31.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/5


REGOLAMENT (UE) 2020/460 TAL-PARLAMENT EWOPEW U TAL KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l‐Artikoli 43(2), 177 u 178 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Istati Membri ġew affettwati mill-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 b’mod uniku. Il-kriżi tas-saħħa pubblika attwali tfixkel it-tkabbir fl-Istati Membri, li mbagħad taggrava n-nuqqas serju ta’ likwidità minħabba żieda f’daqqa u sinifikanti fl-investimenti pubbliċi meħtieġa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom. Dak ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jenħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi.

(2)

Huwa vitali li n-nuqqas ta’ likwidità u ta’ fondi pubbliċi fl-Istati Membri ma jfixkilx l‐investimenti taħt programmi appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“il‐FEŻR”), il-Fond Soċjali Ewropew (“il-FSE”) u l-Fond ta’ Koeżjoni (“il-FK”) (kollettivament il-“Fondi”) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“il‐FEMS”) meħtieġa biex tiġi miġġielda t-tifqigħa ta’ COVID-19.

(3)

Sabiex iwieġeb għall-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika, il-FEŻR jeħtieġ li jappoġġa l‐finanzjament tal-kapital operatorju fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għall-kriżi tas-saħħa pubblika.

(4)

Sabiex tagħti rispons għall-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika, il-prijorità ta’ investiment tal-FEŻR li jissaħħu r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni għandha tkopri l‐investiment fi prodotti u servizzi meħtieġa biex jitrawmu kapaċitajiet ta’ rispons għall‐kriżijiet fis-servizzi tas-saħħa.

(5)

Sabiex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà fl-indirizzar tat-tifqigħa ta’ COVID-19, jenħtieġ li tiġi pprovduta aktar flessibbiltà lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi, u jenħtieġ li tiġi pprovduta proċedura simplifikata li ma teħtieġx deċiżjoni tal-Kummissjoni għal bidliet fil-programmi operazzjonali. L-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata lill‐Kummissjoni dwar bidliet bħal dawn jenħtieġ li tiġi ċċarata.

(6)

Sabiex iwieġbu għall-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika, l-istrumenti finanzjarji li huma ffinanzjati mill-Fondi jenħtieġ li jipprovdu wkoll appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju lill-SMEs jekk meħtieġ bħala miżura temporanja biex jipprovdu rispons effettiv għall-kriżi tas-saħħa pubblika.

(7)

Sabiex jiġi pprovdut rispons immedjat għall-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim ta’ kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet jenħtieġ li tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li Stati Membri jkollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jagħmlu l‐investimenti meħtieġa mingħajr dewmien, huwa xieraq li l-Kummissjoni ma toħroġx ordnijiet ta’ rkupru għal ammonti li jistgħu jiġu rkuprati minn Stati Membri għall-kontijiet annwali ppreżentati fl-2020. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw l-ammonti mhux irkuprati biex jaċċelleraw l-investimenti relatati mat-tifqigħa ta’ COVID-19 u li jkunu eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-regoli speċifiċi għall-Fond.

(9)

L-ammonti mhux irkuprati fl-2020 għandhom jiġu rilaxxati jew soġġetti għal ordnijiet ta’ rkupru fl-għeluq tal-programmi.

(10)

Sabiex jirrispondi għall-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika, il-FEMS għandu jappoġġa fondi reċiproċi u assigurazzjoni fuq l-istokkijiet sabiex jiġi salvagwardjat id-dħul tas‐sajjieda u tal-bdiewa tal-akkwakultura affettwati mill-kriżi tas-saħħa pubblika.

(11)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri r-rispons għall-impatt tal-kriżi tas-saħħa pubblika ma jistgħax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l‐iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat‐Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘TUE’). F’konformità mal-prinċipju tal‐proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(12)

Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil‐jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(13)

Fid-dawl tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u l-urġenza biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat‐Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(14)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 (3), (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 (4) tal‐Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1301/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Barra minn hekk, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-finanzjament tal-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għal kriżi tas‐saħħa pubblika.”;

(2)

fl-Artikolu 5, il-punt 1(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-promozzjoni tal-investiment fin-negozju fl-R&I, l-iżvilupp ta’ rabtiet u sinerġiji bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp u s-settur tal-edukazzjoni superjuri, partikolarment il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, it‐trasferiment tat-teknoloġija, l-innovazzjoni soċjali, l-ekoinnovazzjoni, l‐applikazzjonijiet tas-servizz pubbliku, l-istimulu tad-domanda, in-netwerking, ir‐raggruppamenti u l-innovazzjoni miftuħa permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-appoġġ għar-riċerka teknoloġika u applikata, il-linji pilota, l‐azzjonijiet ta’ validazzjoni bikrija tal-prodotti, il-kapaċitajiet ta’ manifattura avvanzati u l-ewwel produzzjoni, b’mod partikolari fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali u t-tixrid ta’ teknoloġiji għal għanijiet ġenerali kif ukoll it-trawwim tal‐investiment meħtieġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fis‐servizzi tas-saħħa;”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 30, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE, l-Istat Membru jista’ jittrasferixxi matul il-perijodu ta’ programmazzjoni ammont sa 8 % tal-allokazzjoni mill-1 ta’ Frar 2020 ta’ prijorità u mhux aktar minn 4 % tal-baġit tal-programm għal prijorità oħra tal-istess Fond tal‐istess programm.

Tali trasferimenti ma għandhomx jaffettwaw snin preċedenti. Dawn għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjali u ma għandhomx jirrikjedu deċiżjoni tal‐Kummissjoni li temenda l-programm. Madankollu, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji kollha u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-kumitat ta’ monitoraġġ. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill‐Kummissjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 37(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Strumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju lill‐SMEs, jekk meħtieġ bħala miżura temporanja, biex jipprovdu rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika.”;

(3)

fl-Artikolu 65(10), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-paragrafu 9, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim ta’ kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19 għandha tkun eliġibbli mill‐1 ta’ Frar 2020.”;

(4)

fl-Artikolu 96, il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(5), il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tapprova l-elementi kollha, inkluż kwalunkwe emenda futura tagħha, tal-programm operazzjonali li jaqa’ taħt dan l‐Artikolu, minbarra dawk li jaqgħu taħt il-punti (b)(vi), (c)(v) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-paragrafi 4 u 5, u l-punti (a) u (c) tal-paragrafu 6 u l‐paragrafu 7, li jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri”;

(5)

fl-Artikolu 139(7), jiżdiedu s-sottoparagrafi li ġejjin:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ ordni ta’ rkupru għall-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mill-Istat Membru għall-kontijiet ippreżentati fl‐2020. L-ammonti mhux irkuprati għandhom jintużaw biex jiġu aċċellerati l-investimenti relatati mat-tifqigħa COVID-19 u li jkunu eliġibbli skont dan ir-Regolament u regoli speċifiċi għall-Fond.

L-ammonti mhux irkuprati għandhom jiġu rilaxxati jew irkuprati fil-mument tal-għeluq.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fondi reċiproċi għal kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi u inċidenti ambjentali”;

(b)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-FEMS jista’ jikkontribwixxi għal fondi reċiproċi li jħallsu kumpens finanzjarju lil sajjieda għal telf ekonomiku kkawżat minn kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi jew minn inċidenti ambjentali jew għall-kostijiet ta’ salvataġġ tas-sajjieda u tal-bastimenti tas-sajd f’każ li jkun hemm inċidenti fuq il-baħar matul l-attivitajiet tas-sajd tagħhom.”;

(c)

il-paragrafi 5 u 6 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-fondi reċiproċi, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens u l-eliġibbiltà tas-sajjieda għal tali kumpens f’każ ta’ kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar kif imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l‐arranġamenti relatati mal-fondi jipprevedu pieni fil-każ ta’ negliġenza min‐naħa tas-sajjied.

6.   Kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk rikonoxxuti formalment li seħħew mill-awtorità kompetenti tal‐Istat Membru kkonċernat.”;

(d)

il-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw biss biex jiġi kopert it-telf ikkawżat minn kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar li jammontaw għal iktar minn 30 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkolat abbażi tal-medja tal-fatturatta’ dak in-negozju matul it-tliet snin kalendarji preċedenti.”.

(2)

fl-Artikolu 57(1) jiżdied il-punt li ġej:

”(e)

kriżijiet tas-saħħa pubblika.”.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall‐Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d‐dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‐15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal‐Kunsill (GU L 149, 20.5.2014, p. 1).