14.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/517

tat-3 ta’ April 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b’mod parzjali jew sħiħ, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha, u li tkun stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jiġi stabbilit għal tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Stephen QUEST

Id-Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett li jikkonsisti minn girlanda magħmula minn żnuber artifiċjali, twila madwar 5 m, b’katina tad-dwal LED, li jkun fiha madwar 60 punt tad-dawl, imxebilka magħha. Il-katina tad-dwal titħaddem permezz forniment ta’ potenza elettrika ta’ 230 V. Kemm il-girlanda, kif ukoll il-katina tad-dwal huma magħmulin mill-plastic.

Ara l-istampa (*1).

6702 10 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali (GIR) 1, 3(b) u 6 tal-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6702 u 6702 10 00 .

L-oġġett huwa prodott kompost skont it-tifsira ta’ GIR 3(b). Minħabba l-karatteristiki oġġettivi tiegħu, jiġifieri billi jikkonsisti minn girlanda ta’ żnuber artifiċjali u dwal li jagħmlu effett dekorattiv addizzjonali, dan l-oġġett huwa maħsub primarjament biex il-funzjoni tiegħu tkun waħda dekorattiva. Barra minn hekk, il-girlanda taż-żnuber artifiċjali tibqa’ tintuża bħala tiżjin, anki meta tinqata’ minn mad-dawl. Għalhekk, il-komponent ta’ dan l-oġġett li jagħtih il-karattru essenzjali ta’ oġġett dekorattiv huwa l-girlanda taż-żnuber artifiċjali li tixbaħ il-prodott naturali (ara wkoll in-Noti ta’ spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 6702). Għaldaqstant hija eskluża l-klassifikazzjoni ta’ dan l-oġġett taħt is-subintestatura 9405 40 bħala Bozoz u tagħmir tad-dawl tal-elettriku oħrajn.

Il-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt is-subintestatura 9505 10 bħala oġġett għall-festi tal-Milied hija eskluża wkoll minħabba li l-karatteristiki oġġettivi tal-oġġett jissuġġerixxu li ma jintużax biss għall-festi tal-Milied, iżda jintuża b’mod ewlieni bħala tiżjin waqt l-istaġun tax-xitwa (ara n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 95, l-aħħar paragrafu tal-punt 1(a)).

Għaldaqstant dan l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6702 10 00 bħala weraq artifiċjali tal-plastik.

Image 1


(*1)  L-istampa qed tingħata biss għall-informazzjoni.