14.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/198

tat-13 ta’ Frar 2020

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment tar-reġistru ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti fis-settur tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u l-elenkar tad-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti f’dak ir-reġistru

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 u l-Artikolu 26(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (2) stabbilixxa l-lista ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat mogħtija protezzjoni skont dak ir-Regolament. Ir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 251/2014. Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 jistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi fis-settur tal-inbid aromatizzat. Dak il-Kapitolu jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li fost l-oħrajn tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi u żżomm reġistru elettroniku aċċessibbli pubblikament ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti tal-inbid aromatizzat protetti skont dak ir-Regolament. Jenħtieġ li dak ir-reġistru jinżamm f’sit elettroniku tal-Kummissjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014, id-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti tal-prodotti tal-inbid aromatizzat elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 1601/91, jew sottomessi lil Stat Membru u approvati minn dak l-Istat Membru qabel is-27 ta’ Marzu 2014, huma awtomatikament protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont dak ir-Regolament. Madankollu, skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014, jenħtieġ li d-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti li għalihom l-Istat Membru kkonċernat ma bagħatx il-fajl tekniku u d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Marzu 2017 jitneħħew mir-reġistru.

(3)

Sat-28 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni rċeviet il-fajl tekniku u d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni għad-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti tal-prodotti tal-inbid aromatizzat elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 1601/91 “Nürnberger Glühwein” (fis-17 ta’ Marzu 2017), “Samoborski bermet” (fit-23 ta’ Marzu 2017), “Thüringer Glühwein” (fis-17 ta’ Marzu 2017) u l-“Vermut di Torino” jew il-“Vermouth di Torino” (fl-24 ta’ Marzu 2017).

(4)

Id-denominazzjoni ġeografika “Vino Naranja del Condado de Huelva” ġiet approvata minn Spanja fis-6 ta’ Lulju 2011. Il-Kummissjoni rċeviet il-fajl tekniku relatat u d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni fl-14 ta’ Marzu 2017.

(5)

Il-Kummissjoni vvalutat id-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti “Nürnberger Glühwein”, “Samoborski bermet”, “Thüringer Glühwein”, “Vermut di Torino” jew “Vermouth di Torino” u “Vino Narana del Condado de Huelva”, u kkonkludiet li dawn jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika kif prevista fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti “Nürnberger Glühwein”, “Samoborski bermet”, “Thüringer Glühwein”, “Vermut di Torino” jew “Vermouth di Torino” u “Vino Narana del Condado de Huelva” jiġu rreġistrati fir-reġistru bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat protetti bir-Regolament (UE) Nru 251/2014.

(7)

Il-Kummissjoni ma rċevietx il-fajl tekniku u d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni tad-denominazzjoni ġeografika eżistenti “Vermouth de Chambéry”. Id-denominazzjoni ġeografika eżistenti “Vermouth de Chambéry” għalhekk tilfet il-protezzjoni mid-29 ta’ Marzu 2017. Peress li r-reġistru għad irid jiġi stabbilit, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrifjuta li telenka l-isem “Vermouth de Chambéry” fir-reġistru.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u wara talba mill-applikanti, jenħtieġ li l-isem tad-denominazzjoni ġeografika Taljana eżistenti indikata fl-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 1601/91 bħala jew “Vermouth di Torino” jew “Vermut di Torino” skont il-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament, jiddaħħal fir-reġistru bħala “Vermut di Torino” / “Vermouth di Torino”,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Reġistru

1.   Ir-reġistru elettroniku tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti tal-inbid aromatizzat (“ir-reġistru”) imsemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 huwa b’dan stabbilit permezz ta’ sistema diġitali li l-Kummissjoni għandha tagħmel aċċessibbli għall-pubbliku.

2.   Ir-reġistru għandu jelenka l-isem (jew l-ismijiet) tal-prodotti tal-inbid aromatizzat protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014.

Artikolu 2

Denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti

Id-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti li ġejjin huma elenkati fir-reġistru bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi li huma protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014:

(a)

“Nürnberger Glühwein”;

(b)

“Samoborski bermet”;

(c)

“Thüringer Glühwein”;

(d)

“Vermut di Torino”/“Vermouth di Torino”;

(e)

“Vino Naranja del Condado de Huelva”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1).