3.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/341


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/690

tas-17 ta’ Diċembru 2019

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mard elenkat soġġett għal programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni, l-ambitu ġeografiku ta’ tali programmi u l-mard elenkat li għalih jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 30(1) u l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li hu trasmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, fosthom regoli għas-sorveljanza, l-qerda u l-għoti tal-istatus ta’ ħieles mill-mard fil-livell tal-kompartimenti.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi lista armonizzata ta’ mard trasmissibbli tal-annimali (“mard elenkat”) li jippreżenta riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali fl-Unjoni, sew jekk fl-Unjoni kollha u sew jekk f’partijiet minnha biss.

(3)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula l-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni għal ċertu mard elenkat. L-Artikolu 30 ta’ dak ir-Regolament jistipula d-determinazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ta’ liema mard minn dak elenkat jenħtieġ li jkun soġġett għall-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni, inkluż l-ambitu ġeografiku ta’ tali programmi.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 iħassar id-Direttiva 2005/94/KE (2) b’effett mill-21 ta’ April 2021. Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula programmi ta’ sorveljanza obbligatorji għall-influwenza tat-tjur fit-tjur u għasafar selvaġġi. Il-programmi ta’ sorveljanza obbligatorji għall-influwenza tat-tjur ikomplu jkunu rilevanti biex jiżguraw livell għoli ta’ sorveljanza madwar l-Unjoni minħabba l-impatt li l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jkollha fuq is-saħħa tal-annimali. Jenħtieġ li dawn il-programmi jinkludu wkoll is-sorveljanza ta’ ċerti żoni b’riskju akbar ta’ mutazzjoni tal-viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa għal viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja. Is-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur tikkontribwixxi wkoll għall-għarfien dwar il-viruses li huma ta’ riskju żootekniku potenzjali. Għalhekk, jenħtieġ li dan l-obbligu jiġi rifless fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 permezz tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni għall-influwenza tat-tjur.

(5)

Skont il-lista armonizzata ta’ mard trasmissibbli tal-annimali fir-Regolament (UE) 2016/429, issir distinzjoni bejn l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u infezzjoni b’viruses tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza, jenħtieġ li din id-distinzjoni tkun riflessa fl-ambitu tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni.

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (3) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-kriterji għall-istabbiliment tal-mard elenkat soġġett għall-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni u l-kontenut ta’ tali programmi. L-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u l-infezzjoni bil-viruses tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa jikkonformaw ma’ dawk il-kriterji.

(7)

L-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/429 lill-Istati Membri jagħtihom id-dritt li japplikaw għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti għal ċertu mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b), u (c) tal-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament. Att ta’ implimentazzjoni jeħtieġ jiddetermina għal liema minn dan il-mard elenkat jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 iħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (4) b’effett mill-21 ta’ April 2021. Id-Direttiva 2006/88/KE tistipula l-istabbiliment ta’ kompartimenti ħielsa mill-mard għal lista ta’ mard tal-annimali akkwatiċi f’konformità mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Sabiex ikun aktar faċli li jinżamm l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti, u sakemm ikun l-iktar possibbli, jenħtieġ li l-mard tal-annimali akkwatiċi inkluż f’dik il-lista jintuża għall-finijiet tal-mard elenkat li għalih jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien minn mard tal-kompartimenti fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429.

(9)

Billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/429 li jirregolaw il-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament japplikaw mill-21 ta’ April 2021, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-mard elenkat soġġett għall-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni f’konfomità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-ambitu ġeografiku ta’ tali programmi huma stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-mard elenkat li għalih jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/429 huwa stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli dwar is-sorveljanza, il-programmi ta’ eradikazzjoni u l-istatus ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u għall-mard ġdid (Ara l-paġna 211 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).


ANNESS I

MARD ELENKAT SOĠĠETT GĦALL-PROGRAMMI TA’ SORVELJANZA TAL-UNJONI

AMBITU ĠEOGRAFIKU TAL-PROGRAMMI TA’ SORVELJANZA TAL-UNJONI

L-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja

It-territorju kollu tal-Istat Membru

L-infezzjoni bil-viruses tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa

It-territorju kollu tal-Istat Membru


ANNESS II

MARD ELENKAT LI GĦALIH JISTA’ JIĠI STABBILIT L-ISTATUS TA’ ĦELSIEN MILL-MARD TAL-KOMPARTIMENTI

In-nekrożi ematopojetika epiżotika

Is-settiċimija emorraġika virali

In-nekrożi ematopojetika infettiva

L-infezzjoni bil-virus imħassar tal-anemija tas-salamun li huwa ta’ reġjun polimorfiku ħafna (HPR)

L-infezzjoni bil-Microcytos mackini

L-infezzjoni bil-Perkinsus marinus

L-infezzjoni bil-Bonamia ostreae

L-infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

L-infezzjoni bil-Marteilia refringens

L-infezzjoni bil-virus tas-sindrome Taura

L-infezzjoni bil-virus tar-ras safra

L-infezzjoni bil-virus tas-sindrome tal-ponot bojod