew f’territorji

1.   L-Istati Membri jistgħu jfasslu lista ta’ stabbilimenti konfinati f’pajjiżi terzi u f’territorji, li minnhom għandu jkun awtorizzat id-dħul tal-ungulati fit-territorju tagħhom.

Dik il-lista għandha tispeċifika l-ispeċijiet ta’ ungulati awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru minn kull stabbiliment konfinat fil-pajjiż terz jew fit-territorju.

2.   L-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-lista tagħhom ta’ stabbilimenti konfinati prevista fil-paragrafu 1, l-istabbilimenti konfinati li diġà jkunu inklużi fit-tali listi ta’ Stati Membri oħra.

Ħlief kif previst fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jinkludu stabbiliment konfinat f’pajjiż terz jew f’territorju fil-lista ta’ stabbilimenti konfinati prevista fil-paragrafu 1 biss wara l-eżitu favorevoli ta’ valutazzjoni sħiħa fuq il-bażi ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-konformità mill-istabbiliment konfinat mar-rekwiżit ta’ approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini stabbilit fl-Artikolu 30;

(b)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini trid tkun ipprovdiet biżżejjed informazzjoni sabiex tiggarantixxi li l-istabbiliment konfinat jikkonforma mar-rekwiżiti rigward l-approvazzjoni tal-istabbilimenti konfinati stabbiliti fl-Artikolu 30.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-listi ta’ stabbilimenti konfinati previsti fil-paragrafu 1 aġġornati, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ kwalunkwe sospensjoni jew irtirar mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz jew ta’ territorju ta’ oriġini kif imsemmi fl-Artikolu 30 jew mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-listi previsti fil-paragrafu 1 fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 30

Kundizzjonijiet għall-istabbilimenti konfinati ta’ oriġini tal-ungulati f’pajjiżi terzi jew f’territorji għall-fini tal-Artikolu 29

L-Istati Membri għandhom jinkludu biss stabbiliment konfinat li jinsab f’pajjiż terz jew f’territorju fil-lista ta’ stabbilimenti konfinati prevista fl-Artikolu 29 jekk l-istabbiliment konfinat ikun approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju u jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

irid ikun demarkat b’mod ċar u l-aċċess tal-annimali u tal-bnedmin għall-faċilitajiet tal-annimali jrid ikun ikkontrollat;

(b)

irid ikollu mezz adegwat għall-qbid, għall-ikkonfinar u għall-iżolar tal-annimali, u jkollu faċilitajiet ta’ kwarantina disponibbli u adegwati u proċeduri operattivi standard approvati għall-annimali ġodda li jaslu;

(c)

iż-żoni fejn jgħixu l-annimali jridu jkunu ta’ standard xieraq u mibnija b’tali mod li:

(i)

il-kuntatt mal-annimali fuq barra tal-istabbiliment konfinat ikun evitat u l-ispezzjonijiet u kwalunkwe trattament meħtieġ ikunu jistgħu jitwettqu faċilment;

(ii)

l-art, il-ħitan u l-materjal jew it-tagħmir l-ieħor kollu jkunu jistgħu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment.

(d)

fir-rigward tal-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-mard:

(i)

irid jimplimenta programm xieraq ta’ sorveljanza tal-mard li jrid jinkludi miżuri ta’ kontroll kontra ż-żoonożi, u jaġġornah skont in-numru u l-ispeċijiet tal-annimali preżenti fl-istabbiliment konfinat u s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-istabbiliment konfinat u madwaru fir-rigward tal-mard elenkat u tal-mard emerġenti;

(ii)

irid jagħmel eżaminazzjonijiet kliniċi, ittestjar fil-laboratorju jew awtopsji fuq dawk l-ungulati li jkunu ssuspettati li huma infettati jew ikkontaminati minn aġenti tal-mard elenkat jew tal-mard emerġenti;

(iii)

irid iwettaq, kif xieraq, it-tilqim u t-trattament tal-ungulati suxxettibbli kontra l-mard trażmissibbli.

(e)

irid iżomm, għal perjodu minimu ta’ 3 snin, rekords aġġornati li jindikaw:

(i)

in-numru u l-identità (jiġifieri l-età stmata, is-sess, l-ispeċi u l-identifikazzjoni individwali, fejn xieraq) tal-ungulati ta’ kull speċi preżenti fl-istabbiliment konfinat;

(ii)

in-numru u l-identità (jiġifieri l-età stmata, is-sess, l-ispeċi u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali, fejn xieraq) tal-ungulati li jaslu jew li jitilqu mill-istabbiliment konfinat, flimkien ma’ informazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ oriġini jew ta’ destinazzjoni tat-tali annimali, il-mezz tat-trasport u l-istat tas-saħħa ta’ dawk l-annimali;

(iii)

dettalji dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-mard previst fil-punt (d)(i);

(iv)

ir-riżultati tal-eżaminazzjonijiet kliniċi, tat-testijiet fil-laboratorju u tal-awtopsji previsti fil-punt (d)(ii);

(v)

dettalji dwar it-tilqim u t-trattament previsti fil-punt (d)(iii);

(vi)

struzzjonijiet, jekk ikun hemm, tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini fir-rigward tal-osservazzjonijiet li saru matul kwalunkwe perjodu ta’ iżolament jew ta’ kwarantina.

(f)

irid jiżgura r-rimi tal-iġsma mejtin tal-ungulati li jmutu minħabba marda jew li jiġu ewtanizzati;

(g)

irid jiżgura b’kuntratt jew permezz ta’ strument legali ieħor is-servizzi ta’ veterinarju tal-istabbilimenti li għandu jkun responsabbli:

(i)

għas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-istabbiliment u għall-konformità mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu;

(ii)

għar-rieżami tal-programm ta’ sorveljanza tal-marda msemmi fil-punt (d)(i) tal-anqas darba fis-sena.

(h)

permezz ta’ deroga mill-Artikolu 9(c), ikollu jew:

(i)

arranġament ma’ laboratorju approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju sabiex iwettaq l-awtopsji;

jew

(ii)

bini xieraq wieħed jew aktar fejn jistgħu jitwettqu l-awtopsji taħt l-awtorità tal-veterinarju tal-istabbiliment.

Artikolu 31

Deroga mir-rekwiżit ta’ elenkar tal-pajjiż terz jew territorju u l-elenkar tal-istabbiliment konfinat tal-oriġini tal-ungulati

1.   Permezz ta’ deroga mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 28(1), il-konsenji ta’ ungulati mill-istabbilimenti f’pajjiżi terzi jew f’territorji li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni jekk ikunu maħsuba għal stabbiliment konfinat u dment li:

(a)

ċirkustanzi imprevisti eċċezzjonali jrendu l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti impossibbli;

(b)

dawk il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 32.

2.   L-Istat Membru tal-post ta’ destinazzjoni tal-konsenja msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u jinnotifika direttament lill-punt tad-dħul fl-Unjoni tal-ungulati, bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 1, qabel kwalunkwe moviment possibbli minn ġewwa Stati Membri oħra u qabel il-wasla tat-tali ungulati fit-territorju tagħhom.

Artikolu 32

Rekwiżiti addizzjonali li jridu jiġu ssodisfati mill-istabbilimenti ta’ oriġini tal-ungulati maħsuba għal stabbiliment konfinat skont id-deroga stabbilita fl-Artikolu 31

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tad-destinazzjoni għandha tawtorizza biss derogi, kif previsti fl-Artikolu 31, għal konsenji ta’ ungulati li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

applikazzjoni minn qabel mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għal deroga speċifika kif prevista fl-Artikolu 31 tkun saret mis-sid, jew minn persuna fiżika li tirrappreżenta lil dak is-sid, u l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkun ta dik l-awtorizzazzjoni wara li jkun għamel valutazzjoni tar-riskju li tkun indikat li l-introduzzjoni ta’ tali konsenja ta’ ungulati ma tkunx tippreżenta riskju għas-saħħa tal-annimali għall-Unjoni;

(b)

l-ungulati jkunu tqiegħdu fi kwarantina fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti għall-perjodu ta’ żmien neċessarju meħtieġ sabiex huma jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikoli 33 u 34:

(i)

f’post approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tal-ungulati;

(ii)

skont l-arranġamenti speċifikati fl-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a), li jridu jipprovdu tal-anqas l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 28(2) sa (4) u fl-Artikoli 33 u 34.

(c)

l-ungulati jridu jitqiegħdu fi kwarantina fl-istabbiliment konfinat ta’ destinazzjoni għal perjodu ta’ tal-anqas sitt xhur mid-data tad-dħul fl-Unjoni, li matulu l-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 138(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u b’mod partikolari fil-punti 2(a), (d) u (k) tiegħu jistgħu jittieħdu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

Artikolu 33

Rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-istabbiliment ta’ oriġini konfinat tal-ungulati fir-rigward tal-mard elenkat

Il-konsenji ta’ ungulati maħsuba għal stabbiliment konfinat li jinsab fl-Unjoni għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-istabbiliment ta’ oriġini konfinat ikun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tal-mard elenkat:

(a)

fir-rigward tal-istabbiliment konfinat ta’ oriġini tal-ungulati, il-mard elenkat imsemmi fit-tabella stabbilita fil-Parti A tal-Anness XII ma jkunx ġie rrapportat għall-perjodi speċifikati għal dak il-mard elenkat f’dik it-tabella;

(b)

fir-rigward tal-erja fl-istabbiliment konfinat u madwaru, il-mard elenkat imsemmi fit-tabella stabbilita fil-Parti B tal-Anness XII ma jkunx ġie rrapportat għall-perjodi speċifikati għal dak il-mard elenkat f’dik it-tabella.

Artikolu 34

Rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-ungulati tal-konsenja fir-rigward tal-mard elenkat

Il-konsenji ta’ ungulati maħsuba għal stabbiliment konfinat li jinsab fl-Unjoni għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jikkonformaw mar-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin dwar is-saħħa tal-annimali:

(a)

iridu jikkonformaw ma’ perjodu ta’ residenza fl-istabbiliment ta’ oriġini konfinat għal perjodu kontinwu ta’ sitt xhur jew mit-twelid jekk ikollhom anqas minn sitt xhur;

(b)

ma jridux ikunu ġew f’kuntatt ma’ annimali bi stat tas-saħħa inferjuri matul:

(i)

il-perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni, jew mit-twelid jekk l-annimali jkollhom anqas minn 30 jum;

(ii)

it-trasport tagħhom mill-istabbiliment konfinat ta’ oriġini approvat lejn il-post tad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(c)

fir-rigward tal-mard imsemmi fit-tabella stipulata fil-Parti C tal-Anness XII, dawn iridu jew:

(i)

ikunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jikkonforma mal-perjodi ta’ ħelsien mill-mard għall-mard rilevanti stipulat f’dik it-tabella;

jew

(ii)

ikunu konformi mar-rekwiżiti addizzjonali rilevanti stipulati fil-Parti D tal-Anness XII.

(d)

ma jistgħux ikunu tlaqqmu kif imsemmi fit-tabella stipulata fil-Parti E tal-Anness XII;

(e)

jekk ikunu tlaqqmu kontra l-antraċe u r-rabja, informazzjoni dwar id-data tat-tilqim, il-vaċċin użat u t-test possibbli mwettaq sabiex jintwera rispons immuni protettiv, trid tkun ġiet ipprovduta mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini;

(f)

iridu jkunu ġew ittrattati kontra parassiti interni u esterni tal-anqas darbtejn matul il-perjodu ta’ 40 jum qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

Meta l-garanziji speċifiċi msemmija fil-punt (c)(ii) ikunu jinkludu perjodu ta’ kwarantina f’faċilità protetta mill-vetturi fl-istabbiliment konfinat, din il-faċilità trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti F tal-Anness XII.

Artikolu 35

Moviment u mmaniġġjar ta’ ungulati maħsuba għal stabbilimenti konfinati wara d-dħul

Wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, l-ungulati li joriġinaw minn stabbiliment konfinat f’pajjiż terz jew f’territorju, kif imsemmi fl-Artikolu 27, iridu jibqgħu fl-istabbiliment konfinat ta’ destinazzjoni għal perjodu minimu ta’ sitt xhur qabel id-data tal-moviment lejn stabbiliment konfinat ieħor fl-Unjoni, sakemm ma jkunux esportati mill-Unjoni jew jiġu mċaqilqa għall-iskarnar.

TITOLU 3

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-POLLAM U GĦALL-GĦASAFAR MIŻMUMA

KAPITOLU 1

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-pollam

TAQSIMA 1

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-ISPEĊIJIET U GĦALL-KATEGORIJI KOLLHA TA’ POLLAM

Artikolu 36

Pollam importat fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu qabel id-dħul fl-Unjoni

1.   Il-konsenji li ġejjin għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk meta l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji skont il-paragrafu 2:

(a)

il-pollam importat fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu minn pajjiż terz ieħor jew minn territorju jew żona tiegħu;

(b)

flieles ta’ ġurnata minn qatgħat ġenituri li ġew importati fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu minn pajjiż terz ieħor jew minn territorju jew żona tiegħu.

2.   Il-konsenji tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tal-pollam tkun ipprovdiet garanziji li:

(a)

dak il-pollam u dawk il-qatgħat ġenituri msemmija f’dak il-paragrafu kienu importati minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li huma elenkati għad-dħul fl-Unjoni tat-tali konsenji;

(b)

l-importazzjoni tal-pollam u tal-qatgħat ġenituri msemmija fil-paragrafu 1 f’dak il-pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu tkun seħħet skont ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li tal-anqas ikunu stretti daqs dawk applikabbli għal konsenji ta’ dawk l-annimali li jidħlu direttament fl-Unjoni.

Artikolu 37

Rekwiżiti li jikkonċernaw il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini tal-pollam jew ta’ żona tiegħu

Il-konsenji ta’ pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn il-konsenji jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom fis-seħħ programm ta’ sorveljanza tal-mard għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja għal perjodu minimu ta’ sitt xhur qabel id-data tad-dispaċċ tal-konsenja lejn l-Unjoni u dak il-programm ta’ sorveljanza jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti jew:

(i)

fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

jew

(ii)

fil-Kapitolu rilevanti tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

(b)

ikunu meqjusa li huma ħielsa mill-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja skont l-Artikolu 38;

(c)

meta tagħti t-tilqima kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji li:

(i)

il-programm ta’ tilqim jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XIII;

(ii)

il-programm ta’ sorveljanza msemmi fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness XIII;

(iii)

ikunu ħadu impenn li jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil fil-programm ta’ tilqim fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu.

(d)

li:

(i)

fil-każ ta’ pollam għajr ratiti, jitqiesu ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39;

(ii)

fil-każ ta’ ratiti:

jitqiesu ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39;

jew

ma jkunux meqjusa ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39, iżda l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji rigward il-konformità mar-rekwiżiti għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle b’rabta mal-iżolament, mas-sorveljanza u mal-ittestjar, kif stipulat fl-Anness XIV;

(e)

fejn isir tilqim kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tkun ipprovdiet garanziji li:

(i)

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

(ii)

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(f)

ikunu ħadu impenn li wara kwalunkwe tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tifqigħa ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(i)

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda fi żmien 24 siegħa mill-konferma ta’ kwalunkwe tifqigħa inizjali tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tal-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(ii)

aġġornamenti regolari dwar is-sitwazzjoni tal-mard;

(g)

ikunu ħadu impenn li jissottomettu iżolati tal-virus minn tifqigħat inizjali ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle lil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Influwenza tat-Tjur u għall-Marda ta’ Newcastle.

Artikolu 38

Ħelsien mill-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini jew ta’ żona tiegħu

1.   Pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu għandhom jitqiesu li jkunu ħielsa mill-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja meta jkunu pprovdew il-garanziji li ġejjin lill-Kummissjoni:

(a)

ikun twettaq programm ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, skont l-Artikolu 37(a), matul perjodu minimu ta’ sitt xhur qabel id-data taċ-ċertifikazzjoni tal-konsenja mill-veterinarju uffiċjali għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(b)

ebda tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja ma seħħet f’dak il-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu għal perjodu minimu ta’ 12-il xahar qabel id-data taċ-ċertifikazzjoni tal-konsenja mill-veterinarju uffiċjali għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

2.   Wara tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu li qabel kienu jitqiesu bħala ħielsa minn dik il-marda, kif imsemmi fil-paragrafu 1, dak il-pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu mill-ġdid għandhom jitqiesu bħala ħielsa mill-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun ġiet implimentata politika ta’ qerda għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja;

(b)

ikunu twettqu tindif u diżinfezzjoni adegwati fuq l-istabbilimenti kollha infettati preċedentement;

(c)

matul perjodu minimu ta’ tliet xhur wara t-tlestija tal-politika ta’ qerda u t-tindif u d-diżinfezzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tkun wettqet programm ta’ sorveljanza, li jipprovdi tal-anqas il-fiduċja b’kampjun rappreżentattiv aleatorju tal-popolazzjonijiet f’riskju sabiex jintwera n-nuqqas ta’ infezzjoni b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi epidemjoloġiċi speċifiċi b’rabta mat-tifqigħa(t) li seħħet/seħħew, b’riżultati negattivi.

Artikolu 39

Ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini jew ta’ żona tiegħu

1.   Pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu għandhom jitqiesu ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle meta ma sseħħ l-ebda tifqigħa ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle fil-pollam f’dak il-pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu għal perjodu minimu ta’ 12-il xahar qabel id-data taċ-ċertifikazzjoni tal-konsenja mill-veterinarju uffiċjali għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

2.   Meta sseħħ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu li qabel kienu ħielsa minn dik il-marda, kif imsemmi fil-paragrafu 1, dak il-pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu mill-ġdid għandhom jitqiesu bħala ħielsa minn dik l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun ġiet implimentata politika ta’ qerda għall-kontroll tal-marda;

(b)

ikunu twettqu tindif u diżinfezzjoni adegwati fuq l-istabbilimenti kollha infettati preċedentement;

(c)

matul perjodu minimu ta’ tliet xhur wara t-tlestija tal-politika ta’ qerda u t-tindif u d-diżinfezzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tkun uriet in-nuqqas ta’ dik il-marda fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu b’investigazzjonijiet intensifikati li jinkludu ttestjar fil-laboratorju b’rabta mat-tifqigħa.

Artikolu 40

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-pollam

1.   Il-konsenji tal-pollam tat-tnissil u tal-pollam produttiv għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġejjin minn stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini skont ir-rekwiżiti li tal-anqas ikunu stretti daqs dawk stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u:

(a)

li l-approvazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet sospiża jew irtirata;

(b)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km minnhom, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(c)

li fihom ma jkun ġie rrapportat l-ebda każ ikkonfermat ta’ infezzjoni b’viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa matul perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

2.   Il-konsenji tal-pollam maħsuba għall-iskarnar għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġejjin minn stabbilimenti:

(a)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km minnhom, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(b)

li fihom ma jkun ġie rrapportat l-ebda każ ikkonfermat ta’ influwenza b’viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa matul perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

3.   Il-konsenji tal-flieles ta’ ġurnata għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja:

(a)

faqqsu fi stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini skont ir-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; u

(i)

li l-approvazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet sospiża jew irtirata;

(ii)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km minnhom, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(b)

ġejjin minn qatgħat li nżammu fi stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini skont ir-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u

(i)

l-approvazzjoni tagħhom ma kinitx ġiet sospiża jew irtirata fil-mument li fih il-bajd għat-tifqis, li minnhom tfaqqsu l-flieles ta’ ġurnata, intbagħat lejn il-mafqas;

(ii)

li fihom ma jkun ġie rrapportat l-ebda każ ikkonfermat ta’ infezzjoni b’viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa matul perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis li minnu tfaqqsu l-flieles ta’ ġurnata.

Artikolu 41

Miżuri preventivi speċifiċi għall-kontenituri li fihom jiġi ttrasportat il-pollam

Il-konsenji ta’ pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn il-konsenji jkunu ġew ittrasportati f’kontenituri li, minbarra r-rekwiżiti tal-Artikolu 18, ikunu konformi wkoll mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

dawn ikunu magħluqa skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini sabiex tiġi evitata kwalunkwe possibbiltà ta’ bdil tal-kontenut;

(b)

ikollhom fuqhom l-informazzjoni għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ pollam stipulata fl-Anness XVI;

(c)

fil-każ ta’ flieles ta’ ġurnata, ikunu mhux riutilizzabbli, nodfa u użati għall-ewwel darba.

Artikolu 42

Id-dħul ta’ pollam fl-Istati Membri bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim

1.   Il-konsenji ta’ pollam tat-tnissil u ta’ pollam produttiv maħsuba għal Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(b)

ikunu nżammu f’iżolament matul perjodu minimu ta’ 14-il jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni fl-istabbiliment ta’ oriġini jew fi stabbiliment ta’ kwarantina taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju uffiċjali, fejn:

(i)

l-ebda pollam ma jkun tlaqqam kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle matul perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja;

(ii)

l-ebda għasfur li ma jkunx jagħmel parti mill-konsenja ma jkun ġie f’kuntatt mal-istabbiliment matul il-perjodu msemmi fil-punt (i);

(iii)

ma tkun ingħatat l-ebda tilqima;

(c)

dawn ikunu ttestjaw negattivi, matul perjodu minimu ta’ 14-il jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni, għal testijiet seroloġiċi għad-detezzjoni tal-antikorpi kontra l-virus tal-marda ta’ Newcastle, imwettqa fuq kampjuni tad-demm f’livell li jagħti fiduċja ta’ 95 % ta’ detezzjoni ta’ infezzjoni bi prevalenza ta’ 5 %.

2.   Il-konsenji ta’ pollam maħsub għall-iskarnar għal Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġejjin minn qatgħat li:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle u jkunu ttestjaw negattivi, matul perjodu minimu ta’ 14-il jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni, għal testijiet seroloġiċi sabiex jiġu individwati antikorpi kontra l-virus tal-marda ta’ Newcastle, imwettqa fuq kampjuni tad-demm f’livell li jagħti fiduċja ta’ 95 % ta’ detezzjoni ta’ infezzjoni bi prevalenza ta’ 5 %;

jew

(b)

ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle iżda mhux b’vaċċin ħaj matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni u jkun sarilhom test ta’ iżolament tal-virus għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle fl-14-il jum ta’ qabel dik id-data fuq kampjun aleatorju ta’ tampuni kloakali jew kampjuni tar-rawt meħuda minn tal-anqas 60 għasfur u ttestjaw negattivi.

3.   Il-konsenji ta’ flieles ta’ ġurnata maħsuba għal Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenji:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(b)

ikunu ġejjin minn bajd għat-tifqis li jkun ġej minn qatgħat li jikkonformaw ma’ waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

jew

(ii)

ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle billi ntuża vaċċin inattivat;

jew

(iii)

ikunu tlaqqmu kontra infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle billi ntuża vaċċin ħaj mhux aktar tard minn 60 jum qabel id-data li fiha nġabar il-bajd;

(c)

ikunu ġejjin minn mafqas fejn il-prattiki operazzjonali jiżguraw li l-bajd tal-flieles ta’ ġurnata maħsub għad-dħul fl-Unjoni jkun inkubat f’ħinijiet u f’postijiet separati għalkollox minn bajd li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (b).

TAQSIMA 2

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-POLLAM TAT-TNISSIL U PRODUTTIV

Artikolu 43

Identifikazzjoni ta’ ratiti tat-tnissil u ta’ ratiti produttivi

Il-konsenji ta’ ratiti tat-tnissil u ta’ ratiti produttivi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu identifikati b’mod individwali b’lametta tal-għonq jew bi transponder injettabbli:

(a)

bil-kodiċi tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li jikkonforma mal-Istandard 3166 tal-ISO fil-format b’żewġ ittri;

(b)

li jikkonformaw mal-istandards 11784 u 11785 tal-ISO.

Artikolu 44

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-qatgħat ta’ oriġini tal-konsenji tal-pollam tat-tnissil u produttiv

Il-konsenji ta’ pollam tat-tnissil u ta’ pollam produttiv għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn qatgħat li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-qatgħat ma jkunux tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja;

(b)

jekk il-qatgħat ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li l-vaċċini użati jikkonformaw jew:

mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għall-konsenja;

(c)

il-qatgħat ikunu ġew soġġetti għal programm ta’ sorveljanza tal-mard li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u nstab li ma kinux infettati jew urew xi raġuni għaliex tiġi ssuspettata kwalunkwe infezzjoni bl-aġenti li ġejjin:

(i)

Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum u Mycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Gallus gallus;

(ii)

Salmonella arizonae (serogrupp O:18(k)), Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum, Mycoplasma meleagridis u Mycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Meleagris gallopavo;

(iii)

Salmonella Pullorum u Salmonella Gallinarum fil-każ ta’ Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix, Anas spp.

(d)

il-qatgħat jinżammu fi stabbilimenti li, fil-każ ta’ konferma ta’ infezzjoni b’ Salmonella Pullorum, S. Gallinarum u S. arizonae matul l-aħħar 12-il xahar qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jkunu applikaw il-miżuri li ġejjin:

(i)

il-qatgħa infettata tkun ġiet skarnata jew inqatlet u nqerdet;

(ii)

wara l-iskarnar jew il-qtil tal-qatgħa infettata kif imsemmi fil-punt (i), l-istabbiliment ikun tnaddaf u ġie diżinfettat;

(iii)

wara t-tindif u d-diżinfezzjoni msemmija fil-punt (ii), il-qatgħat kollha fl-istabbiliment ittestjaw negattivi għall-infezzjoni b’ Salmonella Pullorum, S Gallinarum u S. arizonae f’żewġ testijiet li twettqu b’intervall ta’ mill-inqas 21 jum skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c);

(e)

il-qatgħat jinżammu fi stabbilimenti li f’każ ta’ konferma ta’ mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) matul l-aħħar 12-il xahar qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jkunu applikaw il-miżuri li ġejjin:

jew

(i)

il-qatgħa infettata ttestjat negattiva għall-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) f’żewġ testijiet imwettqa skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c) fuq il-qatgħa kollha b’intervall ta’ mill-inqas 60 jum;

jew

(ii)

il-qatgħa infettata ġiet skarnata jew ġiet maqtula u meqruda, l-istabbiliment tnaddaf u ġie ddiżinfettat u wara t-tindif u d-diżinfezzjoni, il-qatgħat kollha fl-istabbiliment ittestjaw negattiv għall-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) f’żewġ testijiet li saru b’intervall ta’ mill-inqas 21 jum skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c);

TAQSIMA 3

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-POLLAM MAĦSUB GĦALL-ISKARNAR

Artikolu 45

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-qatgħa ta’ oriġini tal-konsenji tal-pollam maħsuba għall-iskarnar

Il-konsenji ta’ pollam maħsub għall-iskarnar għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn qatgħat li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja;

(b)

jekk ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

ikunu ġew ipprovduti garanziji mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li:

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għal kull konsenja.

TAQSIMA 4

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL FLIELES TA’ ĠURNATA

Artikolu 46

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-qatgħat ta’ oriġini tal-konsenji tal-flieles ta’ ġurnata

Il-konsenji ta’ flieles ta’ ġurnata għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn qatgħat li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jekk il-qatgħat ikunu tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u l-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jkunu pprovdew garanziji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim u għal sorveljanza addizzjonali stabbiliti fl-Anness XIII;

(b)

jekk il-qatgħat ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li l-vaċċini użati jikkonformaw jew:

mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini rikonoxxuti kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam u l-bajd għat-tifqis li minnu jkunu oriġinaw il-flieles ta’ ġurnata jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għal kull konsenja;

(c)

il-qatgħat ikunu ġew soġġetti għal programm ta’ sorveljanza tal-mard li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u nstab li ma kinux infettati jew urew xi raġuni għaliex tiġi ssuspettata kwalunkwe infezzjoni bl-aġenti li ġejjin:

(i)

Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum u Mycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Gallus gallus;

(ii)

Salmonella arizonae (serogrupp O:18(k)), Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum, Mycoplasma meleagridis uMycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Meleagris gallopavo;

(iii)

Salmonella Pullorum uSalmonella Gallinarum fil-każ ta’ Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix, Anas spp;

(d)

il-qatgħat jinżammu fi stabbilimenti li, fil-każ ta’ konferma ta’ infezzjoni b’ Salmonella Pullorum, S. Gallinarum u S. arizonae matul l-aħħar 12-il xahar qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jkunu applikaw il-miżuri li ġejjin:

(i)

il-qatgħa infettata tkun ġiet skarnata jew inqatlet u nqerdet;

(ii)

wara l-iskarnar jew il-qtil tal-qatgħa infettata kif imsemmi fil-punt (i), l-istabbiliment ikun tnaddaf u ġie diżinfettat;

(iii)

wara t-tindif u d-diżinfezzjoni msemmija fil-punt (ii), il-qatgħat kollha fl-istabbiliment ittestjaw negattivi għall-infezzjoni b’ Salmonella Pullorum, S Gallinarum u S. arizonae f’żewġ testijiet li twettqu b’intervall ta’ mill-inqas 21 jum skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c);

(e)

il-qatgħat jinżammu fi stabbilimenti li f’każ ta’ konferma ta’ mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) matul l-aħħar 12-il xahar qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jkunu applikaw il-miżuri li ġejjin:

jew

(i)

il-qatgħa infettata ttestjat negattiva għall-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) f’żewġ testijiet imwettqa skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c) fuq il-qatgħa kollha b’intervall ta’ mill-inqas 60 jum;

jew

(ii)

il-qatgħa infettata ġiet skarnata jew ġiet maqtula u meqruda, l-istabbiliment tnaddaf u ġie ddiżinfettat u wara t-tindif u d-diżinfezzjoni, il-qatgħat kollha fl-istabbiliment ittestjaw negattiv għall-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) f’żewġ testijiet li saru b’intervall ta’ mill-inqas 21 jum skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c);

Artikolu 47

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-bajd għat-tifqis ta’ oriġini tal-konsenji tal-flieles ta’ ġurnata

Il-konsenji tal-flieles ta’ ġurnata għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn bajd għat-tifqis li:

(a)

jikkonforma mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni stabbiliti fit-Titolu 2 tal-Parti III;

(b)

qabel ma jintbagħat lejn il-mafqas, il-bajd għat-tifqis ikun ġie mmarkat skont l-istruzzjoni tal-awtorità kompetenti;

(c)

ikun ġie diżinfettat skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti;

(d)

ma jkunx ġie f’kuntatt ma’ pollam jew ma’ bajd għat-tifqis bi stat tas-saħħa inferjuri, ma’ għasafar miżmuma jew ma’ għasafar selvaġġi, la matul it-trasport lejn il-mafqas u lanqas fil-mafqas.

Artikolu 48

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-flieles ta’ ġurnata

Il-konsenji tal-flieles ta’ ġurnata għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja ma jkunux tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur.

TAQSIMA 5

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL ANQAS MINN 20 EŻEMPLAR TA’ POLLAM

Artikolu 49

Deroga u rekwiżiti speċifiċi għal konsenji ta’ anqas minn 20 eżemplar ta’ pollam, għajr ir-ratiti

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(3), mill-Artikolu 17, mill-Artikolu 18, mill-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 u mill-Artikoli 43 sa 48, il-konsenji li jkun fihom anqas minn 20 eżemplar ta’ pollam għajr ir-ratiti għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni dment li dawn il-konsenji jkunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-pollam jiġi minn stabbilimenti fejn:

(i)

ma jkun ġie rrapportat l-ebda każ ikkonfermat ta’ infezzjoni b’viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa matul perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jew id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis li minnu tfaqqsu l-flieles ta’ ġurnata;

(ii)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km mill-istabbiliment, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(b)

il-pollam jew, fil-każ ta’ flieles ta’ ġurnata, il-qatgħa ta’ oriġini tal-flieles ta’ ġurnata, ikunu ġew iżolati fl-istabbiliment ta’ oriġini għal perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(c)

fir-rigward tat-tilqim kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja:

(i)

il-pollam ma jkunx tlaqqam kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja;

(ii)

meta l-qatgħat ġenituri tal-flieles ta’ ġurnata jkunu tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, garanziji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim u għal sorveljanza addizzjonali stabbiliti fl-Anness XIII, ikunu ġew ipprovduti mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini;

(d)

meta l-pollam jew il-qatgħa ġenitur tal-flieles ta’ ġurnata jkunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li l-vaċċini użati jikkonformaw jew:

mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għal kull konsenja;

(e)

il-pollam jew, fil-każ ta’ flieles ta’ ġurnata, il-qatgħa ta’ oriġini tal-flieles ta’ ġurnata, ma jkunux instabu li huma infettati jew taw xi raġuni għal suspett ta’ xi infezzjoni bl-aġenti li ġejjin fit-testijiet imwettqa skont ir-rekwiżiti għall-ittestjar ta’ konsenji ta’ anqas minn 20 eżemplar ta’ pollam għajr ir-ratiti u anqas minn 20 bajda għat-tifqis tiegħu qabel id-dħul fl-Unjoni, stipulati fl-Anness XVII;

(i)

Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum u Mycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Gallus gallus;

(ii)

Salmonella arizonae (serogrupp O:18(k)), Salmonela Pullorum, Salmonella Gallinarum, Mycoplasma meleagridis u Mycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Meleagris gallopavo;

(iii)

Salmonella Pullorum u Salmonella Gallinarum fil-każ ta’ Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix, Anas spp.

TAQSIMA 6

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT U GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-POLLAM WARA D-DĦUL FL-UNJONI

Artikolu 50

Obbligi fuq l-operaturi fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni wara d-dħul fl-Unjoni tal-konsenji ta’ pollam

1.   L-operaturi fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni għandhom iżommu l-pollam għat-tnissil, il-pollam produttiv, ħlief il-pollam produttiv għar-riforniment tal-provvisti ta’ għasafar tal-kaċċa, u flieles ta’ ġurnata li jkunu daħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fl-istabbilimenti ta’ destinazzjoni mid-data tal-wasla tagħhom għal perjodu kontinwu minimu ta’:

(a)

sitt ġimgħat;

jew

(b)

sal-jum tal-iskarnar, meta l-annimali jiġu skarnati fi żmien sitt ġimgħat mid-data tal-wasla.

2.   Fil-każ ta’ pollam għajr ir-ratiti, il-perjodu ta’ sitt ġimgħat previst fil-paragrafu 1(a) jista’ jitnaqqas għal tliet ġimgħat dment li, fuq it-talba tal-operatur, ikunu saru l-kampjunar u l-ittestjar skont l-Artikolu 51(b) b’riżultati favorevoli.

3.   L-operaturi fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni għandhom jiżguraw li l-pollam imsemmi fil-paragrafu 1 issirilhom spezzjoni klinika mwettqa minn veterinarju uffiċjali fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-perjodi rilevanti previsti f’dak il-paragrafu.

4.   Matul il-perjodi previsti fil-paragrafu 1, l-operaturi għandhom iżommu l-pollam li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu separati minn qatgħat oħra ta’ pollam.

5.   Meta l-pollam imsemmi fil-paragrafu 1 jitqiegħed fl-istess qatgħa bħal pollam ieħor preżenti fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni, il-perjodi msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) għandhom jibdew mid-data ta’ introduzzjoni tal-aħħar għasfur fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni u l-ebda pollam preżenti m’għandu jitmexxa mill-qatgħa qabel ma jiskadu dawk il-perjodi.

Artikolu 51

Obbligu tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kampjunar u tal-ittestjar tal-konsenji tal-pollam wara d-dħul fl-Unjoni

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tiżgura li:

(a)

matul il-perjodi previsti fl-Artikolu 50(1), il-pollam tat-tnissil, il-pollam produttiv, ħlief il-pollam produttiv għar-riforniment tal-provvisti tal-għasafar tal-kaċċa, u l-flieles ta’ ġurnata li jkunu daħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu, issirilhom spezzjoni klinika mwettqa minn veterinarju uffiċjali fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-perjodi rilevanti previsti f’dak l-Artikolu u, fejn ikun hemm bżonn, imdaħħla fil-kampjun għall-ittestjar sabiex jiġi ssorveljat l-istat tas-saħħa tagħhom;

(b)

fil-każ ta’ pollam għajr ir-ratiti u meta dawn jintalbu mill-operatur kif imsemmi fl-Artikolu 50(2), il-kampjunar u l-ittestjar tal-pollam għajr ir-ratiti jitwettqu skont l-Anness XVIII.

Artikolu 52

Obbligu tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kampjunar u tal-ittestjar wara d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ratiti li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu mhux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tiżgura li r-ratiti tat-tnissil, ir-ratiti produttivi u l-flieles ta’ ġurnata tar-ratiti li jkunu daħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li ma jkunux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, matul il-perjodi previsti fl-Artikolu 50(1):

(a)

ikunu soġġetti għal test tad-detezzjoni tal-virus għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mwettaq mill-awtorità kompetenti fuq tampun kloakali jew kampjuni tar-rawt minn kull ratit;

(b)

fil-każ ta’ konsenji ta’ ratiti ddestinati għal Stati Membri bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu mhux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), ikunu soġġetti għal test seroloġiku għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mwettaq mill-awtorità kompetenti fuq kull ratit;

(c)

ir-ratiti kollha għandhom ikunu ttestjaw negattivi għat-testijiet previsti fil-punti (a) u (b) qabel ir-rilaxx tagħhom mill-iżolament.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-għasafar miżmuma

TAQSIMA 1

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-GĦASAFAR MIŻMUMA

Artikolu 53

Rekwiżiti rigward l-identifikazzjoni tal-għasafar miżmuma

Il-konsenji ta’ għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu identifikati b’numru ta’ identifikazzjoni individwali permezz ta’ ħolqa tas-sieq magħluqa, immarkata u unika jew transponder injettabbli, li tal-anqas ikun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li jikkonforma mal-Istandard 3166 tal-ISO fil-format b’żewġ ittri;

(b)

numru tas-serje uniku.

Artikolu 54

Miżuri preventivi speċifiċi għall-kontenituri li fihom jiġu ttrasportati l-għasafar miżmuma

Il-konsenji ta’ għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn il-konsenji jkun ġew ittrasportati f’kontenituri li, minbarra r-rekwiżiti rigward il-kontenituri stipulati fl-Artikolu 18, ikunu konformi wkoll mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

dawn ikunu magħluqa skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ kwalunkwe sostituzzjoni tal-kontenut;

(b)

ikollhom fuqhom l-informazzjoni għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari ta’ għasafar stipulata fl-Anness XVI;

(c)

jintużaw għall-ewwel darba.

Artikolu 55

Rekwiżiti rigward l-istabbiliment ta’ oriġini tal-konsenja tal-għasafar miżmuma

Il-konsenji ta’ għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġejjin minn stabbiliment li jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikun ġie approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini bħala li jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi dwar l-annimali stipulati fl-Artikolu 56, u dik l-approvazzjoni ma tkunx ġiet sospiża jew irtirata;

(b)

ikun ġie assenjat numru tal-approvazzjoni uniku mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini, li jkun ġie kkomunikat lill-Kummissjoni;

(c)

l-isem u n-numru ta’ approvazzjoni tal-istabbiliment ta’ oriġini jkunu jidhru f’lista ta’ stabbilimenti mfassla u ppubblikata mill-Kummissjoni;

(d)

fi ħdan raġġ ta’ 10 km mill-istabbiliment, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ kwalunkwe pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle għal perjodu minimu tat-30 jum preċedenti qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(e)

fil-każ tal-psittacidae, jew:

(i)

ma tkunx ġiet ikkonfermata l-klamidjożi tat-tjur fl-istabbiliment għal perjodu minimu ta’ 60 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni u fil-każ li tkun ġiet ikkonfermata l-klamidjozi tat-tjur fl-istabbiliment matul l-aħħar sitt xhur qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni, ikunu ġew applikati l-miżuri li ġejjin:

l-għasafar infettati u l-għasfar li aktarx li jkunu infettati jkunu rċivew trattament;

wara t-tlestija tat-trattament, ikunu nstabu negattivi għall-ittestjar fil-laboratorju għall-klamidjożi tat-tjur;

wara t-tlestija tat-trattament, l-istabbiliment ikun tnaddaf u ġie diżinfettat;

tal-anqas ikunu għaddew 60 jum mit-tlestija tat-tindif u tad-diżinfezzjoni msemmija fit-tielet inċiż;

jew

(ii)

l-annimali jkunu nżammu taħt superviżjoni veterinarja għall-45 jum ta’ qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni u jkunu ġew ittrattati kontra l-klamidjożi tat-tjur.

Artikolu 56

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-approvazzjoni, għaż-żamma tal-approvazzjoni u għas-sospensjoni, għall-irtirar jew għall-għoti mill-ġdid tal-approvazzjoni tal-istabbiliment ta’ oriġini tal-konsenja tal-għasafar miżmuma

1.   Il-konsenji tal-għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġejjin mill-istabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini kif imsemmi fl-Artikolu 55, u li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin stipulati fl-Anness XIX:

(a)

il-punt 1, fir-rigward tal-miżuri ta’ bijosigurtà;

(b)

il-punt 2, fir-rigward tal-faċilitajiet u tat-tagħmir;

(c)

il-punt 3, fir-rigward taż-żamma ta’ rekords;

(d)

il-punt 4, fir-rigward tal-persunal;

(e)

il-punt 5, fir-rigward tal-istat tas-saħħa.

2.   Il-konsenji ta’ għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġejjin minn stabbilimenti li jkunu taħt il-kontroll ta’ veterinarju uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju, li għandu:

(a)

jiżgura li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu;

(b)

iżur il-bini tal-istabbiliment tal-anqas darba fis-sena;

(c)

jawditja l-attività tal-veterinarju tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-programm annwali ta’ sorveljanza tal-mard;

(d)

jivverifika li r-riżultati tat-testijiet kliniċi, post-mortem u fil-laboratorju fuq l-annimali ma jkunu sabu l-ebda okkorrenza ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle jew ta’ klamidjożi tat-tjur.

3.   L-approvazzjoni ta’ stabbiliment tal-għasafar miżmuma tkun ġiet sospiża jew irtirata meta dak l-istabbiliment ma jibqax konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2, jew ikun seħħ tibdil fl-użu sabiex ma tkunx tista’ tibqa’ tintuża għall-għasafar miżmuma.

4.   L-approvazzjoni ta’ stabbiliment tal-għasafar miżmuma għandha tiġi sospiża meta l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tkun irċeviet notifika tas-suspett ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle jew ta’ klamidjożi tat-tjur, u sakemm is-suspett ikun ġie eliminat uffiċjalment għalkollox. Wara n-notifika ta’ suspett, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-konferma jew għall-eliminar tas-suspett u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tixrid tal-marda, skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

5.   Meta l-approvazzjoni ta’ stabbiliment tkun ġiet sospiża jew irtirata, l-istabbiliment għandu jerġa’ jiġi approvat dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-marda u s-sors tal-infezzjoni jkunu ġew eradikati;

(b)

ikunu twettqu tindif u diżinfezzjoni adegwati fl-istabbilimenti infettati preċedentement;

(c)

l-istabbiliment ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.

6.   Il-konsenji tal-għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk meta l-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jkunu ħadu impenn li jinformaw lill-Kummissjoni dwar is-sospensjoni, l-irtirar jew l-għoti mill-ġdid tal-approvazzjoni ta’ kwalunkwe stabbiliment.

Artikolu 57

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-għasafar miżmuma

Il-konsenji tal-għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja;

(b)

ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji li il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(c)

ikunu ġew soġġetti għal test għad-detezzjoni tal-virus tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u għall-marda ta’ Newcastle b’riżultati negattivi, fi ħdan perjodu ta’ bejn seba’ u 14-il jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

Artikolu 58

Rekwiżiti dwar id-dħul ta’ konsenji ta’ għasafar miżmuma fl-Istati Membri bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim

Il-konsenji ta’ għasafar miżmuma tal-ispeċijiet galliformi maħsuba għal Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja:

(a)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(b)

ikunu nżammu f’iżolament għal perjodu minimu ta’ 14-il jum qabel id-data tat-tagħbija tal-konsenja għad-dispaċċ lejn l-Unjoni fl-istabbiliment ta’ oriġini jew fi stabbiliment ta’ kwarantina fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju uffiċjali, fejn:

(i)

l-ebda għasfur ma jkun tlaqqam kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle matul il-perjodu ta’ 21 jum qabel id-data tad-dispaċċ tal-konsenja;

(ii)

l-ebda għasfur li ma kienx maħsub għall-konsenja ma jkun daħal fl-istabbiliment matul dak iż-żmien;

(iii)

ma tkun ingħatat l-ebda tilqima fl-istabbiliment;

(c)

ikunu ttestjaw negattivi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni, għal testijiet seroloġiċi sabiex tiġi individwata l-preżenza ta’ antikorpi kontra l-virus tal-marda ta’ Newcastle, imwettqa fuq kampjuni tad-demm f’livell li jagħti fiduċja ta’ 95 % ta’ detezzjoni ta’ infezzjoni bi prevalenza ta’ 5 %.

TAQSIMA 2

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT U GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-GĦASAFAR MIŻMUMA WARA D-DĦUL TAGĦHOM FL-UNJONI

Artikolu 59

Rekwiżiti rigward il-moviment tal-għasafar miżmuma wara d-dħul fl-Unjoni

Wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, il-konsenji tal-għasafar miżmuma għandhom jiġu ttrasportati mingħajr dewmien direttament fi stabbiliment ta’ kwarantina approvat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, kif ġej:

(a)

il-vjaġġ totali mill-punt tad-dħul fl-Unjoni sal-istabbiliment ta’ kwarantina ma jistax jaqbeż id-disa’ sigħat;

(b)

veikoli użati għat-trasport tal-konsenja lejn l-istabbiliment ta’ kwarantina jridu jkunu ssiġillati mill-awtorità kompetenti b’tali mod li l-kontenut ma jkunx jista’ jiġi ssostitwit.

Artikolu 60

Obbligu fuq l-operaturi fl-istabbiliment ta’ kwarantina wara d-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-għasafar miżmuma

L-operaturi tal-istabbiliment ta’ kwarantina għall-għasafar miżmuma msemmija fl-Artikolu 59 għandhom:

(a)

iżommu l-għasafar miżmuma fi kwarantina għal perjodu minimu ta’ 30 jum;

(b)

fejn jintużaw għasafar sentinelli għall-proċeduri ta’ eżaminazzjoni, ta’ kampjunar u ta’ ttestjar, jiżguraw li:

(i)

tal-anqas jintużaw 10 għasafar sentinelli f’kull unità tal-istabbiliment ta’ kwarantina;

(ii)

ikollhom tal-anqas tliet ġimgħat u jintużaw darba biss għal dawk l-għanijiet;

(iii)

ikollhom jew ħolqa tas-sieq għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew inkella jkunu identifikati b’mezz ta’ identifikazzjoni ieħor li ma jkunx jista’ jitneħħa;

(iv)

ma jkunux tlaqqmu u jkun instab li huma seronegattivi għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle fi ħdan perjodu ta’ 14-il jum qabel id-data tal-bidu tal-kwarantina;

(v)

jitqiegħdu fl-istabbiliment ta’ kwarantina approvat qabel il-wasla tal-għasafar miżmuma fl-ispazju tal-ajru komuni u mill-aktar qrib possibbli tal-għasafar miżmuma sabiex jiġi żgurat il-kuntatt mill-qrib bejn l-għasafar sentinelli u l-eskrementi tal-għasafar miżmuma fi kwarantina;

(vi)

l-għasafar miżmuma jiġu rilaxxati mill-kwarantina biss bl-awtorizzazzjoni bil-miktub ta’ veterinarju uffiċjali.

Artikolu 61

Obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti wara d-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-għasafar miżmuma

Wara l-wasla tal-għasafar miżmuma fl-istabbiliment ta’ kwarantina msemmi fl-Artikolu 59, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tispezzjona l-kundizzjonijiet tal-kwarantina, inklużi eżaminazzjoni tar-rekords tal-mortalità u spezzjoni klinika tal-għasafar miżmuma, tal-anqas fil-bidu u fit-tmiem tal-perjodu ta’ kwarantina;

(b)

tagħmel testijiet fuq l-għasafar miżmuma għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, skont il-proċeduri ta’ eżaminazzjoni, ta’ kampjunar u ta’ ttestjar stipulati fl-Anness XX.

TAQSIMA 3

DEROGI MIR-REKWIŻITI TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ GĦASAFAR MIŻMUMA U GĦALL-MOVIMENT U L-IMMANIĠĠJAR TA’ DAWK L-GĦASAFAR WARA D-DĦUL TAGĦHOM FL-UNJONI

Artikolu 62

Deroga mir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-għasafar miżmuma minn ċerti pajjiżi terzi jew territorji

B’deroga mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tal-Parti I, għajr il-punt (a) (i) tal-Artikolu 3, l-Artikoli 11 sa 19 u l-Artikoli 53 sa 61, il-konsenji ta’ għasafar miżmuma li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti għandhom jitħallew jidħlu fl-Unjoni jekk dawn joriġinaw minn pajjiżi terzi jew territorji speċifikament elenkati għad-dħul fl-Unjoni ta’ għasafar miżmuma bbażati fuq garanziji ekwivalenti.

TITOLU 4

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAN-NAĦAL TAL-GĦASEL U GĦAN-NAĦAL BAGĦLI

KAPITOLU 1

Rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għan-naħal tal-għasel u għan-naħal bagħli

Artikolu 63

Kategoriji awtorizzati ta’ naħal

Il-konsenji mill-kategoriji ta’ naħal li ġejjin biss għandhom jitħallew jidħlu fl-Unjoni:

(a)

irġejjen tan-naħal tal-għasel;

(b)

naħal bagħli.

Artikolu 64

Dispaċċ lejn l-Unjoni tan-naħal tal-għasel u tan-naħal bagħli

Il-konsenji ta’ rġejjen tan-naħal tal-għasel u tan-naħal bagħli għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-materjal tal-imballaġġ u l-gaġeġ tal-irġejjen użati għad-dispaċċ tan-naħal tal-għasel u tan-naħal bagħli fl-Unjoni jridu:

(i)

ikunu ġodda;

(ii)

ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ xi naħla u xi xehda tad-duqqajs;

(iii)

ikunu ġew soġġetti għal kull prekawzjoni għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tagħhom b’patoġeni li jikkawżaw mard tan-naħal tal-għasel jew tan-naħal bagħli.

(b)

l-oġġetti tal-għalf li jakkumpanjaw in-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli jridu jkunu ħielsa minn patoġeni li jikkawżaw il-mard tagħhom;

(c)

il-materjal tal-imballaġġ u l-prodotti li jakkumpanjaw trid tkun saritilhom eżaminazzjoni viżwali qabel id-dispaċċ lejn l-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ma jkunux jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-annimali u ma jkunx fihom:

(i)

fil-każ tan-naħal tal-għasel, Aethina tumida (ħanfusa żgħira tal-ġabsala) u Tropilaelaps fi kwalunkwe stadju ta’ ħajjithom;

(ii)

fil-każ tan-naħal bagħli, Aethina tumida (ħanfusa żgħira tal-ġabsala), fi kwalunkwe stadju ta’ ħajjithom.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-irġejjen tan-naħal tal-għasel

Artikolu 65

Il-miġbħa ta’ oriġini tal-irġejjen tan-naħal tal-għasel

Il-konsenji tal-irġejjen tan-naħal tal-għasel għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-irġejjen tan-naħal tal-għasel tal-konsenja jkunu joriġinaw minn miġbħa li tinsab f’erja:

(a)

b’raġġ minimu ta’ 100 km, inkluż fejn xieraq it-territorju ta’ pajjiż terz ġar:

(i)

fejn ma tkunx ġiet irrapportata infestazzjoni b’Aethina tumida (ħanfusa żgħira tal-ġabsala) jew infestazzjoni bi Tropilaelaps spp.;

(ii)

ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni fis-seħħ minħabba suspett, każ jew tifqigħa tal-mard imsemmi f’(i).

(b)

b’raġġ minimu ta’ 3 km, inkluż fejn xieraq it-territorju ta’ pajjiż terz ġar:

(i)

ma tkunx ġiet irrapportata pesta Amerikana għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(ii)

ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni fis-seħħ minħabba suspett jew każ ikkonfermat ta’ pesta Amerikana matul il-perjodu msemmi fil-punt (i);

(iii)

fejn ma kien hemm l-ebda każ ikkonfermat preċedenti ta’ pesta Amerikana qabel il-perjodu msemmi fil-punt (i), il-kaxex tan-naħal kollha jkunu ġew ivverifikati b’mod sussegwenti mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini u l-kaxex tan-naħal infettati kollha jkunu ġew ittrattati u mbagħad spezzjonati b’riżultati favorevoli fi ħdan perjodu ta’ 30 jum mid-data tal-aħħar każ irreġistrat ta’ dik il-marda.

Artikolu 66

Il-kaxxa tan-naħal ta’ oriġini tan-naħal tal-għasel

Il-konsenji ta’ rġejjen tan-naħal tal-għasel għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-irġejjen tan-naħal tal-għasel tal-konsenja joriġinaw minn kaxex tan-naħal li minnhom ikunu ġew ittestjati kampjuni tax-xehda għall-pesta Amerikana b’riżultati negattivi fi ħdan perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni.

Artikolu 67

Il-konsenja ta’ rġejjen tan-naħal tal-għasel

Il-konsenji ta’ rġejjen tan-naħal tal-għasel għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn il-konsenji jkunu f’gaġeġ magħluqa, b’kull waħda li jkun fiha reġina tan-naħal tal-għasel waħda biss b’massimu ta’ 20 attendent li jakkumpanjaha.

Artikolu 68

Garanziji addizzjonali għall-irġejjen tan-naħal tal-għasel iddestinat għal ċerti Stati Membri jew għal żona fir-rigward tal-infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis)

Il-konsenji ta’ rġejjen tan-naħal tal-għasel iddestinati għal Stat Membru jew żona bi stat ta’ ħelsien mill-mard għal infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis) għandhom ikunu permessi jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawk il-konsenji jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

in-naħal tal-għasel tal-konsenja jridu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ħielsa mill-infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis);

(b)

fil-pajjiż terz jew territorju ta’ oriġini jew żona tiegħu, ma ġietx irrappurtata infestazzjoni bil-Varroa spp. (Varroosis) għal perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(c)

tkun ittieħdet kull prekawzjoni sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni tal-konsenja bil-Varroa spp. matul it-tagħbija u d-dispaċċ lejn l-Unjoni.

KAPITOLU 3

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għan-naħal bagħli

Artikolu 69

L-istabbiliment ta’ oriġini tan-naħal bagħli

Il-konsenji tan-naħal bagħli għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk in-naħal bagħli tal-konsenja:

(a)

ikunu trabbew u nżammu fi stabbiliment tal-produzzjoni tan-naħal bagħli ambjentalment iżolat li:

(i)

ikollu faċilitajiet li jiżguraw li l-produzzjoni tan-naħal bagħli sseħħ f’bini protett mill-insetti li jtiru;

(ii)

ikollu faċilitajiet u tagħmir li jiżguraw li n-naħal bagħli jkun iżolat ulterjorment f’unitajiet epidemjoloġiċi separati u kull kolonja f’kontenituri magħluqa fi ħdan il-bini matul il-produzzjoni sħiħa;

(iii)

il-ħażna u l-immaniġġjar tal-għabra tad-dakra ġewwa l-faċilitajiet ikunu iżolati min-naħal bagħli matul il-produzzjoni kollha tan-naħal bagħli sakemm ikun mitmugħ lilhom;

(iv)

ikollu proċeduri operatorji standard għall-prevenzjoni tad-dħul tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fl-istabbilment u jivverifika b’mod regolari għall-preżenza tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fl-istabbiliment;

(b)

fi ħdan l-istabbiliment imsemmi fil-punt (a), in-naħal bagħli jrid ikun ġej minn unità epidemjoloġika li fiha ma tkunx instabet infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala).

Artikolu 70

Il-konsenja tan-naħal bagħli

Il-konsenji tan-naħal bagħli għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn il-konsenji ikunu ntbagħtu lejn l-Unjoni f’kontenituri magħluqa, b’kull wieħed li jkun fih kolonja b’massimu ta’ 200 naħla bagħlija adulta b’reġina jew mingħajr.

KAPITOLU 4

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-immaniġġjar wara d-dħul tal-irġejjen tan-naħal tal-għasel u tan-naħal bagħli

Artikolu 71

Immaniġġjar wara d-dħul tal-irġejjen tan-naħal tal-għasel u tan-naħal bagħli

1.   Wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, l-irġejjen tan-naħal tal-għasel ma jistgħux jiġu introdotti f’kolonji lokali sakemm ma jkunux ittrasferiti mill-gaġġa tat-trasport lejn gaġeġ ġodda skont il-paragrafu 2 bil-permess u, kif xieraq, taħt is-superviżjoni diretta tal-awtorità kompetenti.

2.   Wara t-trasferiment f’gaġeġ ġodda kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-gaġeġ tat-trasport, l-attendenti, u materjal ieħor li jkun akkumpanja lill-irġejjen tan-naħal tal-għasel mill-pajjiż terz ta’ oriġini jridu jiġu sottomessi għal laboratorju uffiċjali għall-eżaminazzjoni sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà tal-preżenza ta’ Aethina Tumida (Ħanfusa żgħira tal-ġabsala), inklużi bajd u larva, u kwalunkwe sinjal tat-Tropilaelaps.

3.   L-operaturi li jirċievu naħal bagħli għandhom jeqirdu l-kontenitur u l-materjal tal-imballaġġ li jakkumpanjahom mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini iżda jistgħu jżommuhom fil-kontenitur li fih daħlu fl-Unjoni sa tmiem il-ħajja tal-kolonja.

Artikolu 72

Obbligi speċifiċi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-post ta’ destinazzjoni tal-konsenji tan-naħal tal-għasel u tan-naħal bagħli għandha:

(a)

tissorvelja t-trasferiment mill-gaġġa tat-trasport għall-gaġeġ il-ġodda msemmija fl-Artikolu 71(1);

(b)

tiżgura s-sottomissjoni mill-operatur tal-materjali msemmija fl-Artikolu 71(2);

(c)

tiżgura li l-laboratorju uffiċjali msemmi fl-Artikolu 71(2) ikollu arranġamenti fis-seħħ sabiex jeqred il-gaġeġ, l-attendenti u l-materjal wara l-eżaminazzjoni fil-laboratorju prevista f’dik id-dispożizzjoni.

TITOLU 5

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ KLIEB, TA’ QTATES U TA’ INMSA

Artikolu 73

Dispaċċ tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa lejn l-Unjoni

1.   Il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn il-konsenji jkunu ntbagħtu mill-istabbiliment ta’ oriġini tagħhom lejn l-Unjoni mingħajr ma jingħaddew minn kwalunkwe stabbiliment ieħor.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa li jkunu ġejjin minn aktar minn stabbiliment ta’ oriġini wieħed jistgħu jkunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni jekk l-annimali tal-konsenja tkun saritilhom operazzjoni unika ta’ assemblaġġ fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu dment li jkunu rrispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni ta’ assemblaġġ tkun saret fi stabbiliment:

(i)

approvat għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ klieb, qtates u inmsa mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz jew territorju f’konformità mar-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs dawk stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

(ii)

li jkollu numru ta’ approvazzjoni uniku assenjat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju;

(iii)

elenkat għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ, inkluża l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

(iv)

fejn ir-rekords li ġejjin jinżammu aġġornati għal perjodu minimu ta’ tliet snin:

l-oriġini tal-annimali;

id-dati tal-wasla u tad-dispaċċ lejn u miċ-ċentru ta’ assemblaġġ;

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-istabbilimenti ta’ oriġini tal-annimali;

in-numru ta’ reġistrazzjoni tat-trasportaturi u tal-mezzi tat-trasport li jwasslu jew jiġbru l-konsenja ta’ klieb, qtates u inmsa lejn u minn dak iċ-ċentru.

(b)

l-operazzjoni ta’ assemblaġġ fiċ-ċentru ta’ assemblaġġ ma tkunx damet aktar minn sitt ijiem; dan il-perjodu għandu jitqies bħala parti mill-perjodu ta’ żmien għall-kampjunar għall-ittestjar qabel ma jintbagħat lejn l-Unjoni, fejn tali kampjunar huwa meħtieġ minn dan ir-Regolament;

(c)

l-annimali jridu jkunu waslu fl-Unjoni fi ħdan perjodu ta’ 10 ijiem mid-data tad-dispaċċ mill-istabbiliment ta’ oriġini.

Artikolu 74

Identifikazzjoni tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa

1.   Il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġew identifikati b’mod individwali permezz ta’ transponder injettabbli impjantat minn veterinarju li jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-mezz ta’ identifikazzjoni tal-annimali stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) 2016/429.

2.   Meta t-transponder injettabbli impjantat imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija f’dak il-paragrafu, l-operatur responsabbli għad-dħul fl-Unjoni tal-konsenja għandu jipprovdi l-apparat tal-qari li jippermetti l-verifika tal-identifikazzjoni individwali tal-annimal fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 75

Il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa

Il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn ir-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni bil-virus tar-rabja jkunu fis-seħħ u implimentati b’mod effettiv għall-minimizzazzjoni tar-riskju ta’ infezzjoni tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa, inklużi regoli dwar l-importazzjonijiet ta’ dawk l-ispeċijiet minn pajjiżi terzi jew minn territorji oħra.

Artikolu 76

Il-klieb, il-qtates u l-inmsa

1.   Il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu rċivew tilqima kontra l-infezzjoni bil-virus tar-rabja li tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-annimali jrid ikollhom tal-anqas 12-il ġimgħa meta jingħataw it-tilqima;

(ii)

il-vaċċin irid jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);

(iii)

fil-jum tad-dispaċċ lejn l-Unjoni, iridu jkunu għaddew mill-inqas 21 jum mindu ngħatat it-tilqima primarja kontra l-infezzjoni bil-virus tar-rabja;

(iv)

kopja ċċertifikata tad-dettalji dwar it-tilqima trid tkun mehmuża maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fl-Artikolu 3(1)(c)(i).

(b)

irid ikun sarilhom test validu ta’ titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja, f’konformità mal-punt 1 tal-Anness XXI.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1(b), klieb, qtates u inmsa li joriġinaw f’pajjiżi terzi jew f’territorji jew żoni tiegħu inklużi fil-lista stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (22) għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni mingħajr ma jkunu soġġetti għat-test ta’ titrazzjoni tar-rabja.

3.   Il-konsenji ta’ klieb għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fi Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-mard għall-Echinococcus multilocularis jew bi programm approvat ta’ eradikazzjoni għall-infestazzjoni b’dik il-marda, jekk l-annimali tal-konsenja jkunu ġew ittrattati kontra din l-infestazzjoni skont il-Parti 2 tal-Anness XXI.

Artikolu 77

Deroga għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa maħsuba għal stabbiliment konfinat jew ta’ kwarantina

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 76, il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti rigward it-tilqim kontra r-rabja u r-rekwiżiti rigward l-infestazzjoni bl-Echinococcus multilocularis għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni dment li dawn il-konsenji jkunu maħsuba għad-dħul dirett jew fi:

(a)

stabbiliment konfinat;

jew

(b)

stabbiliment ta’ kwarantina approvat fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

Artikolu 78

Ċaqliq u mmaniġġjar wara d-dħul fl-Unjoni ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa maħsuba għal stabbiliment konfinat jew ta’ kwarantina

1.   Il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa maħsuba għal stabbiliment konfinat fl-Unjoni għandhom jinżammu fl-istabbiliment konfinat ta’ destinazzjoni għal perjodu minimu ta’ 60 jum wara d-data tad-dħul tagħhom fl-Unjoni.

2.   Il-konsenji ta’ klieb, ta’ qtates u ta’ inmsa maħsuba għad-dħul dirett fi stabbiliment approvat ta’ kwarantina kif imsemmi fl-Artikolu 77(b) għandhom jinżammu f’dak l-istabbiliment għal perjodu ta’:

(a)

mhux anqas minn sitt xhur mid-data tal-wasla tagħhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għat-tilqim kontra l-infezzjoni bil-virus tar-rabja prevista fl-Artikolu 76(1);

jew

(b)

fil-każ ta’ klieb li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti għall-infestazzjoni bl-Echinococcus multilocularis previsti fl-Artikolu 76(3), 24 siegħa wara trattament kontra l-infestazzjoni bl-Echinococcus multilocularis skont il-punt 2 tal-Anness XXI.

PARTI III

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ PRODOTTI ĠERMINALI KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 3 U 5

TITOLU 1

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-PRODOTTI ĠERMINALI TAL-UNGULATI

KAPITOLU 1

Rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali tal-ungulati

Artikolu 79

Il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew żona tiegħu

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn territorji li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 22.

Artikolu 80

Il-perjodu ta’ residenza tal-annimali donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali li:

(a)

ikunu baqgħu għal perjodu minimu ta’ sitt xhur qabel id-data tal-ġbir f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu li jkunu elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ prodott ġerminali;

(b)

għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ewwel ġbir tal-prodotti ġerminali u matul il-perjodu tal-ġbir:

(i)

ikunu nżammu fi stabbilimenti li ma jinsabux f’żona ristretta stabbilita minħabba l-okkorrenza f’annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini ta’ marda tal-kategorija A jew ta’ marda emerġenti rilevanti għal annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini;

(ii)

ikunu nżammu fi stabbiliment uniku li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda marda tal-kategorija D rilevanti għall-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini;

(iii)

ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali minn stabbilimenti li jinsabu f’żona ristretta msemmija fil-punt (i) jew minn stabbilimenti msemmija fil-punt (ii);

(iv)

ma jkunux intużaw għat-tnissil naturali.

Artikolu 81

Identifikazzjoni tal-annimali donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali li ġew identifikati skont l-Artikolu 21.

Artikolu 82

L-istabbilimenti tal-prodotti ġerminali

1.   Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ntbagħtu minn stabbilimenti approvati ta’ prodotti ġerminali li jkunu elenkati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi elenkati jew ta’ territorji jew żoni tagħhom.

2.   Il-konsenji ta’ prodotti ġerminali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss mill-istabbilimenti approvati tal-prodotti ġerminali msemmija fil-paragrafu 1 li jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali stipulati fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686:

(a)

il-Parti 1 ta’ dak l-Anness, fir-rigward ta’ ċentru għall-ġbir tas-semen;

(b)

il-Parti 2 ta’ dak l-Anness, fir-rigward ta’ grupp ta’ ġbir tal-embrijuni;

(c)

il-Parti 3 ta’ dak l-Anness, fir-rigward ta’ grupp ta’ produzzjoni tal-embrijuni;

(d)

il-Parti 4 ta’ dak l-Anness, fir-rigward ta’ stabbiliment għall-ipproċessar ta’ prodotti ġerminali;

(e)

il-Parti 5 ta’ dak l-Anness, fir-rigward ta’ ċentru għall-ħżin ta’ prodotti ġerminali.

Artikolu 83

Il-prodotti ġerminali

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawk il-prodotti ġerminali jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu mmarkati b’tali mod li l-informazzjoni li ġejja tkun tista’ tiġi stabbilita minnufih:

(i)

id-data tal-ġbir jew tal-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti ġerminali;

(ii)

l-ispeċijiet u l-identifikazzjoni tal-annimal(i) donatur(i);

(iii)

in-numru ta’ approvazzjoni uniku, li għandu jinkludi l-kodiċi alfa-2 tal-ISO 3166-1 tal-pajjiż li fih tingħata l-approvazzjoni;

(iv)

kull informazzjoni oħra rilevanti;

(b)

ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-ġbir, għall-produzzjoni, għall-ipproċessar u għall-ħżin stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686.

Artikolu 84

It-trasport tal-prodotti ġerminali

1.   Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk:

(a)

ikunu tqiegħdu f’kontenitur li jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

kien issiġillat u enumerat qabel id-dispaċċ mill-istabbiliment approvat tal-prodotti ġerminali taħt ir-responsabbiltà ta’ veterinarju taċ-ċentru jew tal-grupp, jew minn veterinarju uffiċjali;

(ii)

ikun tnaddaf u ġie diżinfettat jew inkella sterilizzat qabel l-użu, jew ikun kontenitur li jintuża darba biss;

(iii)

ikun imtela bl-aġent krijoġeniku li ma jkunx intuża qabel għal prodotti oħrajn.

(b)

ikun tqiegħed tip wieħed biss ta’ prodotti ġerminali ta’ speċi waħda fil-kontenitur imsemmi fil-punt (a).

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1(b), l-operaturi jistgħu jqiegħdu f’kontenitur wieħed semen, ooċiti u embrijuni tal-istess speċi, dment li:

(a)

it-tubi jew pakketti oħrajn li fihom jitqiegħdu prodotti ġerminali jkunu ssiġillati b’mod sigur u ermetiku;

(b)

il-prodotti ġerminali ta’ tipi differenti jkunu sseparati minn xulxin permezz ta’ kompartimenti fiżiċi jew billi jitqiegħdu f’boroż protettivi sekondarji.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1(b), l-operaturi jistgħu jqiegħdu f’kontenitur wieħed semen, ooċiti u embrijuni ta’ annimali ovini u kaprini.

Artikolu 85

Rekwiżiti addizzjonali għat-trasport tas-semen

Il-konsenji ta’ semen tal-annimali bovini, porċini, ovini u kaprini li jkun inġabar minn aktar minn annimal donatur wieħed u tqiegħed f’tubu wieħed jew f’pakkett ieħor għall-finijiet tad-dħul fl-Unjoni għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk:

(a)

dak is-semen ikun inġabar u ntbagħat minn ċentru wieħed għall-ġbir tas-semen mnejn kien inġabar;

(b)

ikun hemm proċeduri fis-seħħ rigward l-ipproċessar ta’ dak is-semen sabiex jiġi żgurat li jkun konformi mar-rekwiżiti dwar il-markar tal-punt (a) tal-Artikolu 83.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali tal-annimali bovini

Artikolu 86

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali bovini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali li jkunu ġejjin minn stabbilimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin u dawk l-annimali qatt ma kienu nżmmu preċedentement fi kwalunkwe stabbiliment bi stat tas-saħħa inferjuri.

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23;

(b)

fil-każ ta’ annimali donaturi tas-semen qabel id-dħul tagħhom f’akkomodazzjoni ta’ kwarantina, kienu ħielsa mill-mard li ġej:

(i)

infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis);

(ii)

infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u Br. suis;

(iii)

lewkożi enżootika bovina;

(iv)

rinotrakeite bovina infettiva/vulvovaġinite pustulari infettiva.

Artikolu 87

Derogi mir-rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali bovini donaturi

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 86(b)(iii), il-konsenji ta’ semen ta’ annimali bovini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk annimal donatur ikun ġej minn stabbiliment li ma jkunx ħieles mil-lewkożi enżootika bovina u:

(a)

ikollu anqas minn sentejn (2) u li jkun ġie prodott minn omm li kienet ġiet soġġetta, b’riżultati negattivi, għal test seroloġiku għal-lewkożi enżootika bovina wara t-tneħħija tal-annimal minn mal-omm;

jew

(b)

ikun laħaq l-età ta’ sentejn (2) u ġie soġġett, b’riżultat negattiv, għal test seroloġiku għal-lewkożi enżootika bovina.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 86(b)(iii), il-konsenji ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk annimal donatur ikun ġej minn stabbiliment li ma jkunx ħieles mil-lewkożi enżootika bovina u jkollu anqas minn sentejn (2), u dment li l-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-istabbiliment ta’ oriġini jkun iċċertifika li ma seħħ l-ebda każ kliniku ta’ lewkożi enżootika bovina matul perjodu minimu tat-tliet snin preċedenti.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 86(b)(iv), il-konsenji ta’ semen, ooċiti u embrijuni ta’ annimali bovini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni jekk l-annimal donatur ikun ġej minn stabbiliment li ma jkunx ħieles mil-rinotrakeite bovina infettiva/vulvovaġinite pustulari infettiva, dment li:

(a)

fil-każ tas-semen, l-annimal ikun ġie soġġett, b’riżultat negattiv, għal test rekwiżit skont il-punt 1(b)(iv) tal-Kapitolu I tal-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686;

(b)

fil-każ ta’ ooċiti jew embrijuni, il-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-istabbiliment tal-oriġini jkun iċċertifika li ma kien hemm l-ebda każ kliniku ta’ rinotrakeite bovina infettiva/vulvovaġinite pustulari infettiva matul perjodu ta’ mill-inqas it-12-il xahar ta’ qabel.

Artikolu 88

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali bovini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali bovini donaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-Parti 1 u fil-Kapitoli I, II u III tal-Parti 5 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686.

KAPITOLU 3

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali tal-annimali porċini

Artikolu 89

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali porċini donaturi

1.   Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali porċini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali li jkunu ġew minn stabbilimenti:

(a)

li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23;

(b)

li, fil-każ ta’ annimali donaturi tas-semen qabel l-ammissjoni tagħhom f’akkomodazzjoni fi kwarantina, fejn ma tkun ġiet identifikata l-ebda evidenza klinika, seroloġika, viroloġika jew patoloġika ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Aujeszky matul il-perjodu minimu tat-12-il xahar preċedenti.

2.   Il-konsenji ta’ semen ta’ annimali porċini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru mingħand annimali:

(a)

qabel l-ammissjoni tagħhom f’akkomodazzjoni fi kwarantina, li jkunu ġew minn stabbilimenti li kienu ħielsa mill-infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suisBrucella suis skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu IV tal-Parti 5 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686;

(b)

li jkunu nżammu fl-akkomodazzjoni fi kwarantina li, fid-data tal-ammissjoni, kienet ħielsa mill-infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suis għal perjodu minimu tat-tliet xhur preċedenti;

(c)

li kienu miżmuma f’ċentru għall-ġbir tas-semen fejn ma tkun ġiet irrapportata l-ebda evidenza klinika, seroloġika, viroloġika jew patoloġika ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Aujeszky għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ammissjoni u tal-anqas 30 jum immedjatament qabel id-data tal-ġbir;

(d)

li kienu miżmuma, mit-twelid jew tal-anqas għal tliet xhur qabel id-data tad-dħul fl-akkomodazzjoni fi kwarantina, fi stabbiliment fejn ma jkunux tlaqqmu annimali kontra l-infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer u fejn ma tkun ġiet identifikata ebda infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer fi ħdan dak il-perjodu.

Artikolu 90

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali porċini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru mingħand annimali porċini donaturi li:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-Parti 2 u fil-Kapitoli I, II u III u IV tal-Parti 5 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686;

(b)

ma tlaqqmux kontra l-infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer.

KAPITOLU 4

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali tal-annimali ovini u kaprini

Artikolu 91

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali ovini u kaprini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali ovini u kaprini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali donaturi li:

(a)

ma ġewx minn stabbiliment, u lanqas ma kienu f’kuntatt ma’ annimali minn stabbiliment, fil-każ ta’ annimal donatur miżmum tas-semen qabel l-ammissjoni tiegħu f’akkomodazzjoni fi kwarantina, li jkun ġie soġġett għal restrizzjonijiet fuq il-moviment minħabba infezzjoni biBrucella abortus, B. melitensis u B. suis. Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment rigward l-istabbiliment jitneħħew wara l-perjodu li tal-anqas jinkludi 42 jum mid-data tal-iskarnar u r-rimi tal-aħħar annimal infettat jew suxxettibbli għal dik il-marda;

(b)

ikun ġej minn stabbiliment, li kien ħieles mill-infezzjoni biBrucella abortus, B. melitensis u B. suis u qatt qabel ma kien inżamm f’xi stabbiliment bi stat inferjuri.

Artikolu 92

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali ovini u kaprini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni ta’ annimali ovini u kaprini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali donaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-Parti 3 u fil-Kapitoli I, II u III tal-Parti 5 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686.

KAPITOLU 5

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali tal-annimali ekwini

Artikolu 93

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali ekwini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali donaturi li jkunu ġejjin minn stabbilimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23.

Artikolu 94

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali ekwini donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti jew ta’ embrijuni ta’ annimali ekwini għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali donaturi ta’ dawk il-prodotti ġerminali jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24(1)(a)(ii) u (b)(ii) u fl-Artikolu 24(6) ta’ dan ir-Regolament, u r-rekwiżiti speċifiċi addizzjonali dwar is-saħħa tal-annimali stabiliti fil-Parti 4 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686.

KAPITOLU 6

Regoli speċjali għall-prodotti ġerminali ta’ ungulati maħsuba għal stabbilimenti konfinati

Artikolu 95

Prodotti ġerminali maħsuba għal stabbilimenti konfinati fl-Unjoni

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini mibgħuta minn stabbilimenti konfinati f’pajjiżi terzi jew f’territorji elenkati skont l-Artikolu 29 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk jintbagħtu lejn stabbiliment konfinat fl-Unjoni soġġett għall-konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

saret valutazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mad-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-prodotti ġerminali;

(b)

l-annimali donaturi ta’ dawk il-prodotti ġerminali jkunu joriġinaw minn stabbiliment konfinat fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu, li jkunu inklużi f’lista stabbilita skont l-Artikolu 29 tal-istabbilimenti konfinati li minnhom id-dħul ta’ ungulati fl-Unjoni jista’ jkun awtorizzat;

(c)

il-prodotti ġerminali jkunu ddestinati għal stabbiliment konfinat fl-Unjoni, li jkun approvat skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(d)

il-prodotti ġerminali jiġu ttrasportati direttament fl-istabbiliment konfinat imsemmi fil-punt (c).

Artikolu 96

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali donaturi miżmuma fi stabbiliment konfinat

Il-konsenji tal-prodotti ġerminali msemmija fl-Artikolu 95 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali donaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-annimali donaturi ma jkunux ġew minn stabbiliment, u lanqas ma kienu f’kuntatt ma’ annimali minn stabbiliment, li jinsab f’żona ristretta stabbilita minħabba l-okkorrenza ta’ marda tal-kategorija A jew marda emerġenti rilevanti għall-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini;

(b)

l-annimali donaturi jkunu ġejjin minn stabbiliment fejn ma tkun ġiet irrapportata l-ebda waħda mill-mardiet tal-kategorija D rilevanti għall-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ġbir tas-semen, tal-ooċiti jew tal-embrijuni;

(c)

l-annimali donaturi baqgħu fi stabbiliment ta’ oriġini konfinat wieħed għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ġbir tas-semen, tal-ooċiti jew tal-embrijuni maħsuba għad-dħul fl-Unjoni u matul il-perjodu ta’ dak il-ġbir;

(d)

l-annimali donaturi ġew eżaminati klinikament mill-veterinarju tal-istabbiliment responsabbli mill-attivitajiet li jitwettqu fl-istabbiliment konfinat, u ma wrewx sintomi ta’ mard fil-jum meta jkunu nġabru s-semen, l-ooċiti jew l-embrijuni;

(e)

kemm jista’ jkun, l-annimali donaturi ma ntużawx għat-tnissil naturali matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ewwel ġbir tas-semen, tal-ooċiti jew tal-embrijuni maħsuba għad-dħul fl-Unjoni u matul il-perjodu ta’ dak il-ġbir;

(f)

l-annimali donaturi jkunu identifikati skont l-Artikolu 21.

Artikolu 97

Ir-rekwiżiti għall-prodotti ġerminali miksuba fi stabbilimenti konfinati

Il-konsenji tal-prodotti ġerminali msemmija fl-Artikolu 95 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu:

(a)

immarkati skont ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni previsti fil-punt (a) tal-Artikolu 83;

(b)

ittrasportati skont l-Artikoli 84 u 85.

TITOLU 2

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-BAJD GĦAT-TIFQIS U GĦALL-GĦASAFAR MIŻMUMA

KAPITOLU 1

Rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-bajd għat-tifqis

Artikolu 98

Il-perjodu ta’ residenza

Il-konsenji tal-bajd għat-tifqis għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk, eżatt qabel id-data tat-tagħbija tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni, il-qatgħa ta’ oriġini tal-bajd għat-tifqis tkun ikkonformat, għal perjodu kontinwu ta’ żmien, mar-rekwiżiti dwar il-perjodi ta’ residenza stipulati fl-Anness XXII, u matul dak iż-żmien il-qatgħa ta’ oriġini tkun:

(a)

baqgħet fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu;

(b)

baqgħet fl-istabbiliment ta’ oriġini, u l-ebda annimal ma jkun ġie introdott f’dak l-istabbiliment matul dak il-perjodu ta’ żmien qabel it-tagħbija;

(c)

ma kellha l-ebda kuntatt ma’ pollam jew ma’ bajd għat-tifqis bi stat tas-saħħa inferjuri, jew ma’ għasafar miżmuma jew ma’ għasafar selvaġġi.

Artikolu 99

Immaniġġjar tal-bajd għat-tifqis matul it-trasport lejn l-Unjoni

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-prodotti ġerminali tal-konsenja jkunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-bajd għat-tifqis maħsub għad-dħul fl-Unjoni ma jistax ikun ġie f’kuntatt ma’ pollam, ma’ għasafar miżmuma jew ma’ bajd għat-tifqis mhux maħsuba għad-dħul fl-Unjoni jew bi stat tas-saħħa inferjuri mill-mument tat-tagħbija fl-istabbiliment ta’ oriġini għad-dispaċċ lejn l-Unjoni sal-mument tal-wasla fl-Unjoni;

(b)

il-bajd għat-tifqis ma jistax ikun ġie ttrasportat, inħatt jew tmexxa f’mezz ieħor tat-trasport meta jkun ġie ttrasportat bit-triq, bil-baħar jew bl-ajru minn ġewwa pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu li ma jkunux elenkati għad-dħul tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ bajd għat-tifqis fl-Unjoni.

Artikolu 100

Deroga u rekwiżiti addizzjonali għat-trasbord ta’ bajd għat-tifqis fil-każ ta’ inċident fil-mezz tat-trasport bil-passaġġ fuq l-ilma jew bl-ajru

Permezz ta’ deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 99, il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis li jkunu ġew trasbordati mill-mezz tat-trasport tad-dispaċċ f’mezz ieħor tat-trasport għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu li ma jkunux elenkati għad-dħul tal-bajd għat-tifqis fl-Unjoni, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk it-trasbord ikun seħħ minħabba l-okkorrenza ta’ problema teknika jew ta’ inċident imprevist ieħor li kkawżaw problemi loġistiċi matul it-trasport tal-bajd għat-tifqis lejn l-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru, sabiex jitwettaq it-trasport sal-punt tad-dħul fl-Unjoni, u dment li:

(a)

id-dħul fl-Unjoni tal-bajd għat-tifqis ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u, fejn applikabbli, tal-Istati Membri tal-passaġġ sal-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni;

(b)

it-trasbord ikun ġie ssorveljat minn veterinarju uffiċjali jew mill-uffiċjal doganali responsabbli u matul l-operazzjoni kollha:

(i)

iddaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi sabiex jiġi evitat kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn il-bajd għat-tifqis maħsub għad-dħul fl-Unjoni u kwalunkwe bajd għat-tifqis jew annimal ieħor;

(ii)

il-bajd għat-tifqis ikun ġie ttrasferit direttament u malajr kemm jista’ jkun fil-bastiment jew fl-inġenju tal-ajru użat għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġ lejn l-Unjoni, li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, mingħajr ma jkun ħareġ mill-bini tal-port jew tal-ajruport;

(c)

il-bajd għat-tifqis ikun akkumpanjat minn dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju fejn seħħ it-trasferiment, li tipprovdi informazzjoni neċessarja dwar l-operazzjoni ta’ trasferiment u tikkonferma li ddaħħlu fis-seħħ il-miżuri rilevanti sabiex jiġu rrispettati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (b).

Artikolu 101

Trasport b’bastiment tal-bajd għat-tifqis

1.   Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis ittrasportati bil-vapur, anke għal parti mill-vjaġġ, għandhom jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-prodotti ġerminali tal-konsenja jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

bajd għat-tifqis:

(i)

ikun baqa’ abbord il-bastiment matul it-trasport kollu;

(ii)

ma jkunx daħal f’kuntatt ma’ għasafar jew ma’ bajd għat-tifqis ieħor bi stat tas-saħħa inferjuri filwaqt li kien abbord il-bastiment;

(b)

il-bajd għat-tifqis ittrasportat skont il-punt (a) irid ikun akkumpanjat minn dikjarazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-port tat-tluq fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu;

(ii)

il-port tal-wasla fl-Unjoni;

(iii)

fejn il-bastiment ikun waqaf f’portijiet barra mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini tal-annimali jew minn żona tiegħu tal-konsenja, filwaqt li jiġu indikati l-portijiet tal-waqfa;

(iv)

li l-bajd għat-tifqis ikkonforma matul it-trasport mar-rekwiżiti stipulati fil-punt (a) u (i), (ii) u (iii) ta’ dan il-punt.

2.   L-operatur responsabbli għall-konsenja tal-bajd għat-tifqis għandu jiżgura li d-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafu 1 tkun mehmuża maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u ffirmata mill-kaptan tal-bastiment fil-port tal-wasla fil-jum tal-wasla tal-bastiment.

Artikolu 102

Miżuri preventivi għall-mezz tat-trasport u għall-kontenituri tal-bajd għat-tifqis

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-prodotti ġerminali tal-konsenja jkunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-bajd għat-tifqis irid ikun ġie ttrasportat f’veikoli li:

(i)

ikunu mibnija b’tali mod li l-bajd għat-tifqis ma jkunx jista’ jaqa’ minnhom;

(ii)

ikunu tfasslu sabiex jippermettu li jsiru t-tindif u d-diżinfezzjoni;

(iii)

ikunu tnaddfu u ġew diżinfettati b’diżinfettant awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini, u mnixxfa jew imħallija jinxfu immedjatament qabel kull tagħbija tal-bajd għat-tifqis maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(b)

il-bajd għat-tifqis irid ikun ġie ttrasportat f’kontenituri li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

ir-rekwiżiti tal-punt (a);

(ii)

ikun fihom biss bajd għat-tifqis tal-istess speċi, kategorija u tip li jkunu ġejjin mill-istess stabbiliment;

(iii)

dawn kienu magħluqa skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini sabiex tiġi evitata kwalunkwe possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-kontenut;

(iv)

dawn kienu:

imnaddfa u diżinfettati qabel ma tgħabbew skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini;

jew

ma jkunux riutilizzabbli, ikunu nodfa u jintużaw għall-ewwel darba;

(v)

ikollhom fuqhom l-informazzjoni għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari tal-bajd għat-tifqis stipulata fl-Anness XVI.

Artikolu 103

Moviment u mmaniġġjar tal-bajd għat-tifqis wara d-dħul

Wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, l-operaturi, li jinkludu t-trasportaturi, għandhom jiżguraw li l-konsenji tal-bajd għat-tifqis ikunu:

(a)

ittrasportati direttament mill-punt tad-dħul sal-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni;

(b)

konformi mar-rekwiżiti għall-moviment fi ħdan l-Unjoni u għall-immaniġġjar wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni kif stipulati għall-ispeċi u għall-kategorija partikolari tal-bajd għat-tifqis fil-Kapitoli 5 u 7 ta’ dan it-Titolu.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-bajd għat-tifqis tal-pollam

Artikolu 104

Bajd għat-tifqis li joriġina mill-pollam importat fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam, li joriġina minn qatgħat li kienu importati fil-pajjiż terz, jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu minn pajjiż terz ieħor jew minn territorju jew żona oħrajn tiegħu, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tal-bajd għat-tifqis tkun ipprovdiet garanziji li:

(a)

il-qatgħat ta’ oriġini tal-bajd għat-tifqis kienu importati minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li huma elenkati għad-dħul fl-Unjoni tat-tali qatgħat;

(b)

l-importazzjoni tal-qatgħat ta’ oriġini tal-bajd għat-tifqis f’dak il-pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu tkun seħħet skont ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li tal-anqas ikunu stretti daqslikieku ddaħħlu direttament fl-Unjoni.

Artikolu 105

Il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu tal-bajd għat-tifqis

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawn ikunu joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom fis-seħħ programm ta’ sorveljanza tal-mard għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja għal perjodu minimu ta’ sitt xhur qabel id-data tad-dispaċċ tal-konsenja lejn l-Unjoni u dak il-programm ta’ sorveljanza jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti jew f’dawn li ġejjin:

(i)

fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

jew

(ii)

fil-Kapitolu rilevanti tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

(b)

ikunu meqjusa li huma ħielsa mill-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja skont l-Artikolu 38;

(c)

jekk tagħti t-tilqima kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji li:

(i)

il-programm ta’ tilqim jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XIII;

(ii)

il-programm ta’ sorveljanza msemmi fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness XIII;

(iii)

ikunu ħadu impenn li jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil fil-programm ta’ tilqim fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu;

(d)

li:

(i)

fil-każ ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam għajr ratiti, ikunu meqjusa bħala ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39;

(ii)

fil-każ tal-bajd għat-tifqis tar-ratiti;

jitqiesu li huma ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39;

jew

ma jkunux meqjusa bħala ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39, iżda l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji rigward il-konformità mar-rekwiżiti għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle b’rabta mal-iżolament, mas-sorveljanza u mal-ittestjar, kif stipulat fl-Anness XIV;

(e)

jekk isir tilqim kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tkun ipprovdiet garanziji li:

(i)

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

(ii)

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(f)

ikunu ħadu impenn li wara kwalunkwe tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tifqigħa ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(i)

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda fi żmien 24 siegħa mill-konferma ta’ kwalunkwe tifqigħa inizjali tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tal-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(ii)

aġġornamenti regolari dwar is-sitwazzjoni tal-mard;

(g)

ikunu ħadu impenn li jissottomettu iżolati tal-virus minn tifqigħat inizjali ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle lill-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Influwenza tat-Tjur u għall-Marda ta’ Newcastle.

Artikolu 106

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-bajd għat-tifqis

Il-konsenji tal-bajd għat-tifqis tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu joriġinaw minn:

(a)

imfaqas approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini skont ir-rekwiżiti li huma stretti tal-inqas daqs dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; u

(i)

li l-approvazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet sospiża jew irtirata;

(ii)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km minn dawk l-imfaqas, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tat-tagħbija tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(iii)

li jkunu ġew assenjati numru ta’ approvazzjoni uniku mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini;

(b)

qatgħat li nżammu fi stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini skont ir-rekwiżiti li huma tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 u

(i)

li l-approvazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet sospiża jew irtirata;

(ii)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km minn dawk l-istabbilimenti, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(iii)

ma jkun ġie rrapportat l-ebda każ ikkonfermat ta’ infezzjoni b’viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa f’dawk l-istabbilimenti fi ħdan perjodu minimu ta’ 21 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

Artikolu 107

Il-qatgħa ta’ oriġini tal-bajd għat-tifqis

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu joriġinaw minn qatgħat li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

fejn ikunu tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jkunu provdew garanziji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim u għal sorveljanza addizzjonali stabbiliti fl-Anness XIII;

(b)

fejn ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li il-vaċċini użati jikkonformaw:

mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV; jew

mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini rikonoxxut kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam u l-bajd għat-tifqis li minnu jkunu oriġinaw il-flieles ta’ ġurnata jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għal kull konsenja;

(c)

ikunu ġew soġġetti għal programm ta’ sorveljanza tal-mard li jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 u nstab li ma kinux infettati jew urew xi raġuni għaliex tiġi ssuspettata kwalunkwe infezzjoni bl-aġenti li ġejjin:

(i)

Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum u Mycoplasma gallisepticum fil-każ ta’ Gallus gallus;

(ii)

Salmonella arizonae (serogrupp O:18(k)), Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum, Mycoplasma meleagridis u Mycoplamsa gallisepticum fil-każ ta’ Meleagris gallopavo;

(iii)

Salmonella Pullorum u Salmonella Gallinarum fil-każ ta’ Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix, Anas spp.;

(d)

inżammu fi stabbilimenti li, fil-każ ta’ konferma ta’ infezzjoni b’ Salmonella Pullorum, S. Gallinarum u S. arizonae matul l-aħħar 12-il xahar qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jkunu applikaw il-miżuri li ġejjin:

(i)

il-qatgħa infettata tkun ġiet skarnata jew inqatlet u nqerdet;

(ii)

wara l-iskarnar jew il-qtil tal-qatgħa infettata kif imsemmi fil-punt (i), l-istabbiliment ikun tnaddaf u ġie diżinfettat;

(iii)

wara t-tindif u d-diżinfezzjoni msemmija fil-punt (ii), il-qatgħat kollha fl-istabbiliment ittestjaw negattivi għall-infezzjoni b’ Salmonella Pullorum, S Gallinarum u S. arizonae f’żewġ testijiet li twettqu b’intervall ta’ mill-inqas 21 jum skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c);

(e)

inżammu fi stabbilimenti li f’każ ta’ konferma ta’ mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) matul l-aħħar 12-il xahar qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni jkunu applikaw il-miżuri li ġejjin:

jew

(i)

il-qatgħa infettata ttestjat negattiva għall-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) f’żewġ testijiet imwettqa skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c) fuq il-qatgħa kollha b’intervall ta’ mill-inqas 60 jum;

jew

(ii)

il-qatgħa infettata ġiet skarnata jew ġiet maqtula u meqruda, l-istabbiliment tnaddaf u ġie ddiżinfettat u wara t-tindif u d-diżinfezzjoni, il-qatgħat kollha fl-istabbiliment ittestjaw negattiv għall-mikoplażmożi tat-tjur (Mycoplasma gallisepticum u M. meleagridis) f’żewġ testijiet li saru b’intervall ta’ mill-inqas 21 jum skont il-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt (c);

(f)

tkun saritilhom spezzjoni klinika, imwettqa minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu fi ħdan perjodu ta’ 24 siegħa qabel il-ħin tat-tagħbija tal-konsenja tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni għall-fini tad-detezzjoni ta’ sinjali indikattivi tal-okkorrenza ta’ mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I u l-mard emerġenti u jkunu wrew l-ebda sintomu ta’ mard jew raġuni għas-suspettar tal-preżenza ta’ kwalunkwe marda minn fost dak il-mard.

Artikolu 108

Il-bajd għat-tifqis tal-konsenja

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jekk il-bajd għat-tifqis ikun tlaqqam kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, garanziji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim u għal sorveljanza addizzjonali stabbiliti fl-Anness XIII, ikunu ġew ipprovduti mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini;

(b)

jekk il-bajd għat-tifqis ikun tlaqqam kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

ingħataw garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li l-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għall-konsenja;

(c)

il-bajd għat-tifqis irid jiġi mmarkat:

(i)

billi tintuża linka bil-kulur;

(ii)

fil-każ ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam għajr ta’ ratiti, b’timbru li jindika n-numru ta’ approvazzjoni uniku tal-istabbiliment ta’ oriġini msemmi fl-Artikolu 106;

(iii)

fil-każ ta’ bajd għat-tifqis ta’ ratiti, b’timbru li jindika l-kodiċi tal-ISO tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini u n-numru ta’ approvazzjoni uniku tal-istabbiliment ta’ oriġini msemmi fl-Artikolu 106;

(d)

il-bajd għat-tifqis irid ikun ġie diżinfettat skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini.

Artikolu 109

Id-dħul ta’ bajd għat-tifqis fl-Istati Membri bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis maħsuba għal Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk:

(a)

mhumiex imlaqqma kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(b)

joriġinaw minn qatgħat li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’wieħed mill-punti li ġejjin:

(i)

ma jkunux tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

jew

(ii)

ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle billi ntuża vaċċin inattivat;

jew

(iii)

ikunu tlaqqmu kontra infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle billi ntuża vaċċin ħaj mhux iktar tard minn perjodu ta’ 60 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd.

KAPITOLU 3

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għal konsenji ta’ anqas minn 20 bajda għat-tifqis ta’ pollam, għajr ir-ratiti

Artikolu 110

Derogi u rekwiżiti sppeċjali għal konsenji ta’ anqas minn 20 bajda għat-tifqis ta’ pollam, għajr ir-ratiti

Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 101, 102, 106, 107 u 108, il-konsenji ta’ anqas minn 20 bajda għat-tifqis għajr ir-ratiti għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu ġejjin minn stabbilimenti:

(i)

ikunu rreġistrati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini;

(ii)

fejn ma jkun ġie rrapportat l-ebda każ ikkonfermat ta’ infezzjoni b’viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa fi ħdan perjodu ta’ 21 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis;

(iii)

li fi ħdan raġġ ta’ 10 km mill-istabbilimenti, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għat-tifqis.

(b)

fir-rigward tat-tilqim kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja:

(i)

il-bajd għat-tifqis ma jkunx tlaqqam kontra influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja;

(ii)

fejn il-qatgħat ta’ oriġini jkunu tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, garanziji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim u għal sorveljanza addizzjonali stabbiliti fl-Anness XIII, ikunu ġew ipprovduti mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini;

(c)

f’rabta mat-tilqim kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, il-bajd għat-tifqis ma tlaqqamx kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle u fejn il-qatgħa ta’ oriġini tkun tlaqqmet kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li l-vaċċini użati jikkonformaw jew:

mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

jew

mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini rikonoxxuti kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-bajd għat-tifqis jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 2 tal-Anness XV għall-pollam u għall-bajd għat-tifqis li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-punt 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għall-konsenja;

(d)

ikunu ġejjin minn qatgħat li jkunu ġew soġġettati għal spezzjoni klinika, imwettqa minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu fi ħdan 24 siegħa qabel il-ħin tat-tagħbija tal-konsenji tal-bajd għat-tifqis għad-dispaċċ lejn l-Unjoni għall-fini tad-detezzjoni ta’ sinjali indikattivi tal-okkorrenza ta’ mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I u l-mard emerġenti u l-qatgħat ma jkunu wrew l-ebda sintomu ta’ mard jew raġuni għas-suspettar tal-preżenza ta’ kwalunkwe waħda minn dak il-mard;

(e)

ikunu ġejjin minn qatgħat li:

(i)

ikunu ġew iżolati fl-istabbiliment ta’ oriġini għal perjodu minimu ta’ 21 jum qabel il-ġbir tal-bajd;

(ii)

ma jkunux instabu li huma infettati jew taw xi raġuni għal suspett ta’ xi infezzjoni bl-aġenti li ġejjin fit-testijiet imwettqa skont ir-rekwiżiti għall-ittestjar ta’ konsenji ta’ anqas minn 20 eżemplar ta’ pollam għajr ir-ratiti u anqas minn 20 bajda għat-tifqis tiegħu qabel id-dħul fl-Unjoni, stipulati fl-Anness XVII:

Salmonella Pullorum, Salmonella Gallinarum uMycoplasma gallisepticum fil-każ ta’Gallus gallus;

Salmonella arizonae (serogrupp O:18(k)), Salmonela Pullorum, Salmonella Gallinarum, Mycoplasma meleagridis uMycoplasma gallisepticum fil-każ ta’Meleagris gallopavo;

Salmonella Pullorum u Salmonella Gallinarum fil-każ ta’ Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix, Anas spp.

KAPITOLU 4

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-bajd ħieles minn patoġeni speċifikati

Artikolu 111

Deroga u rekwiżiti speċjali għall-bajd ħieles minn patoġeni speċifikati

Permezz ta’ deroga mir-rekwiżiti dwar il-perjodu ta’ residenza tal-Artikolu 98, ir-rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali tal-Artikoli 105 sa 110 u tal-Artikoli 112 sa 114, il-konsenji ta’ bajd ħieles minn patoġeni speċifikati li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk, minflok, jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin dwar is-saħħa tal-annimali:

(a)

ikunu joriġinaw minn qatgħat li:

(i)

ikunu ħielsa minn patoġeni speċifikati kif deskritti fil-Farmakopea Ewropea u r-riżultati tat-testijiet u tal-eżamijiet kliniċi kollha meħtieġa għal dan l-istat speċifiku jkunu favorevoli, inklużi riżultati negattivi tat-testijiet għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle u għall-infezzjoni bil-viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa mwettqa fi ħdan perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(ii)

ikunu ġew eżaminati klinikament tal-anqas darba fil-ġimgħa kif deskritti fil-Farmakopea Ewropea u ma jkun ġie individwat l-ebda sintomu jew raġuni għas-suspettar tal-preżenza ta’ xi marda;

(iii)

ikunu nżammu għal perjodu minimu ta’ sitt ġimgħat qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għad-dispaċċ lejn l-Unjoni fi stabbilimenti li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet deskritti fil-Farmakopea Ewropea;

(iv)

ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ pollam li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu jew ma’ għasafar selvaġġi għal perjodu minimu ta’ sitt ġimgħat qabel id-data tal-ġbir tal-bajd għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(b)

ikunu ġew immarkati billi ntużat linka bil-kulur b’timbru li juri l-kodiċi ISO tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini u n-numru ta’ approvazzjoni uniku tal-istabbiliment ta’ oriġini;

(c)

ikunu ġew diżinfettati skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini.

KAPITOLU 5

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-moviment u għall-immaniġġjar tal-bajd għat-tifqis tal-pollam wara d-dħul fl-Unjoni u tal-pollam imfaqqas minn dak il-bajd

Artikolu 112

Obbligi tal-operaturi fir-rigward tal-immaniġġjar tal-bajd għat-tifqis wara d-dħul tiegħu fl-Unjoni u tal-pollam imfaqqas minn dak il-bajd għat-tifqis

1.   L-operaturi fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni għandhom iqiegħdu l-bajd għat-tifqis tal-pollam li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu jew f’:

(a)

inkubaturi separati, inkluż imfaqas separati, minn bajd għat-tifqis ieħor;

jew

(b)

inkubaturi, inklużi mfaqas, fejn diġà jkun preżenti bajd għat-tifqis ieħor.

2.   L-operaturi, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiżguraw li l-pollam tat-tnissil u l-pollam produttiv li jkunu tfaqqsu mill-bajd għat-tifqis imsemmi f’dak il-paragrafu, jinżammu għal perjodu ta’ żmien kontinwu:

(a)

fil-mafqas għal perjodu minimu ta’ tliet ġimgħat mid-data tat-tifqis;

jew

(b)

fl-istabbilimenti li fihom ikun intbagħat il-pollam wara t-tifqis, jew fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor, għal perjodu minimu ta’ tliet ġimgħat mid-data tat-tifqis.

3.   Matul il-perjodi previsti fil-paragrafu 2, l-operaturi għandhom iżommu l-pollam, li jkun faqqas mill-bajd għat-tifqis li daħal fl-Unjoni, separat minn qatgħat oħra ta’ pollam.

4.   Meta l-pollam tat-tnissil u l-pollam produttiv, li jkun faqqas mill-bajd għat-tifqis li daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu, ikun ġie introdott f’bini jew f’post magħluq fejn ikun preżenti pollam ieħor, il-perjodi rilevanti previsti fil-paragrafu 2 għandhom jibdew mid-data ta’ introduzzjoni tal-aħħar għasfur u l-ebda pollam m’għandu jitmexxa mill-bini jew mill-post magħluq qabel ma jintemmu dawk il-perjodi.

5.   Fejn il-bajd għat-tifqis tal-pollam, li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu, ikun ġie introdott f’inkubaturi, inkluż imfaqas, fejn diġà jkun hemm preżenti bajd għat-tifqis ieħor:

(a)

id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 għandhom ikunu japplikaw għall-pollam kollu mfaqqas mill-bajd għat-tifqis fl-istess inkubatur, inkluż imfaqas, bħall-bajd għat-tifqis li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu;

(b)

il-perjodi rilevanti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jibdew mid-data tat-tifqis tal-aħħar bajda għat-tifqis li tkun daħlet fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu.

Artikolu 113

Kampjunar u ttestjar wara d-dħul fl-Unjoni

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tiżgura li l-pollam tat-tnissil u l-pollam produttiv li jkunu faqqsu mill-bajd għat-tifqis li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu ssirlu eżaminazzjoni klinika mwettqa minn veterinarju uffiċjali fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-perjodi rilevanti previsti fl-Artikolu 112(2) u, fejn ikun hemm bżonn, għandu jittiħidlu kampjun għall-ittestjar bl-għan li jiġi ssorveljat l-istat tas-saħħa tiegħu.

Artikolu 114

Obbligu tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kampjunar u tal-ittestjar tar-ratiti minn bajd għat-tifqis li joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu mhux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tiżgura li r-ratiti li jkunu faqqsu minn bajd għat-tifqis li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li ma jkunux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, matul il-perjodi previsti fl-Artikolu 112(2):

(a)

ikunu soġġetti għal test tad-detezzjoni tal-virus għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mwettaq mill-awtorità kompetenti fuq tampun kloakali jew kampjuni tar-rawt minn kull ratit;

(b)

fil-każ ta’ ratiti ddestinati għal Stat Membru bi stat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim, minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), jiġu soġġetti għal test seroloġiku għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mwettaq mill-awtorità kompetenti fuq kull ratit;

(c)

ir-ratiti kollha għandhom ikunu ttestjaw negattivi għat-testijiet previsti fil-punti (a) u (b) qabel ir-rilaxx tagħhom mill-iżolament.

KAPITOLU 6

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-bajd għat-tifqis tal-għasafar miżmuma

Artikolu 115

Il-bajd għat-tifqis tal-konsenja

Il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis ta’ għasafar miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nkisbu minn għasafar miżmuma li jikkonformaw mar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni stipulati fl-Artikoli 55 sa 58.

KAPITOLU 7

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-moviment u għall-immaniġġjar tal-bajd għat-tifqis tal-għasafar miżmuma wara d-dħul fl-Unjoni u tal-għasafar miżmuma mfaqqsa minn dak il-bajd

Artikolu 116

Immaniġġjar tal-bajd għat-tifqis tal-għasafar miżmuma wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni u tal-għasafar miżmuma mfaqqsa minn dak il-bajd għat-tifqis

L-operaturi fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni għandhom:

(a)

iqiegħdu l-bajd għat-tifqis tal-għasafar miżmuma li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu, f’inkubaturi, inkluzi mfaqas, separati minn bajd għat-tifqis ieħor;

(b)

jiżguraw li l-għasafar miżmuma li jfaqqsu mill-bajd għat-tifqis tal-għasafar miżmuma msemmija fl-Artikolu 115 jinżammu fi stabbiliment approvat ta’ kwarantina skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 59 sa 61.

TITOLU 3

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL PRODOTTI ĠERMINALI TA’ ANNIMALI GĦAJR UNGULATI U GĦAL BAJD GĦAT-TIFQIS TA’ POLLAM U TA’ GĦASAFAR MIŻMUMA MAĦSUBA GĦAL STABBILIMENTI KONFINATI

Artikolu 117

Rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġerminali ta’ annimali għajr dawk imsemmija fil-punt (a) u (b) tal-Artikolu 1(4) mibgħuta minn stabbilimenti konfinati

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni ta’ annimali għajr dawk imsemmija fil-punt (a) u (b) tal-Artikolu 1(4) mibgħuta minn stabbilimenti konfinati elenkati skont l-Artikolu 29 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk jintbagħtu fi stabbiliment konfinat li jinsab fl-Unjoni u dment li:

(a)

tkun saret valutazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni dwar ir-riskji li d-dħul ta’ dawk il-prodotti ġerminali jista’ jippreżenta għall-Unjoni;

(b)

l-annimali donaturi ta’ dawk il-prodotti ġerminali jkunu joriġinaw minn pajjiż terz, minn territorju jew minn żona awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ annimali;

(c)

l-annimali donaturi ta’ dawk il-prodotti ġerminali jkunu joriġinaw minn stabbiliment konfinat fil-pajjiż terz, fit-territorju ta’ jew f’żona ta’ oriġini tiegħu, li jkunu inklużi f’lista stabbilita skont l-Artikolu 29 tal-istabbilimenti konfinati li minnhom id-dħul ta’ annimali ta’ speċijiet speċifiċi fl-Unjoni jista’ jkun awtorizzat;

(d)

il-prodotti ġerminali jkunu ddestinati għal stabbiliment konfinat fl-Unjoni, li jkun approvat skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(e)

il-prodotti ġerminali jiġu ttrasportati direttament fl-istabbiliment konfinat imsemmi fil-punt (d).

Artikolu 118

Rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali donaturi

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni msemmija fl-Artikolu 117 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu nġabru minn annimali donaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma jkunux ġejjin minn stabbiliment, u lanqas ma kienu f’kuntatt ma’ annimali minn stabbiliment, li jinsab f’żona ristretta stabbilita minħabba l-okkorrenza ta’ marda tal-kategorija A jew marda emerġenti rilevanti għall-ispeċi ta’ dawk l-annimali terrestri miżmuma;

(b)

ikunu ġejjin minn stabbiliment fejn ma tkun ġiet irrapportata l-ebda marda tal-kategorija D rilevanti għall-ispeċi ta’ dawk l-annimali terrestri miżmuma għal perjodu minimu tat-30 jum preċedenti;

(c)

ikunu baqgħu fi stabbiliment ta’ oriġini konfinat wieħed għal perjodu minimu ta’ 30 jum qabel il-ġbir tas-semen, tal-ooċiti jew tal-embrijuni maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(d)

fil-jum meta jkunu nġabru s-semen, l-ooċiti jew l-embrijuni, il-veterinarju tal-istabbiliment responsabbli mill-attivitajiet tal-istabbiliment konfinat ikun eżaminahom klinikament u ma wrewx sintomi ta’ mard;

(e)

kemm jista’ jkun possibbli, ma jkunux intużaw għal tnissil b’mod naturali matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-ewwel ġbir u matul il-perjodu tal-ġbir tas-semen, tal-ooċiti jew tal-embrijuni maħsuba għad-dħul fl-Unjoni;

(f)

ikunu identifikati u rreġistrati f’konformità mar-regoli ta’ dak l-istabbiliment konfinat.

Artikolu 119

Ir-rekwiżiti għall-prodotti ġerminali

Il-konsenji ta’ semen, ta’ ooċiti u ta’ embrijuni msemmija fl-Artikolu 117 għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu mmarkati b’tali mod li l-informazzjoni li ġejja tkun tista’ tiġi stabbilita minnufih:

(i)

id-data tal-ġbir jew tal-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti ġerminali;

(ii)

l-ispeċi u, fejn meħtieġa, is-sottospeċi, u l-identifikazzjoni tal-annimal(i) donatur(i);

(iii)

in-numru ta’ approvazzjoni uniku tal-istabbiliment konfinat, li għandu jinkludi l-kodiċi alpha-2 tal-ISO 3166-1 tal-pajjiż li fih tingħata l-approvazzjoni;

(iv)

kull informazzjoni rilevanti oħra.

(b)

ikunu ttrasportati fil-kontenitur li:

(i)

ikun issiġillat u enumerat qabel id-dispaċċ mill-istabbiliment konfinat mill-veterinarju tal-istabbiliment responsabbli għall-attivitajiet tal-istabbiliment konfinat;

(ii)

ikun tnaddaf u ġie diżinfettat jew sterilizzat qabel l-użu, jew ikun kontenitur ġdid li jintuża darba;

(iii)

ikun imtela bl-aġent krijoġeniku li ma jkunx intuża qabel għal prodotti oħrajn.

PARTI IV

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ PRODOTTI LI JORIĠINAW MILL-ANNIMALI MIŻMUMA KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 3 U 5

TITOLU 1

REKWIŻITI ĠENERALI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TAL-PRODOTTI LI JORIĠINAW MILL-ANNIMALI

Artikolu 120

Restrizzjonijiet fuq iż-żmien għad-data tal-produzzjoni

Il-konsenji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-prodotti tal-konsenja ma jkunux inkisbu matul perjodu li fih:

(a)

ikunu ġew adottati miżuri ta’ restrizzjoni fuq is-saħħa tal-annimali mill-Unjoni għad-dħul tat-tali prodotti mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini jew minn żona tiegħu;

(b)

l-awtorizzazzazzjoni għad-dħul fl-Unjoni tat-tali prodotti mill-pajjiż terz jew mit-territorju ta’ oriġini jew minn żona tiegħu tkun ġiet sospiża.

Artikolu 121

Rekwiżiti dwar it-trattament għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali

1.   Il-konsenji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, għajr dawk friski jew nejjin, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-prodotti tal-konsenja jkunu ġew ittrattati skont it-Titoli 3 sa 6 ta’ din il-Parti.

It-trattament imsemmi fl-ewwel subparagrafu jrid ikun:

(a)

ġie assenjat b’mod speċifiku mill-Unjoni fil-lista, għall-pajjiż terz jew għat-territorju ta’ oriġini jew għal żona tiegħu u għall-ispeċi ta’ oriġini tal-prodott ta’ oriġini mill-annimali;

(b)

ġie applikat f’pajjiż terz jew f’territorju jew żona tiegħu elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(c)

ġie applikat skont ir-rekwiżiti għal:

(i)

trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju għal prodotti tal-laħam stipulati fl-Anness XXVI;

(ii)

trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju għal prodotti tal-ħalib stipulati fl-Anness XXVII;

(iii)

trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju għal prodotti tal-bajd stipulati fl-Anness XXVIII.

2.   Wara t-tlestija tat-trattament previst fil-paragrafu 1, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu mmaniġġjati sakemm jiġu mballati b’mod li jipprevjeni kwalunkwe kontaminazzjoni kroċjata li tista’ tintroduċi riskju għas-saħħa tal-annimali.

Artikolu 122

Rekwiżiti rigward il-mezz tat-trasport tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali

Il-konsenji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk tali konsenji jkunu ġew ittrasportati f’mezz tat-trasport imfassal, mibni u miżmum b’tali mod li l-istat tas-saħħa tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali ma jkunx ipperikolata matul it-trasport mill-post tal-oriġini tagħhom għall-Unjoni.

Artikolu 123

Dispaċċ tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn l-Unjoni

Il-konsenji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk tali konsenji jkunu ntbagħtu lejn id-destinazzjoni tagħhom fl-Unjoni separati minn annimali u minn prodotti li joriġinaw mill-annimali li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti rilevanti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni previsti f’dan ir-Regolament.

TITOLU 2

REKWIŻITI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ LAĦAM FRISK

KAPITOLU 1

Rekwiżiti ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali għal-laħam frisk

Artikolu 124

Dispaċċ ta’ annimali miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk lejn biċċerija

Il-konsenji ta’ laħam frisk ta’ annimali miżmuma, ħlief ta’ dawk miżmuma bħala kaċċa mrobbija li tkun inqatlet fuq il-post, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn annimali miżmuma li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali jinsab, jew:

(i)

fl-istess pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu bħall-biċċerija fejn inkiseb il-laħam frisk;

jew

(ii)

f’pajjiż jew territorju terz jew żona tiegħu li fil-ħin tad-dispaċċ tal-annimali lejn il-biċċerija kien awtorizzat li jdaħħal laħam frisk tal-ispeċi rilevanti tal-annimali lejn l-Unjoni.

(b)

l-annimali miżmuma jkunu ntbagħtu direttament mill-istabbiliment ta’ oriġini tagħhom lejn il-biċċerija;

(c)

matul it-trasport lejn il-biċċerija msemmija fil-punt (a), l-annimali miżmuma:

(i)

ma jkunux għaddew minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu mhux elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ laħam frisk;

(ii)

ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali bi stat tas-saħħa inferjuri.

(d)

il-mezz tat-trasport u l-kontenituri użati għat-trasport tal-annimali miżmuma għall-biċċeriji msemmija fil-punt (a) jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 17 u 18.

Artikolu 125

Dispaċċ ta’ karkassi ta’ annimali selvaġġi jew ta’ annimali miżmuma bħala kaċċa mrobbija maqtula fuq il-post

Il-konsenji ta’ laħam frisk ta’ annimali selvaġġi jew ta’ annimali miżmuma bħala kaċċa mrobbija li tkun inqatlet fuq il-post, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn karkassi li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-karkassi jkunu ntbagħtu direttament mill-post tal-qtil tagħhom lejn stabbiliment tal-immaniġġjar tal-kaċċa li jinsab fl-istess pajjiż terz jew territorju jew żona elenkati;

(b)

matul it-trasport lejn l-istabbiliment tal-immaniġġjar tal-kaċċa msemmi fil-punt (a), il-karkassi:

(i)

ma jkunux għaddew minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu mhux elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi u tal-kategorija partikolari ta’ laħam frisk;

(ii)

ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali jew ma’ karkassi bi stat tas-saħħa inferjuri.

(c)

il-karkassi jkunu ġew ittrasportati fl-istabbiliment ta’ mmaniġġjar tal-kaċċa fil-punt (a) f’mezz tat-trasport u f’kontenituri li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

ikunu tnaddfu u ġew diżinfettati, b’diżinfettant awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini, qabel it-tagħbija tal-karkassi għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

(ii)

ikunu nbnew b’tali mod li l-istat tas-saħħa tal-karkassi ma jiġix ipperikolat matul it-trasport.

Artikolu 126

L-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem

Il-konsenji ta’ laħam frisk ta’ annimali miżmuma u selvaġġi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn annimali li jkunu sarulhom l-ispezzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ annimali miżmuma:

(i)

spezzjoni ante-mortem fi ħdan perjodu ta’ 24 siegħa qabel l-iskarnar;

(ii)

spezzjoni post-mortem imwettqa, mingħajr dewmien, wara l-qtil jew l-iskarnar tagħhom.

(b)

fil-każ ta’ annimali selvaġġi, spezzjoni post-mortem imwettqa, mingħajr dewmien, wara l-qtil tagħhom.

L-ispezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jridu jkunu twettqu minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu sabiex jeskludu l-preżenza tal-mard rilevanti msemmi fl-Anness I u tal-mard emerġenti.

Artikolu 127

Immaniġġjar tal-annimali miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk matul il-qtil jew l-iskarnar

Il-konsenji ta’ laħam frisk għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun joriġina minn annimali li ma jkollhom l-ebda kuntatt ma’ annimali bi stat tas-saħħa inferjuri matul il-qtil jew l-iskarnar tagħhom.

Artikolu 128

Immaniġġjar u tħejjija tal-laħam frisk fl-istabbiliment ta’ oriġini tal-laħam frisk

Il-konsenji tal-laħam frisk iridu jinżammu strettament segregati mil-laħam frisk li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti rilevanti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk, previsti fl-Artikoli 124 sa 146, matul l-operazzjonijiet kollha ta’ skarnar, ta’ tqattigħ u sakemm:

(a)

ikunu ġew ippakkjati għall-ħżin ulterjuri jew għad-dispaċċ lejn l-Unjoni;

jew

(b)

jaslu fl-Unjoni, fil-każ ta’ laħam frisk mhux ippakkjat.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għal-laħam frisk tal-ungulati

TAQSIMA 1

REKWIŻITI ĠENERALI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL-LAĦAM FRISK TAL-UNGULATI MIŻMUMA U SELVAĠĠI

Artikolu 129

L-ispeċijiet ta’ annimali miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk tal-ungulati

Il-konsenji ta’ laħam frisk mill-ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun joriġina mill-ispeċijiet li ġejjin:

(a)

fil-każ tal-ungulati miżmuma, mill-ispeċijiet kollha ta’ ungulati;

(b)

fil-każ ta’ ungulati selvaġġi u ungulati miżmuma bħala annimali tal-kaċċa mrobbija, mill-ispeċijiet kollha ta’ ungulati għajr annimali bovini, annimali ovini, annimali kaprini u razez domestiċi ta’ annimali porċini

Artikolu 130

Projbizzjoni rigward id-dħul ta’ demm frisk

Il-konsenji ta’ demm frisk tal-ungulati għall-konsum mill-bniedem m’għandhomx ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni.

TAQSIMA 2

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL-LAĦAM FRISK TAL-UNGULATI MIŻMUMA

Artikolu 131

Il-perjodu ta’ residenza qabel l-iskarnar jew il-qtil tal-ungulati miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk

1.   L-ungulati miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk maħsuba għad-dħul fl-Unjoni m’għandhomx ikunu meħtieġa jikkonformaw ma’ perjodu ta’ residenza qabel id-data tal-iskarnar jew tal-qtil dment li jkunu ġew introdotti fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew f’żona tiegħu minn:

(a)

pajjiż terz jew minn territorju jew żona oħrajn li jkunu elenkati għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk mill-istess speċi ta’ ungulati u l-ungulati miżmuma jkunu baqgħu hemm għal tal-anqas tliet xhur qabel l-iskarnar;

jew

(b)

Stat Membru.

2.   L-ungulati miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk maħsuba għad-dħul fl-Unjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 iridu jikkonformaw, eżatt qabel id-data tal-iskarnar jew tal-qtil, ma’ perjodu ta’ residenza għal perjodu ta’ żmien kontinwu skont l-Anness XXIII fejn huma:

(a)

ikunu baqgħu fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini jew f’żona tiegħu;

(b)

ikunu baqgħu fl-istabbiliment ta’ oriġini;

(c)

ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ ungulati bi stat tas-saħħa inferjuri.

Artikolu 132

Deroga mid-dispaċċ dirett tal-annimali miżmuma ta’ oriġini tal-laħam frisk għal biċċerija

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 124(b), il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati miżmuma li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni dment li l-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn annimali bovini, annimali ovini jew annimali kaprini, u:

(a)

l-ungulati jkunu għaddew minn stabbiliment wieħed li jagħmel operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20(b), wara li jkunu ħallew l-istabbiliment ta’ oriġini tagħhom u qabel il-wasla tagħhom fil-biċċerija;

(b)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji addizzjonali sabiex tiżgura li l-istat tas-saħħa tal-annimali ungulati ma jkunx ġie pperikolat matul il-moviment tagħhom mill-istabbiliment ta’ oriġini tagħhom sal-wasla tagħhom fil-biċċerija;

(c)

il-pajjiż terz, it-territorju jew iż-żona tiegħu msemmija fil-punt (b) ikunu awtorizzati fil-lista għat-tali deroga.

Artikolu 133

Il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu tal-laħam frisk tal-ungulati miżmuma

1.   Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkunu joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jikkonformaw mal-perjodi minimi ta’ ħelsien mill-mard stipulati fit-tabella fil-Parti A tal-Anness XXIV, għall-mard elenkat imsemmi, li għalih ikunu elenkati l-ispeċijiet ta’ ungulati li minnhom ikun inkiseb il-laħam.

Il-perjodi minimi msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jitnaqqsu għall-mard elenkat fil-Parti B tal-Anness XXIV soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fiha; dawn il-kundizzjonijiet iridu jkunu ġew assenjati b’mod speċifiku mill-Unjoni fil-lista, għal dak il-pajjiż terz jew it-territorju jew żona tiegħu u għall-ispeċi partikolari ta’ oriġini tal-laħam frisk.

2.   Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkunu joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn ma tkunx ingħatat it-tilqima kontra l-mard elenkat imsemmi fil-paragrafu 1 skont it-tabella fil-Parti A tal-Anness XXV.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, it-tilqima kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer tista’ tkun ingħatat soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti mill-awtorità kompetenti stipulati fil-punti 1(b) jew 3.1(a) tal-Parti B tal-Anness XXV li trid tkun assenjata b’mod speċifiku mill-Unjoni fil-lista, għal dak il-pajjiż terz jew dak it-territorju jew dik iż-żona tiegħu u għall-ispeċi partikolari ta’ oriġini tal-laħam frisk.

Artikolu 134

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-ungulati miżmuma li minnhom ikun inkiseb il-laħam frisk

1.   Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konseja jkun inkiseb minn ungulati li jkunu ġejjin minn stabbiliment:

(a)

li fih u madwaru, inkluż fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun ġiet irrapportata l-ebda waħda mill-mard elenkat imsemmi fil-Parti A tal-Anness XXIV, li għalih ikunu elenkati l-ispeċijiet ta’ ungulati ta’ oriġini tal-laħam frisk maħsuba għad-dħul fl-Unjoni, f’erja b’raġġ ta’ 10 km u għal perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tal-iskarnar; jew

(b)

li jikkonforma mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ingħatat it-tilqima kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu anqas minn 12-il xahar qabel id-data tal-iskarnar stipulata fil-punti 1(b) jew 3.1(a) tal-Parti B tal-Anness XXV li jridu jkunu ġew assenjati b’mod speċifiku mill-Kummissjoni fil-lista għall-pajjiż terz jew għat-territorju jew għal żona tiegħu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk tal-ungulati u għall-ispeċi ta’ oriġini tal-laħam frisk.

2.   Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konseja jkun inkiseb minn ungulati li jkunu ġejjin minn stabbiliment:

(a)

fejn l-ebda annimal ma jkun tlaqqam skont il-Parti A tal-Anness XXV; jew

(b)

li jinsab f’pajjiż terz, territorju jew żona tiegħu li jikkonforma mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness XXIV; dawn il-kundizzjonijiet jridu jkunu ġew assenjati b’mod speċifiku mill-Kummissjoni fil-lista għall-pajjiż terz jew għat-territorju jew għal żona tiegħu elenkati għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk tal-ungulati u għall-ispeċi ta’ oriġini tal-laħam frisk.

Artikolu 135

Rekwiżit speċifiku għal-laħam frisk miksub minn ungulati miżmuma tal-ispeċi Sus scrofa

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati miżmuma tal-ispeċi Sus scrofa għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun joriġina minn annimali li jkunu nżammu separati minn ungulati selvaġġi mindu twieldu.

Artikolu 136

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-laħam frisk tal-ungulati miżmuma

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati miżmuma għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb f’biċċerija, jew fi stabbiliment ta’ mmaniġġjar tal-kaċċa, li fihom jew madwarhom ma tkunx ġiet irrappurtata l-ebda waħda mill-mard elenkat imsemmi fil-Parti A tal-Anness XXIV f’erja ta’ raġġ ta’ 10 kilometri, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, għal perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tal-iskarnar jew id-data tal-qtil.

TAQSIMA 3

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL-LAĦAM FRISK TAL-UNGULATI SELVAĠĠI

Artikolu 137

Il-pajjiż jew it-territorju ta’ oriġini jew żona tiegħu tal-laħam frisk tal-ungulati selvaġġi

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati selvaġġi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 133.

Artikolu 138

L-ungulati selvaġġi ta’ oriġini tal-laħam frisk

Il-konsenji ta’ laħam frisk ta’ ungulati selvaġġi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn annimali li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu nqatlu f’distanza li taqbeż l-20 km mill-fruntiera ta’ kwalunkwe pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu li f’dak iż-żmien ma kinux elenkati għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk tal-ispeċi ta’ ungulati selvaġġi;

(b)

inqatlu f’żona b’raġġ ta’ 20 km, fejn, matul it-60 jum ta’ qabel, il-mard imsemmi fil-Parti A tal-Anness XXIV ma ġiex irrappurtat.

Artikolu 139

L-istabbiliment ta’ oriġini ta’ mmaniġġjar tal-kaċċa tal-laħam frisk tal-ungulati selvaġġi

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati selvaġġi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenji jkun inkiseb fi stabbiliment ta’ mmaniġġjar tal-kaċċa, li fih jew madwaru ma tkun ġiet irrapportata l-ebda waħda mill-mard elenkat imsemmi fil-Parti A tal-Anness XXIV f’erja ta’ 10 kilometri, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, għal perjodu ta’ 30 jum qabel id-data tal-qtil.

KAPITOLU 3

Rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa

TAQSIMA 1

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAL-LAĦAM FRISK TAL-POLLAM

Artikolu 140

Il-perjodu ta’ residenza tal-pollam

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn pollam li:

(a)

ikun inżamm mindu faqqas u sad-data tal-iskarnar fil-pajjiż terz jew fit-territorju ta’ oriġini tal-laħam frisk jew ta’ żona tiegħu;

jew

(b)

ikun ġie importat bħala flieles ta’ ġurnata, pollam tat-tnissil, pollam produttiv jew pollam maħsub għall-iskarnar minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jkunu elenkati għad-dħul fl-Unjoni għal dawk il-komoditajiet jew minn Stat Membru u l-importazzjoni tkun seħħet skont rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li tal-anqas ikunu stretti daqs ir-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 141

Il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jew iż-żona tiegħu tal-laħam frisk tal-pollam

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom fis-seħħ programm ta’ sorveljanza tal-mard għall-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja għal perjodu minimu ta’ sitt xhur qabel id-data tad-dispaċċ tal-konsenja lejn l-Unjoni u dak il-programm ta’ sorveljanza jkun konofrmi mar-rekwiżiti stabbiliti jew f’dawn li ġejjin:

(i)

fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

jew

(ii)

fil-Kapitolu rilevanti tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

(b)

ikunu meqjusa li huma ħielsa mill-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja skont l-Artikolu 38;

(c)

fejn wettqet tilqim kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji li:

(i)

il-programm ta’ tilqim jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XIII;

(ii)

il-programm ta’ sorveljanza msemmi fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness XIII;

(iii)

ikunu ħadu impenn li jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil fil-programm ta’ tilqim fil-pajjiż terz jew fit-territorju jew żona tiegħu;

(d)

li:

(i)

fil-każ ta’ laħam frisk tal-pollam għajr ratiti, ikunu meqjusa bħala ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39;

(ii)

fil-każ tal-laħam frisk tar-ratiti, ikunu jew:

meqjusa li huma ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39;

jew

ma jkunux meqjusa bħala ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle skont l-Artikolu 39, iżda l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini tkun ipprovdiet garanziji rigward il-konformità mar-rekwiżiti għall-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle b’rabta mal-iżolament, mas-sorveljanza u mal-ittestjar, kif stipulat fl-Anness XIV;

(e)

fejn isir tilqim kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tkun ipprovdiet garanziji li:

(i)

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV; jew

(ii)

il-vaċċini użati jikkonformaw mal-kriterji ġenerali għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam li minnu nkiseb il-laħam frisk jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 3 tal-Anness XV għall-laħam frisk tal-pollam li joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(f)

ikunu ħadu impenn li wara tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tifqigħa ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(i)

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda fi żmien 24 siegħa mill-konferma ta’ kwalunkwe tifqigħa inizjali tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tal-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle;

(ii)

aġġornamenti regolari dwar is-sitwazzjoni tal-mard;

(g)

ikunu ħadu impenn li jissottomettu iżolati tal-virus minn tifqigħat inizjali ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle lil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Influwenza tat-Tjur u għall-Marda ta’ Newcastle.

Artikolu 142

L-istabbiliment ta’ oriġini tal-pollam

Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun joriġina minn pollam li jkun ġej minn stabbiliment:

(a)

li fih u fi ħdan raġġ ta’ 10 km mill-istabbiliment, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun seħħet l-ebda tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle matul perjodu minimu ta’ 30 jum qabel id-data tal-iskarnar;

(b)

li, fil-każ ta’ laħam frisk tar-ratiti li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu mhux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, ikun konformi mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għar-ratiti, għall-bajd għat-tifqis tagħhom u għal-laħam frisk tar-ratiti li joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu li ma jkunux ħielsa mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, stipulati fil-punti 3(b) u (c) tal-Anness XIV.

Artikolu 143

Il-pollam ta’ oriġini tal-laħam frisk

1.   Il-konsenji ta’ laħam frisk tal-pollam għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-laħam frisk tal-konsenja jkun inkiseb minn pollam li ma jkunx tlaqqam kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle, jew ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

fejn ikunu tlaqqmu kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, il-pajjiż terz jew it-territorju ta’ oriġini jkunu provdew garanziji għall-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ tilqim u għal sorveljanza addizzjonali stabbiliti fl-Anness XIII;

(b)

fejn ikunu tlaqqmu kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle:

(i)

garanziji li jkunu ġew ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju ta’ oriġini li il-vaċċini użati jikkonformaw:

mal-kriterji ġenerali u speċifiċi għall-vaċċini kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV; jew

il-kriterji ġenerali għall-vaċċini rikonoxxuti kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV u l-pollam li minnu nkiseb il-laħam frisk jissodisfa r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fil-punt 3 tal-Anness XV għall-laħam frisk tal-pollam li joriġina minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn il-vaċċini użati kontra l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle ma jissodisfawx il-kriterji speċifiċi stipulati fil-punt 1 tal-Anness XV;

(ii)

l-informazzjoni stabbilita fil-Parti 4 tal-Anness XV trid tiġi pprovduta għall-konsenja.