1.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/12


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/474

tal-20 ta’ Jannar 2020

dwar il-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(7) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629 timxi ħarir, jenħtieġ li jingħata aċċess sħiħ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lill-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u lill-pajjiżi terzi inkarigati bil-kompitu relatat mal-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629 u Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

L-aċċess sħiħ jippermetti lill-Istati Membri jikkooperaw bejniethom, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, u jikkoordinaw il-ħidma tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data dwar l-inġenji mdaħħla fl-EHDB.

(3)

L-aċċess għall-qari biss tal-EHDB jenħtieġ li jiġi pprovdut lil awtoritajiet oħra sabiex iwettqu miżuri amministrattivi għall-iżgurar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-infrastruttura, għaż-żamma jew għall-infurzar tas-sikurezza tan-navigazzjoni u għall-ġbir tad-data statistika.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-EHDB taħdem mingħajr intoppi u sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika tat-talbiet għall-aċċess għall-EHDB, l-Istati Membri, il-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u l-pajjiżi terzi rilevanti jenħtieġ li jinnominaw punt ta’ kuntatt waħdieni.

(5)

Jixraq li jiġu stabbiliti l-passi li l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu meta jipprovdu l-aċċess għall-qari biss għall-EHDB sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tad-data u t-tħaddim bla intoppi tal-EHDB.

(6)

Hemm bżonn data ta’ kwalità għolja, komparabbli, aġġornata, affidabbli u armonizzata dwar l-inġenji tan-navigazzjoni interna sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika tad-data u tal-informazzjoni tal-preżent u tal-passat ta’ inġenju b’rabta maċ-ċertifikati maħruġa u ma’ applikazzjonijiet ġodda għal ċertifikati. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista tad-data dettaljata relatata mal-inġenji.

(7)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jibqgħu teknoloġikament newtrali u miftuħa għal teknoloġiji innovattivi, u jenħtieġ li japplikaw il-prinċipji ta’ darba biss u ta’ interoperabbiltà predefinita. Il-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016-2020 (3) u fil-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (4) jenħtieġ li jitqiesu kif dovut.

(8)

Kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, jenħtieġ li dan jitwettaq f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fir-rigward tal-ipproċessar mill-Kummissjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fir-rigward tal-ipproċessar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-ġbir, l-ipproċessar u l-aċċess tad-data miżmuma fil-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq (l-EHDB) imsemmija fl-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2016/1629, kif ukoll it-tipi ta’ aċċess permess u l-istruzzjonijiet dwar l-użu u t-tħaddim tal-bażi tad-data.

Artikolu 2

Ġbir tad-data

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-EHDB id-data għall-identifikazzjoni ta’ inġenju msemmija fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Aċċess sħiħ għad-data u l-ipproċessar tagħha fl-EHDB

1.   Id-data għandha tiġi aċċessata u pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u mill-pajjiżi terzi inkarigati bil-kompiti relatati mal-applikazzjoni tad-Direttivi (UE) 2016/1629 u 2005/44/KE sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ miżuri amministrattivi għaż-żamma tas-sikurezza u għan-navigazzjoni bla xkiel, u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629.

2.   Kull Stat Membru, parti kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu/għandha jinnotifika/tinnotifika lill-Kummissjoni bl-ismijiet u bl-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw konsistenza bejn id-data miżmuma fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/1629 u d-data pprovduta fl-EHDB.

4.   L-aċċess sħiħ għall-EHDB għandu jingħata f’konformità mal-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Aċċess għall-qari biss għall-EHDB

1.   Sabiex jitwettqu miżuri amministrattivi għall-iżgurar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-infrastruttura, għaż-żamma jew għall-infurzar tas-sikurezza tan-navigazzjoni u għall-ġbir tad-data statistika, l-aċċess għall-qari biss għall-EHDB jista’ jingħata lill-awtoritajiet, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Istati Membri, tal-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru, parti kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu jew pajjiż terz għandu/għandha jinnotifika/tinnotifika lill-Kummissjoni bl-ismijiet u bl-indirizzi tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jindika/tindika l-profili tal-utent tiegħu/tagħha skont l-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-aċċess għall-qari biss għall-EHDB għandu jingħata f’konformità mal-Anness 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Punt ta’ kuntatt waħdieni għall-EHDB

1.   Kull Stat Membru, parti kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u pajjiż terz imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandu/għandha jinnomina/tinnomina punt ta’ kuntatt waħdieni għall-Kummissjoni u għal Stati Membri oħra, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-validazzjoni tal-aċċess f’konformità mal-Artikoli 3 u 4. In-notifiki f’konformità mal-paragrafu (2) tal-Artikolu 3 mal-paragrafu (2) tal-Artikolu 4 għandhom isiru billi l-informazzjoni rilevanti tiġi rreġistrata fl-EHDB.

2.   Il-punt ta’ kuntatt waħdieni għandu jintgħażel fost l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Kull Stat Membru, parti kontraenti għall-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għandu/għandha jinnotifika/tinnotifika lill-Kummissjoni bl-ismijiet u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt waħdieni għall-EHDB.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118

(2)  Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016-2020 – Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika (COM(2016) 179 final).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni (COM(2017) 134).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ANNESS 1

Id-data għall-identifikazzjoni ta’ inġenju

Il-lista tad-data għall-identifikazzjoni ta’ bastiment kif stabbilit fl-Anness 2 tal-Istandard Ewropew applikabbli li jistabbilixxi Rekwiżiti Tekniċi għal bastimenti tan-Navigazzjoni Interna, għandha tkun dik li hemm referenza għaliha fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629.


ANNESS 2

Profili tal-utent u drittijiet tal-aċċess

1.1.   

Il-Kummissjoni għandha tagħti drittijiet tal-aċċess lill-utenti individwali li jikkorrispondu mal-profili tal-utent stabbiliti fit-Tabella 1.

1.2.   

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tagħti aċċess għall-EHDB lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, f’konformità mal-Artikolu 19(5) tad-Direttiva (UE) 2016/1629 dejjem jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1725 ikunu ġew issodisfati. Il-profili tal-utent jew id-drittijiet tal-aċċess jistgħu jiġu limitati skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi.

Profili tal-utent

Definizzjoni

Drittijiet tal-aċċess

Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni Teknika

Awtorità kompetenti jew korp ta’ spezzjoni għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/1629

Jew

Korp ta’ spezzjoni għall-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu

Jew

Awtorità kompetenti simili tal-pajjiżi terzi li tkun inkarigata b’kompiti relatati mal-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629

Jew

Awtorità kompetenti għall-ħruġ tan-numru uniku Ewropew ta’ identifikazzjoni tal-bastiment f’konformità mal-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2016/1629

Aċċess sħiħ

Awtorità tal-RIS

Awtorità kompetenti għall-applikazzjoni tal-RIS u għall-iskambju internazzjonali tad-data f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/44/KE

Jew

Organizzazzjoni assenjata jew b’kuntratt biex topera s-Sistema RIS u biex tipprovdi Servizzi RIS kif definiti fid-Direttiva 2005/44/KE

Aċċess sħiħ (limitat għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE)

Uffiċċju tal-istatistika

Uffiċċji nazzjonali jew internazzjonali responsabbli għall-ġbir tad-data statistika.

Aċċess għall-qari biss li jrid jiġi ddeterminat skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi

Organizzazzjonijiet internazzjonali

Utenti awtorizzati f’organizzazzjonijiet internazzjonali

Aċċess għall-qari biss li jrid jiġi ddeterminat skont ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi

Korpi oħra

Il-korpi kollha li jiżguraw il-ġestjoni tat-traffiku u tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma, kif ukoll iż-żamma jew l-infurzar tas-sikurezza tan-navigazzjoni, pereżempju:

awtorità kompetenti għall-ġestjoni tat-traffiku

operatur ta’ magħlaq jew ta’ pont

fornitur ta’ servizzi ta’ salvataġġ u ta’ emerġenza

awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi

korp tal-investigazzjoni tal-aċċidenti

Aċċess għall-qari biss

Persunal tal-Kummissjoni

Utenti awtorizzati

(a)

responsabbli għaż-żamma tal-EHDB jew

(b)

responsabbli għall-politiki dwar in-navigazzjoni interna

Fornitur tas-soluzzjoni teknika għall-funzjonalitajiet kollha;

Aċċess għall-qari biss


ANNESS 3

Aċċess sħiħ għad-data u l-ipproċessar tagħha fl-EHDB

1.   

Il-validazzjoni tal-aċċess sħiħ u tal-ipproċessar tad-data fl-EHDB għandha titwettaq kif ġej:

(a)

tintbagħat talba permezz tal-EHDB għall-ftuħ ta’ kont li jippermetti l-aċċess sħiħ u l-ipproċessar tad-data;

(b)

il-validazzjoni għandha ssir minn punt ta’ kuntatt waħdieni rilevanti għall-EHDB;

(c)

l-attivazzjoni tal-kont.

2.   

Il-Kummissjoni tista’ tiddiżattiva l-kont jekk l-utent ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.


ANNESS 4

Aċċess għall-qari biss għall-EHDB

1.

Il-validazzjoni tal-aċċess għall-qari biss għall-EHDB għandha titwettaq kif ġej:

(a)

tintbagħat talba permezz tal-EHDB għall-ftuħ ta’ kont li jippermetti l-aċċess għall-qari biss għall-bażi tad-data;

(b)

il-validazzjoni għandha ssir minn punt ta’ kuntatt waħdieni rilevanti għall-EHDB;

(c)

l-attivazzjoni tal-kont.

2.

Il-Kummissjoni tista’ tiddiżattiva l-kont jekk l-utent ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

3.

L-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli għall-monitoraġġ u għall-verifika regolari tal-aċċess ipprovdut minnhom lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4(1).


ANNESS 5

Funzjonalitajiet

Il-funzjonalitajiet li ġejjin għandhom jiġu pprovduti permezz tal-EHDB:

1.

Verifika tan-numru uniku Ewropew ta’ identifikazzjoni tal-bastiment (ENI) fl-EHDB:

L-EHDB għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw, jew abbażi ta’ ENI jew ta’ data għall-identifikazzjoni ta’ inġenju, jekk inġenju jkunx diġà rreġistrat fis-sistema.

2.

Konsultazzjoni tad-data fiċ-ċertifikati tal-inġenji:

L-EHDB għandha tipprovdi aċċess għad-data fiċ-ċertifikati (maħruġa f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629) tal-inġenji u ta’ data għall-identifikazzjoni ta’ inġenju kif ikunu disponibbli mir-reġistri nazzjonali.

3.

Konsultazzjoni ta’ data dwar kwalunkwe applikazzjoni rifjutata jew pendenti għal ċertifikati:

L-EHDB għandha tipprovdi aċċess għad-data dwar l-istatus (rifjutat jew pendenti) dwar l-applikazzjonijiet għal ċertifikati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629.

4.

Aċċess għal kopja diġitali taċ-ċertifikati ta’ inġenju:

L-EHDB għandha tipprovdi aċċess għal kopja diġitali taċ-ċertifikati kollha maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629.

5.

Ġenerazzjoni tal-istatistika:

L-EHDB għandu jkun fiha karatteristiċi li jipprovdu data għall-utenti awtorizzati biex iwettqu tfittxijiet għall-skopijiet ta’ statistika.

6.

Ġestjoni tal-aċċess tal-utenti:

L-utenti għandhom jaċċessaw l-EHDB permezz tas-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-Kummissjoni (EU Login).