16.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/35

tal-15 ta’ Jannar 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet miżuri definittivi ta’ salvagwardja fuq ċerti prodotti tal-azzar (“ir-Regolament definittiv”) (3). Il-miżuri imposti mir-Regolament definittiv jikkonsistu fi kwota tariffarja (“TRQ”) fir-rigward ta’ 26 kategorija ta’ prodotti tal-azzar, stabbilita f’livell għoli biżżejjed biex tippreserva l-flussi kummerċjali tradizzjonali. B’mod partikolari, il-limiti kwantitattivi ġew stabbiliti permezz ta’ referenza għall-importazzjonijiet matul il-perjodu 2015-2017, b’żieda ta’ 5 % sabiex jingħata lok għal biżżejjed provvista u tkun aċċertata l-kompetizzjoni fis-suq tal-UE. Dazju tariffarju ta’ 25 % japplika biss lil hinn minn dawk il-livelli kwantitattivi stabbiliti fuq bażi ta’ skont il-kategorija ta’ prodotti.

(2)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1590 (4) (ir-“Regolament emendatorju”), il-Kummissjoni emendat dawn il-miżuri, wara investigazzjoni ta’ rieżami, sabiex jirriflettu t-tibdil fiċ-ċirkostanzi li seħħ matul il-perjodu tal-impożizzjoni tal-miżuri u sabiex il-miżuri jsiru aktar effettivi, abbażi tal-interess tal-Unjoni.

(3)

Fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni ta’ rieżami, xi partijiet, inkluża l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Vetturi (“ACEA”), talbu l-esklużjoni tal-kategorija ta’ prodotti 4B (li tkopri l-folji miksija metalliċi użati primarjament fis-settur awtomobilistiku) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri. L-ACEA argumentat li l-użu ta’ dik il-kategorija ta’ prodotti mill-industrija awtomobilistika tal-Unjoni kien fundamentali għall-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet kummerċjali normali ta’ din l-industrija. Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien fl-interess tal-Unjoni li l-flussi kummerċjali tradizzjonali tat-tipi ta’ prodotti użati mill-industrija awtomobilistika jkunu delimitati, ma sabet l-ebda raġuni għal esklużjoni daqshekk diretta mis-sistema tat-TRQ. Wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, minflok esklużjoni, il-Kummissjoni, għaldaqstant, iddeċidiet li l-użu tal-kategorija 4B (li jista’ jinkludi wkoll il-prodotti għal użi oħra) jenħtieġ li jkun ristrett biss għall-importazzjonijiet li jistgħu juru użu aħħari fis-settur awtomobilistiku. Għaldaqstant, permezz tar-Regolament emendatorju, l-importazzjonijiet korrispondenti tqiegħdu taħt il-proċedura tal-użu aħħari msemmija fl-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Is-settur awtomobilistiku u l-fornituri tal-azzar tiegħu b’mod ġenerali laqgħu din is-soluzzjoni billi din taċċerta l-użu esklussiv tat-TRQ għall-kategorija ta’ prodotti 4B mill-industrija awtomobilistika tal-Unjoni, kif ukoll tipproteġi l-flussi kummerċjali tradizzjonali. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-Membri tad-WTO wkoll ma wrew l-ebda oppożizzjoni għal din il-bidla fir-rigward tal-kategorija 4B.

(4)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju, il-Kummissjoni baqgħet f’kuntatt mill-qrib mal-ACEA u mal-esportaturi (b’mod partikolari Koreani) tal-prodotti tal-azzar li jaqgħu taħt il-kategorija 4B. Ladarba l-industrija tal-utenti ma kinitx qed timporta direttament il-prodott soġġett għar-rekwiżit tal-użu aħħari, l-implimentazzjoni ta’ dik il-proċedura kienet tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-importazzjoni, mill-ordnijiet inizjali sal-mument li fih l-importazzjonijiet jaslu għand l-utent aħħari tal-prodott. Il-Kummissjoni saret konxja tal-fatt li l-kooperazzjoni mill-qrib meħtieġa fost diversi operaturi (li tinvolvi l-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti mogħtija lill-industrija awtomobilistika tal-Unjoni, l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda favur l-importaturi, u/jew it-trasferiment tad-drittijiet u l-obbligi bejn id-diversi partijiet involuti fil-katina tal-provvista relatata) ma ħadmitx kif kien mistenni oriġinarjament. Minħabba f’hekk, proporzjon kunsiderevoli tal-importazzjonijiet taħt il-kategorija ta’ prodotti 4B ma setgħetx issir wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri emendati, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni, l-esportaturi, l-importaturi tal-azzar, u l-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi kienu qed jikkooperaw mill-qrib biex isolvu dawk il-kwistjonijiet. Lanqas ma kien possibbli li jitħaffef il-proċess amministrattiv sabiex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet għall-użu aħħari meħtieġa.

(5)

Apparti minn hekk deher ukoll li kwalunkwe soluzzjoni biex tiġi implimentata proċedura effettiva tal-użu aħħari xorta tkun teħtieġ iż-żmien, mingħajr ebda garanzija ta’ rimedji adegwati u immedjati. Sadanittant, proporzjon sinifikanti tal-prodotti tal-kategorija 4B jinsab miżmum fil-fruntiera doganali tal-Unjoni jistenna li jiġi żdoganat. Dan jaffettwa serjament u negattivament, jew saħansitra jfixkel, il-katini tal-provvista bbażati fuq sistema “eżatt fil-ħin”, b’mod partikolari għaliex l-industrija awtomobilistika tal-Unjoni tiddependi b’qawwa fuq gradi tal-azzar speċjalizzati ferm. Meta jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi potenzjali u l-fatt li tali limitazzjonijiet huma evidentement f’kontradizzjoni mal-objettiv tal-Kummissjoni li taċċerta l-fluss kummerċjali tradizzjonali fl-interess tal-Unjoni, wara li semgħet il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha involuti f’din il-kwistjoni, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura tal-użu aħħari għal din il-kategorija jenħtieġ li tiġi revokata.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 u l-annessi tiegħu jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati għal darb’oħra sabiex jirriflettu b’mod adegwat is-sitwazzjoni li kienet tipprevali qabel l-introduzzjoni tar-rekwiżit tal-użu aħħari għall-kategoriji 4 A u 4B permezz tar-Regolament emendatorju.

(7)

Wara konsultazzjonijiet mal-Korea, il-pajjiż esportatur li ntlaqat l-aktar mill-mekkaniżmu tal-użu aħħari, il-Kummissjoni qieset li l-allokazzjoni tal-volum tat-TRQ bejn il-kategoriji ta’ prodotti 4 A u 4B għal dan il-pajjiż, kif stabbilita skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, jenħtieġ li tiġi emendata wkoll. Dan huwa meħtieġ sabiex jitqies il-volum tal-gradi tal-azzar għas-settur awtomobilistiku li ġew importati taħt il-kategorija ta’ prodotti 4 A mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju, minħabba l-impossibbiltà li jiġu importati taħt il-kategorija ta’ prodotti 4B soġġetti għall-mekkaniżmu tal-użu aħħari.

(8)

Il-Kummissjoni għadha tal-fehma li, fl-interess tal-Unjoni, jista’ jkun hemm bżonn, fi stadju ulterjuri, mekkaniżmu speċifiku – il-proċedura tal-użu aħħari (ladarba l-kwistjonijiet rigward l-implimentazzjoni jiġu solvuti) jew inkella sistema alternattiva – ikun kif ikun stabbilit, sabiex jiġu delimitati l-importazzjonijiet tal-gradi tal-azzar għas-settur awtomobilistiku taħt il-kategorija ta’ prodotti 4B. Għaldaqstant dawn il-kwistjonijiet se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ rieżami fil-futur, abbażi tal-kummenti u l-proposti magħmula mill-partijiet interessati, kif ukoll ta’ żviluppi oħra li jolqtu din il-kategorija ta’ prodotti. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota wkoll li l-Kummissjoni dan l-aħħar tat bidu għal investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ azzar inossidabbli li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jaqgħu fil-kategorija ta’ prodotti 4 (6).

(9)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jingħata effett retroattiv, u b’hekk jirrevoka, mill-1 ta’ Ottubru 2019, ir-rekwiżit tal-użu aħħari introdott mir-Regolament emendatorju. Dan se jippermetti wkoll li jintradd lura kull dazju ta’ salvagwardja eventwali li seta’ tħallas abbażi tat-TRQ stabbilita mir-Regolament emendatorju iżda li ma jibqax iġġustifikat aktar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/478 u tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2015/755 rispettivament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 huwa sostitwit kif ġej:

“2.   Għal kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati, u bl-eċċezzjoni tal-kategorija ta’ prodotti 1 u l-kategorija ta’ prodotti 25, parti minn kull kwota tariffarja hija allokata lill-pajjiżi speċifikati fl-Anness IV.”

2.   It-taqsima relatata mal-kategoriji 4 A u 4B tal-Anness IV.1 – Volumi ta’ kwoti tariffarji tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 hija sostitwita bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.

(2)   ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27.)

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1590 tas-26 ta’ Settembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 28).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(6)   ĠU L 304, 26.11.2019, p. 10.


ANNESS

Numru tal-Prodott

Kategorija tal-prodott

Kodiċijiet TARIC/NM:

Allokazzjoni skont il-pajjiż (Fejn Applikabbli)

Mit-2.2.2019 sat-30.6.2019

Mill-1.7.2019 sat-30.6.2020

Mill-1.7.2020 sat-30.6.2021

Rata tad-dazju addizzjonali

Numri tal-ordnijiet

Volum tal-kwota tariffarja (tunnellati netti)

Volum tal-kwota tariffarja (tunnellati netti)

Volum tal-kwoti tariffarji (tunnellati netti)

4.A  (1)

Folji Miksija Metalliċi

Kodiċijiet TARIC: 7210 41 00 20, 7210 49 00 207210 61 00 20, 7210 69 00 20, 7212 30 00 20, 7212 50 61 20, 7212 50 69 20, 7225 92 00 20, 7225 99 00 11, 7225 99 00 22, 7225 99 00 40, 7225 99 00 91, 7225 99 00 92, 7226 99 30 10, 7226 99 70 11, 7226 99 70 91, 7226 99 70 94

Il-Korea (Ir-Repubblika ta’)

69 571,10

328 792,63

180 804,79

25 %

09.8816

L-Indja

83 060,42

209 574,26

215 861,48

25 %

09.8817

Pajjiżi oħra

761 518,93

1 921 429,81

1 979 072,71

25 %

 (2)

4.B  (3)

Kodiċijiet NM: 7210 20 00 , 7210 30 00 , 7210 90 80 , 7212 20 00 , 7212 50 20 , 7212 50 30 , 7212 50 40 , 7212 50 90 , 7225 91 00 , 7226 99 10

Kodiċijiet TARIC: 7210 41 00 80, 7210 49 00 80, 7210 61 00 80, 7210 69 00 80, 7212 30 00 80, 7212 50 61 80, 7212 50 69 80, 7225 92 00 80, 7225 99 00 25, 7225 99 00 95, 7226 99 30 90, 7226 99 70 19, 7226 99 70 96

Iċ-Ċina

204 951,07

517 123,19

532 636,89

25 %

09.8821

Il-Korea (Ir-Repubblika ta’)

249 533,26

476 356,93

648 499,26

25 %

09.8822

L-Indja

118 594,25

299 231,59

308 208,54

25 %

09.8823

It-Tajwan

49 248,78

124 262,26

127 990,13

25 %

09.8824

Pajjiżi oħra

125 598,05

316 903,26

326 410,36

25 %

 (4)


(1)  Prodotti soġġetti għad-dazji antidumping

(2)  Mit-2.2.2019 sal-31.3.2019, mill-1.7.2019 sal-31.3.2020 u mill-1.7.2020 sal-31.3.2021: 09.8609.

Mill-1.4.2019 sat-30.6.2019, mill-1.4.2020 sat-30.6.2020 u mill-1.4.2021 sat-30.6.2021: 09.8610

(3)  Prodotti mhux soġġetti għad-dazji antidumping (inklużi l-karozzi)

(4)  Mit-2.2.2019 sal-31.3.2019, mill-1.7.2019 sal-31.3.2020 u mill-1.7.2020 sal-31.3.2021: 09.8611.

Mill-1.4.2019 sat-30.6.2019, mill-1.4.2020 sat-30.6.2020 u mill-1.4.2021 sat-30.6.2021: 09.8612