13.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/138


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/643

tat-12 ta’ Mejju 2020

dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. bħala sustanza bażika f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 23(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Ottubru 2015 , il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mill-Istitut tar-Riċerka tal-Uċuħ tar-Raba’ (ir-Repubblika Ċeka) għall-approvazzjoni tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kellha magħha l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) għall-assistenza xjentifika. Fid-19 ta’ Ġunju 2017, l-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni b’rapport tekniku dwar l-għeruq tas-Saponaria officinalis(2). Fis-6 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni (3) u l-abbozz ta’ Regolament dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(3)

Id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-applikanti turi li l-għeruq tas-Sapononaria officinalis L. jissodisfaw il-kriterji ta’ oġġett tal-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), billi tradizzjonalment jintużaw bħala emulsjonant.

(4)

Madankollu, ir-rapport tekniku tal-Awtorità identifika tħassib speċifiku rigward il-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib (eż. saponini triteropenojdi, saporin) f’estratti tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. meta jintużaw għal finijiet tal-protezzjoni tal-pjanti. Ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex jiġi stabbilit livell sikur ta’ konsum għall-konsumaturi u l-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumatur ma setgħetx titlesta għall-użi tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. fil-ħjar, fit-tadam u fil-ħops. Barra minn hekk, ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni biex tintlaħaq konklużjoni dwar ir-riskju għall-organiżmi mhux fil-mira.

(5)

Ma kien hemm disponibbli l-ebda evalwazzjoni rilevanti oħra, imwettqa f’konformità mal-leġiżlazzjoni l-oħra tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni. L-applikant ippreżenta l-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(7)

B’riżultat ta’ dan, kif stabbilit fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Huwa għalhekk xieraq li l-għeruq tas-Saponaria officinalis L. ma jiġux approvati bħala sustanza bażika.

(8)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sustanza tal-għeruq tas-Saponaria officinalis L. mhijiex approvata bħala sustanza bażika.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2017. Rapport tekniku dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni bħala sustanza bażika għall-għeruq tas-Sapononaria officinalis L. għall-użu fil-protezzjoni tal-pjanti bħala akariċida u elikan. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2017:EN-1263. 44 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN.

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).