23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 434/66


DEĊIŻJONI Nru 19-2020 TAL-QORTI TAL-AWDITURI

tal-14 ta’ Diċembru 2020

dwar l-emenda tal-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha

IL-QORTI TAL-AWDITURI,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-approvazzjoni mogħtija mill-Kunsill fit-23 ta’ Novembru 2020,

Billi:

(1)

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri (il-Qorti) ma jipprevedux il-possibbiltà li l-Qorti tadotta d-deċiżjonijiet tagħha mill-bogħod, jiġifieri, permezz ta’ vidjokonferenza jew konferenza telefonika, f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jkunu jikkostitwixxu forza maġġuri.

(2)

Sabiex jippermettu lill-Qorti tadotta d-deċiżjonijiet tagħha mill-bogħod f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jkunu jikkostitwixxu forza maġġuri, u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Qorti f’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li r-Regoli ta’ Proċedura tagħha jiġu emendati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri huwa b’dan sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   Il-Qorti għandha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha f’seduta formali, ħlief meta tagħmel użu mill-proċedura bil-miktub stabbilita fl-Artikolu 25(5).

2.   F’ċirkustanzi debitament iġġustifikati u eċċezzjonali, li jkunu jikkostitwixxu forza maġġuri, b’mod partikolari, kriżijiet maġġuri ta’ saħħa pubblika, diżastri naturali jew atti ta’ terroriżmu, li jiġu ddeterminati mill-President, il-Qorti tista’ tadotta d-deċiżjonijiet tagħha f’sessjoni formali, permezz ta’ laqgħa mill-bogħod, jiġifieri permezz ta’ vidjokonferenza jew konferenza telefonika, li fiha l-Membri jistgħu jipparteċipaw jew fil-Qorti jew f’post ieħor. Il-President għandu jsejjaħ u jippresiedi dawn il-laqgħat u jkun responsabbli għat-twettiq xieraq tagħhom. Il-proċedura bil-miktub stabbilita fl-Artikolu 25(5) għandha tapplika mutatis mutandis.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika għal-laqgħat tal-Kmamar u tal-Kumitati. Id-Dekan jew il-President tal-Kamra jew tal-Kumitat rispettivi għandu jsejjaħ u jippresiedi dawn il-laqgħat u jkun responsabbli għat-twettiq xieraq tagħhom.

4.   Id-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli 4(4), 7(2) u 13(1), li jittieħdu permezz ta’ vot sigriet, jistgħu jiġu adottati mill-Qorti f’laqgħa mill-bogħod skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dment li tiġi żgurata s-segretezza tal-vot.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President