31.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/9


REGOLAMENT (UE) 2020/461 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni li jkunu affettwati serjament minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (2). Il-Fond inħoloq biex jipprovdi assistenza finanzjarja lil Stati Membri wara diżastri maġġuri, bħala sinjal konkret ta’ solidarjetà Ewropea f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà.

(2)

Fil-każ ta’ emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri, jenħtieġ li l-Unjoni turi s-solidarjetà tagħha ma’ Sstati Membri u l-popolazzjoni kkonċernata billi tipprovdi assistenza finanzjarja biex tgħin il-popolazzjoni affettwata, biex tikkontribwixxi għal ritorn rapidu lejn kundizzjonijiet ta’ għajxien normali fir-reġjuni affettwati u biex trażżan it-tixrid ta’ mard infettiv.

(3)

Jenħtieġ li l-Unjoni turi wkoll is-solidarjetà fil-każ ta’ emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri mal-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni.

(4)

Sitwazzjoni ta’ kriżi maġġuri tista’ tirriżulta minn emerġenzi tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari pandemija virali ddikjarata uffiċjalment. Il-Fond jippermetti lill-Unjoni tgħin fil-mobilizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet immedjati tan-nies u biex tikkontribwixxi għar-restawr fit-terminu qasir tal-infrastruttura ewlenija danneġġata sabiex l-attività ekonomika tkun tista’ tibda mill-ġdid fir-reġjuni milqutin mid-diżastru. Madanakollu, dak il-Fond bħalissa huwa limitat għal diżastri naturali li jikkawżaw ħsara fiżika u ma jinkludix diżastri maġġuri minħabba perikli bijoloġiċi. Jenħtieġ li jkun hemm provvediment biex l-Unjoni tkun tista’ tintervjeni fil-każ ta’ emerġenzi ta’ saħħa pubblika maġġuri.

(5)

L-għan tal-azzjoni li trid tittieħed huwa li tikkomplementa l-isforzi tal-Istati kkonċernati f’każijiet bħal dawn meta l-effetti ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi jkunu ta’ tali gravità li dawk l-Istati ma jkunux jistgħu jindirizzaw is-sitwazzjoni permezz tal-mezzi tagħhom stess waħedhom. Minħabba li dak l-għan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(6)

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jenħtieġ li l-azzjoni skont dan ir-Regolament tkun limitata għal emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri. Dawk l-emerġenzi jenħtieġ li jiġu definiti skont il-bażi tan-nefqa pubblika meħtieġa biex jiġu indirizzati.

(7)

Jenħtieġ li l-assistenza tal-Unjoni tkun komplementari għall-isforzi tal-Istati kkonċernati u tintuża sabiex tkopri sehem min-nefqa pubblika impenjata biex tittratta l-aktar operazzjonijiet ta’ emerġenza essenzjali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

(8)

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jenħtieġ li l-assistenza tal-Unjoni tingħata biss wara applikazzjoni mill-Istat affettwat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura trattament ekwu tat-talbiet ippreżentati mill-Istati.

(9)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni rapida li timpenja riżorsi finanzjarji speċifiċi u li timmobilizzahom malajr kemm jista’ jkun. Jenħtieġ għalhekk li d-dispożizzjonijiet eżistenti biex isiru l-ħlasijiet bil-quddiem jissaħħu billi jiżdiedu l-ammonti tagħhom.

(10)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Fid-dawl tat-tifqigħa COVID-19 u tal-urġenza biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2012/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Wara talba ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż involut f’negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Stat eliġibbli”, l-assistenza mill-Fond tista’ tiġi mobilizzata meta jseħħu riperkussjonijiet serji għall-kundizzjonijiet tal-għajxien, is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent naturali jew l-ekonomija f’reġjun wieħed jew iktar ta’ dak l-Istat eliġibbli bħala konsegwenza ta’:

(a)

diżastru naturali maġġuri jew reġjonali li jkun seħħ fit-territorju tal-istess Stat eliġibbli jew ta’ Stat eliġibbli ġar; jew

(b)

emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri li tkun seħħet fit-territorju tal-istess Stat eliġibbli.

Ħsara diretta kkawżata bħala l-konsegwenza diretta ta’ diżastru naturali għandha titqies bħala parti mill-ħsara kkawżata minn dak id-diżastru naturali.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali maġġuri” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li, fi Stat eliġibbli, jirriżulta fi ħsara diretta stmata jew iktar minn EUR 3 000 000 000 bil-prezzijiet tal-2011, jew iktar minn 0,6 % tad-DNG tiegħu.

2a.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “emerġenza ta’ saħħa pubblika maġġuri” tfisser kull periklu ta’ theddid għall-ħajja jew ta’ periklu serju ieħor għas-saħħa ta’ oriġini bijoloġika fi Stat eliġibbli li jaffettwa b’mod serju s-saħħa tal-bniedem u li jeħtieġ azzjoni deċiżiva biex jitrażżan it-tixrid ulterjuri, li jirriżulta f’piż finanzjarju pubbliku impost fuq l-Istat eliġibbli għal miżuri ta’ rispons għal emerġenza li jkun stmat li jkun aktar minn EUR 1 500 000 000 bil-prezzijiet tal-2011, jew aktar minn 0,3 % tad-DNG tiegħu.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li, f’reġjun ta’ livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli, jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta r-reġjun ikkonċernat, fejn ikun seħħ diżastru naturali, ikun reġjun ultraperiferiku fis-sens tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1 % tal-PDG ta’ dak ir-reġjun.

Meta d-diżastru naturali jkun jikkonċerna bosta reġjuni ta’ livell NUTS 2, il-limitu minimu għandu jiġi applikat għall-medja tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni, ponderata skont is-sehem tal-ħsara totali f’kull reġjun.

4.   L-assistenza mill-Fond tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandha tintuża d-data statistika armonizzata pprovduta mill-Eurostat.”.

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-assistenza għandha tieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Għal kull diżastru jew emerġenza eliġibbli għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja waħda lil Stat eliġibbli.

2.   L-għan tal-Fond huwa li jikkomplementa l-isforzi tal-Istati kkonċernati u li jkopri parti min-nefqa pubblika tagħhom sabiex jgħin lill-Istat eliġibbli jwettaq, skont it-tip ta’ diżastru jew emerġenza eliġibbli, l-operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u rkupru li ġejjin:

(a)

ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni;

(b)

il-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u l-finanzjament ta’ servizzi ta’ salvataġġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kkonċernata;

(c)

l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ wirt kulturali;

(d)

it-tindif ta’ żoni milquta minn diżastri, inklużi żoni naturali, f’konformità, meta jkun il-każ, ma’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema, kif ukoll ir-restawr immedjat ta’ żoni naturali affettwati biex jiġu evitati effetti immedjati mill-erożjoni tal-ħamrija;

(e)

miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu assistenza rapida, inkluż dik medika, lill-popolazzjoni affettwata minn emerġenza ta’ saħħa pubblika maġġuri u li jipproteġu lill-popolazzjoni mir-riskju li tiġi affettwata, inkluż il-prevenzjoni, il-monitoraġġ jew il-kontroll tat-tixrid tal-mard, il-ġlieda kontra riskji serji għas-saħħa pubblika jew il-mitigazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa pubblika.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, “restawr biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw” tfisser ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti għall-kundizzjoni tagħhom ta’ qabel ma seħħ id-diżastru naturali. Meta ma jkunx legalment possibbli jew ekonomikament ġustifikat li tinġab lura l-kondizzjoni għal kif kienet qabel ma seħħ id-diżastru naturali, jew meta l-istat benefiċjarju jiddeċiedi li jirriloka jew itejjeb il-funzjonalità tal-infrastruttura jew l-impjant affettwat sabiex itejjeb il-kapaċità tagħhom biex ikunu jifilħu għal diżastri naturali futuri, il-Fond jista’ jikkontribwixxi għall-ispiża tar-restawr biss sal-ispiża stmata biex jinġab lura l-istatus quo ante tagħhom.

Spejjeż li jaqbżu l-livell tal-ispiża msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istat benefiċjarju mill-fondi tiegħu stess, jew meta jkun possibbli, minn fondi oħra tal-Unjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, “akkomodazzjoni temporanja” tfisser akkomodazzjoni li ddum sakemm in-nies tal-popolazzjoni kkonċernata jkunu jistgħu jirritormaw fid-djar oriġinali tagħhom wara li jkunu saru t-tiswijiet tagħhom jew ikunu nbnew mill-ġdid.”.

(3)

Fl-Artikolu 4a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-ammont tal-ħlas bil-quddiem ma għandux jaqbeż il-25 % tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata u fl-ebda każ ma għandu jaqbeż EUR 100 000 000. Ladarba jkun ġie determinat l-ammont definittiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-somma tal-ħlas bil-quddiem qabel ma jitħallas il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tirkupra l-ħlasijiet bil-quddiem li jitħallsu indebitament.”.

4.

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 18-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat benefiċjarju għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b’dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa, filwaqt li jindika kwalunkwe sors ta’ finanzjament ieħor li jkun wasal għall-operazzjonijiet ikkonċernati, inkluż is-saldi ta’ assigurazzjonijiet u kumpens minn partijiet terzi.

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni għandu jistipula, skont in-natura tad-diżastru jew l-emerġenza eliġibbli:

(a)

il-miżuri preventivi, meħudin jew proposti mill-Istat benefiċjarju biex jillimita l-ħsara futura u biex jevita, kemm jista’ jkun, ir-rikorrenza ta’ diżastri naturali jew emerġenzi tas-saħħa pubblika simili, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għal din il-fini;

(b)

l-istat ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri;

(c)

l-esperjenza miksuba mid-diżastru jew l-emerġenza u l-miżuri meħudin jew proposti biex ikunu żgurati l-protezzjoni u r-reżiljenza ambjentali rigward it-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika; u

(d)

kull informazzjoni rilevanti oħra dwar miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni meħudin relatati man-natura tad-diżastru naturali jew l-emerġenza tas-saħħa pubblika.

Ir-rapport ta’ implimentazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni ta’ korp tal-awditjar indipendenti, imfassla skont standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li tistabbilixxi jekk id-dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa tagħtix dehra reali u ġusta u jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond tkunx legali u regolari, f’konformità mal-Artikoli 59(5) u 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Fi tmiem il-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha ttemm l-assistenza mill-Fond.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).