17.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/66


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/206

tal-14 ta’ Frar 2020

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-polpa tal-frott, tal-meraq tal-polpa u tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni. L-ikel tradizzjonali minn pajjiż terz huwa ikel ġdid iddefinit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 (2) jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi dwar ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi.

(3)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (3) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(4)

Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni u dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz.

(5)

Fit-30 ta’ Jannar 2019 u fit-28 ta’ Marzu 2019, il-kumpaniji Nestec York Ltd. u Cabosse Naturals NV. (“l-applikanti”) ippreżentaw notifika lill-Kummissjoni li kienu biħsiebhom iqiegħdu fis-suq il-polpa tal-frott, il-meraq tal-polpa u l-meraq ikkonċentrat tal-polpa minn Theobroma cacao L. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikanti qed jitolbu li l-polpa tal-frott, il-meraq tal-polpa u l-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. jiġu kkunsmati mill-popolazzjoni ġenerali bħala tali jew bħala ingredjent.

(6)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikanti fir-rigward tal-validità tan-notifika. L-informazzjoni mitluba ngħatat fit-12 ta’ April 2019 u fl-20 ta’ Ġunju 2019.

(7)

Id-data ppreżentata mill-applikanti turi li l-polpa tal-frott, il-meraq tal-polpa u l-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. għandhom storja ta’ użu sikur bħala ikel fil-Brażil.

(8)

Bi qbil mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fit-22 ta’ Mejju 2019 u fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni bagħtet in-notifiki validi lill-Istati Membri u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(9)

Ma tressqux oġġezzjonijiet debitament motivati b’rabta mas-sigurtà għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-polpa tal-frott, tal-meraq tal-polpa u tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew mill-Awtorità fil-perjodu ta’ erba’ xhur stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tawtorizza t-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-polpa tal-frott, tal-meraq tal-polpa u tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. u taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-polpa tal-frott, il-meraq tal-polpa u l-meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropea u l-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 55).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 1 (L-ikel ġdid awtorizzat) f’ordni alfabetika:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

“Polpa tal-frott, meraq tal-polpa u meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L. (Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz)

Mhux speċifikat

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)”, “meraq tal-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.) “ jew “meraq ikkonċentrat tal-polpa tal-kawkaw (Theobroma cacao L.)”, skont il-forma użata.”

 

(2)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) f’ordni alfabetika:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Polpa tal-frott, meraq tal-polpa u meraq ikkonċentrat tal-polpa tat-Theobroma cacao L.

(Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz)

Deskrizzjoni/Definizzjoni

L-ikel tradizzjonali huwa l-polpa tal-frott mill-kawkaw (Theobroma cacao L), li huwa “sustanza milwiema, muċillaġinuża u aċiduża li fiha huma inkorporati ż-żrieragħ”.

Il-polpa tal-frott tal-kawkaw tinkiseb billi jinqasam il-miżwed tal-kawkaw segwit b’separazzjoni mill-ħliefa u l-fażola; il-polpa tiġi mbagħad soġġetta għall-pastorizzazzjoni u l-iffriżar. Il-meraq tal-kawkaw u/jew il-meraq ikkonċentrat tal-polpa tal-kawkaw jiġu prodotti wara l-ipproċessar (trattament enżimatiku, pasturizzazzjoni, filtrazzjoni u konċentrazzjoni).

Data kompożizzjonali tipika tal-polpa tal-frott tal-kawkaw, tal-meraq tal-polpa, u tal-meraq ikkonċentrat tal-polpa

Proteina (g/100 g): 0,0 sa 2,0

Xaħam totali (g/100 g): 0,0 sa 0,2

Zokkor totali (g/100 g): > 11,0

Il-livell Brix (° Brix): ≥ 14

pH: 3,3 sa 4,0

Kriterji mikrobijoloġiċi

Għadd Totali tal-Kolonji (aerobiku): < 10 000 cfu  (1)/g

Enterobacteriacae: ≤ 10 cfu/g

Salmonella: Assenza f’25 g


(1)  Cfu: Unità li tifforma kolonji.”