27.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/43


EMENDA 1/2020 TAT-23 TA’ LULJU 2020 GĦAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-BORD SUPERVIŻORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Il-BORD SUPERVIŻORJU tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 13d tagħha,

Billi:

(1)

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bord Superviżorju ssegwi sistema ta’ rotazzjoni li biha r-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jinħatru għal wieħed mill-erba’ gruppi, kif stabbilit fl-Anness għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”). Peress li l-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta deċiżjoni li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Hrvatska narodna banka (il-Bank Nazzjonali Kroat) (4) u Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) (5), rispettivament, ir-rappreżentanti ta’ dawk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu inklużi fil-gruppi f’konformità mar-regoli stabbiliti fit-tieni u l-ħames sentenzi tal-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura.

(2)

Barra minn hekk, għandhom isiru ċerti aġġustamenti tekniċi biex jiġu ċċarati l-proċeduri għall-votazzjoni u għall-preżentazzjoni ta’ kummenti fi proċeduri bil-miktub, kif ukoll għas-sottomissjoni ta’ dokumenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija lill-membri tal-Bord Superviżorju.

(3)

Għalhekk, ir-Regoli tal-Proċedura għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-EMENDA GĦAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA:

Artikolu 1

Emenda

Ir-Regoli tal-Proċedura huma emendati hekk kif ġej:

1.

L-Artikolu 6 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

L-Artikolu 6.3 huwa sostitwit b’li ġej:

“6.3.

Sabiex ikun jista’ jittieħed vot fi ħdan il-Bord Superviżorju, għandu jkun hemm kworum ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li għandhom id-dritt tal-vot fil-ħin li ssir il-votazzjoni. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista’ jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha l-membri tal-Bord Superviżorju jistgħu jivvutaw mingħajr ma jitqies il-kworum.”

(b)

Huwa miżjud l-Artikolu 6.8 li ġej:

“6.8.

Għal kwalunkwe proċedura bil-miktub, membru tal-Bord Superviżorju jista’ jawtorizza espressament lil persuna oħra biex tiffirma l-vot tagħhom jew kumment tagħhom dwar is-sustanza kif approvat minnhom personalment.”;

2.

L-Artikolu 12.3 huwa ssostitwit b’li ġej:

“12.3.

L-aġenda u d-dokumenti relatati ta’ kwalunkwe laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom ikunu disponibbli qabel tali laqgħa għall-membri kollha tal-Bord Superviżorju. Il-proċedimenti ta’ kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom ikunu disponibbli lill-membri kollha tal-Bord Superviżorju qabel il-laqgħa sussegwenti tal-Bord Superviżorju.”

3.

L-Anness għar-Regoli tal-Proċedura huwa ssostitwit bl-Anness għal dan.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din l-emenda għar-Regoli tal-Proċedura għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2020.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Bord Superviżorju

Andrea ENRIA


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(3)   ĠU L 182, 21.6.2014, p. 56.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224 I, 13.7.2020, p. 4).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224 I,13.7.2020, p. 1).


ANNESS

“ANNESS

Sistema ta’ rotazzjoni

Għall-finijiet tal- Artikolu 11.3, is-sistema ta’ rotazzjoni li ġejja għandha tapplika, fuq il-bażi tad-data sal-31 ta’ Diċembru 2019:

Grupp

Stat Membru Parteċipanti

Numru ta’ siġġijiet fil-Kumitat ta’ Tmexxija

1

DE

1

FR

2

ES

1

IT

NL

3

BE

2

IE

EL

LU

AT

PT

FI

4

BG

EE

HR

1

CY

LV

LT

MT

SI

SK