26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/49


DEĊIŻJONI TAL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA

tal-15 ta’ Mejju 2020

li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(1)(q) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedu li l-konformità mar-regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tirrigwardahom għandha tkun soġġetta għall-kontroll minn awtorità indipendenti.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi l-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti, imsejħa l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), responsabbli biex tiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikulari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, jiġu rrispettati mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi wkoll id-dmirijiet u s-setgħat tal-EDPS kif ukoll il-ħatra ta’ Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi ulterjorment li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun assistit minn Segretarjat u jistabbilixxi għadd ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-persunal u materji marbuta mal-baġit.

(5)

Dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprevedu wkoll kompiti u setgħat għall-EDPS, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament (UE) 2017/1939 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(6)

Wara li kkonsulta mal-Kumitat tal-Persunal tal-EDPS,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TITOLU I

MISSJONI, DEFINIZZJONIJIET, PRINĊIPJI GWIDA U ORGANIZZAZZJONI

KAPITOLU I

Missjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

L-EDPS

L-EDPS għandu jaġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725, ta’ kwalunkwe att legali tal-Unjoni rilevanti ieħor u ta’ din id-Deċiżjoni, u jimxi mal-prijoritajiet strateġiċi li jista’ jistabbilixxi l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ir-Regolament” tfisser ir-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

“GDPR” tfisser ir-Regolament (UE) 2016/679;

(c)

“istituzzjoni” tfisser istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni li hu/hi soġġett/a għar-Regolament jew għal kwalunkwe att legali ieħor tal-Unjoni li jipprevedi kompiti u setgħat għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

(d)

“EDPS” tfisser il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bħala korp tal-Unjoni;

(e)

“Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dat a” tfisser il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data maħtur mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament;

(f)

“EDPB” tfisser il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bħala korp tal-Unjoni stabbilit mill-Artikolu 68(1) tal-GDPR;

(g)

“segretarjat tal-EDPB” tfisser is-segretarjat tal-EDPB stabbilit mill-Artikolu 75 tal-GDPR.

KAPITOLU II

Prinċipji gwida

Artikolu 3

Governanza tajba, integrità u mġiba amministrattiva tajba

1.   L-EDPS għandu jaġixxi fl-interess pubbliku bħala espert kif ukoll bħala korp indipendenti, affidabbli, proattiv u awtoritattiv fil-qasam tal-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali.

2.   L-EDPS għandu jaġixxi f’konformità mal-Qafas tal-Etika tal-EDPS.

Artikolu 4

Responsabbiltà u trasparenza

1.   L-EDPS għandu jippubblika minn żmien għal żmien il-prijoritajiet strateġiċi tiegħu u Rapport Annwali.

2.   L-EDPS, bħala kontrollur tad-data, għandu jmexxi bl-eżempju billi jirrispetta l-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

3.   L-EDPS għandu jikkomunika b’mod miftuħ u trasparenti mal-midja u mal-partijiet ikkonċernati u jispjega l-attivitajiet tiegħu lill-pubbliku b’lingwaġġ ċar.

Artikolu 5

Effiċjenza u effettività

1.   L-EDPS għandu juża mezzi amministrattivi u tekniċi tal-ogħla livell sabiex jimmassimizza l-effiċjenza u l-effettività fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż il-komunikazzjoni interna u d-delegar xieraq tal-kompiti.

2.   L-EDPS għandu jimplimenta mekkaniżmi u għodod adattati sabiex jiżgura l-ogħla livell ta’ ġestjoni tal-kwalità, bħal standards ta’ kontroll intern, proċess ta’ ġestjoni tar-riskju u r-rapport annwali tal-attività.

Artikolu 6

Kooperazzjoni

L-EDPS għandu jippromwovi l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data kif ukoll ma’ kwalunkwe awtorità pubblika oħra li l-attivitajiet tagħha jista’ jkollhom impatt fuq il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali.

KAPITOLU III

Organizzazzjoni

Artikolu 7

Ir-Rwol tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiddeċiedi l-prijoritajiet strateġiċi tal-EDPS u jadotta d-dokumenti ta’ politika li jikkorrispondu għall-kompiti u s-setgħat tal-EDPS.

Artikolu 8

Is-segretarjat tal-EDPS

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiddetermina l-istruttura organizzazzjonali tas-segretarjat tal-EDPS. Mingħajr preġudizzju għall-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-EDPB tal-25 ta’ Mejju 2018, b’mod partikolari fir-rigward tas-segretarjat tal-EDPB, l-istruttura għandha tirrifletti l-prijoritajiet strateġiċi stabbiliti mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 9

Id-Direttur u l-Awtorità tal-Ħatra

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-EDPB tal-25 ta’ Mejju 2018, b’mod partikolari l-punt VI(5) tiegħu, id-Direttur għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra fit-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (7) u s-setgħat mogħtija lil min hu awtorizzat li jikkonkludi kuntratti ta’ impjieg skont l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 u s-setgħat l-oħra kollha relatati li jirriżultaw minn deċiżjonijiet amministrattivi oħra, kemm fi ħdan l-EDPS kif ukoll ta’ natura interistituzzjonali, sakemm id-deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra u lil min hu awtorizzat li jikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ma tipprevedix mod ieħor.

2.   Id-Direttur jista’ jiddelega l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 lill-uffiċjal responsabbli mill-amminstrazzjoni tar-riżorsi umani.

3.   Id-Direttur għandu jkun l-uffiċjal rapportatur għall-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, l-Uffiċjal għas-Sigurtà Lokali, l-Uffiċjal Lokali għas-Sigurtà tal-Informazzjoni, l-Uffiċjal għat-Trasparenza, l-Uffiċjal għas-Servizz Legali, l-Uffiċjal għall-Etika u l-Koordinatur tal-Kontroll Intern għall-kompiti li jirrigwardaw dawn il-funzjonijiet.

4.   Id-Direttur għandu jassisti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex jiżgura l-konsistenza u għandu jassisti l-koordinazzjoni ġenerali tal-EDPS u kwalunkwe kompitu ieħor li jiġi ddelegat lilu jew lilha mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

5.   Id-Direttur jista’ jadotta d-deċiżjonijiet tal-EDPS dwar l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet ibbażati fuq ir-regoli interni tal-EDPS li jimplimentaw l-Artikolu 25 tar-Regolament.

Artikolu 10

Laqgħa tal-Maniġment

1.   Il-Laqgħa tal-Maniġment għandha tinvolvi l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, id-Direttur u l-Kapijiet tal-Unitajiet u s-Setturi u għandha tiżgura sorveljanza strateġika tal-ħidma tal-EDPS.

2.   Meta l-Laqgħa tal-Maniġment tkun dwar kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani, il-baġit, il-finanzi jew kwistjonijiet amministrattivi rilevanti għall-EDPB jew għas-segretarjat tal-EDPB, din għandha tinvolvi wkoll lill-Kap tas-segretarjat tal-EDPB.

3.   Il-Laqgħa tal-Maniġment għandha tiġi ppreseduta mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew f’każijiet li ma jkunx jista’ jattendi jew ma tkunx tista’ tattendi għal-laqgħa, mid-Direttur. Bħala regola, il-Laqgħa tal-Maniġment għandha ssir mill-inqas darba fil-ġimgħa.

4.   Id-Direttur għandu jiżgura l-funzjonament xieraq tas-segretarjat tal-Laqgħa tal-Maniġment.

5.   Il-laqgħat m’għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku. Id-diskussjonijiet għandhom ikunu kunfidenzjali.

Artikolu 11

Delega tal-kompiti u sostituzzjoni

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jiddelega lid-Direttur, fejn xieraq u f’konformità mar-Regolament, is-setgħa li jadotta u jiffirma deċiżjonijiet legalment vinkolanti, li s-sustanza tagħhom tkun diġà ġiet iddeterminata mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jiddelega wkoll, fejn xieraq u f’konformità mar-Regolament, lid-Direttur jew lill-Kap tal-Unità jew lill-Kap tas-Settur ikkonċernat, is-setgħa li jadotta u jiffirma dokumenti oħra.

3.   Meta s-setgħat ikunu ġew iddelegati lid-Direttur skont il-paragrafi 1 jew 2, id-Direttur jista’ jissottodelegahom lill-Kap tal-Unità jew lill-Kap tas-Settur ikkonċernat.

4.   Meta l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma jitħalliex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu jew tagħha jew il-kariga tkun vakanti u ma jkun inħatar l-ebda Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, id-Direttur, fejn xieraq u f’konformità mar-Regolament, għandu jwettaq il-kompiti u d-dmirijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li huma meħtieġa u urġenti biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat.

5.   Meta d-Direttur ma jkunx jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu jew tagħha jew il-kariga tkun vakanti u ebda uffiċjal ma jkun ġie nominat mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-funzjonijiet tad-Direttur għandhom jiġu eżerċitati mill-Kap tal-Unità jew mill-Kap tas-Settur li jkollu l-ogħla grad jew, f’każ ta’ grad ugwali, mill-Kap tal-Unità jew mill-Kap tas-Settur bl-ogħla anzjanità fil-grad jew, f’każ ta’ anzjanità ugwali, minn min ikun l-ikbar fl-età.

6.   Jekk ma jkun hemm ebda Kap ta’ Unità jew Kap ta’ Settur disponibbli biex jeżerċita d-dmirijiet tad-Direttur kif speċifikat fil-paragrafu 5 u ebda uffiċjal ma jkun ġie nominat mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-uffiċjal preżenti li jkollu l-ogħla grad jew, f’każ ta’ grad ugwali, l-uffiċjal bl-ogħla anzjanità fil-grad jew, f’każ ta’ anzjanità ugwali, dak li jkun l-ikbar fl-età, għandu jaġixxi minfloku.

7.   Meta kwalunkwe superjur ġerarkiku ieħor ma jkunx jista’ jeżerċita/teżerċita dmirijietu/dmirijietha, u l-ebda uffiċjal ma jkun ġie nominat mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, id-Direttur għandu jinnomina uffiċjal bi qbil mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Jekk ebda sostitut ma jkun ġie nominat mid-Direttur, l-uffiċjal fl-Unità jew fis-Settur ikkonċernati li jkollu l-ogħla grad, jew f’każ ta’ grad ugwali, l-uffiċjal li jkollu l-ogħla anzjanità fil-grad jew, f’każ ta’ anzjanità ugwali, dak li jkun l-ikbar fl-età, għandu jaġixxi minfloku.

8.   Il-paragrafi 1 sa 7 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli li jikkonċernaw id-delegar fir-rigward tas-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra jew tas-setgħat li jikkonċernaw materji finanzjarji kif previst fl-Artikoli 9 u 12.

Artikolu 12

L-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni u l-Uffiċjal tal-Kontabilità

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiddelega s-setgħat tal-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni lid-Direttur f’konformità mal-karta ta’ kompiti u responsabbiltajiet rigward il-baġit u l-amministrazzjoni tal-EDPS provduti f’konformità mal-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

2.   Fir-rigward ta’ kwistjonijiet baġitarji relatati mal-EDPB, l-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni għandu jeżerċita l-funzjoni tiegħu jew tagħha f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-EDPB.

3.   Il-funzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-EDPS, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-1 ta’ Marzu 2017 (9), għandha titwettaq mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni.

TITOLU II

MONITORAĠĠ U ŻGURAR TAL-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT

Artikolu 13

Monitoraġġ u żgurar tal-applikazzjoni tar-Regolament

L-EDPS għandu jiggarantixxi protezzjoni effettiva tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi permezz ta’ monitoraġġ u infurzar tar-Regolament u ta’ kwalunkwe att legali ieħor tal-Unjoni li jipprevedi kompiti u setgħat għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Għal dak il-għan, fl-eżerċitar tas-setgħat investigattivi, korrettivi, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ konsulenza, l-EDPS jista’ jwettaq żjarat ta’ konformità, stħarriġ, żjarat kull xahrejn, konsultazzjonijiet informali jew jiffaċilita soluzzjonijiet amikevoli ta’ lmenti.

Artikolu 14

It-trasparenza tat-tweġibiet għal konsultazzjonijiet minn istituzzjonijiet dwar l-ipproċessar tagħhom ta’ data personali u għal talbiet għal awtorizzazzjonijiet

L-EDPS jista’ jippubblika t-tweġibiet għal konsultazzjoni mill-istituzzjonijiet dwar l-ipproċessar tagħhom ta’ data personali b’mod sħiħ jew parzjali, filwaqt li jqis ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà tal-informazzjoni applikabbli. Id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiġu ppubblikati, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà tal-informazzjoni applikabbli.

Artikolu 15

Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data notifikati mill-istituzzjonijiet

1.   Ir-reġistru tal-ħatriet ta’ Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data notifikati lill-EDPS mill-istituzzjonijiet f’konformità mar-Regolament għandu jinżamm mill-EDPS.

2.   Il-lista aġġornata tal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data tal-istituzzjonijiet għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-EDPS.

3.   L-EDPS għandu jipprovdi gwida lill-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data, b’mod partikolari billi jipparteċipa fil-laqgħat organizzati min-network tal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data tal-istituzzjonijiet.

Artikolu 16

Indirizzar tal-ilmenti

1.   L-EDPS m’għandux jindirizza lmenti anonimi.

2.   L-EDPS għandu jindirizza l-ilmenti mressqa bil-miktub, inkluż f’forma elettronika, fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni u li jipprovdu d-dettalji meħtieġa biex jiġi mifhum l-ilment.

3.   Meta lment relatat mal-istess fatti jkun ġie rreġistrat mill-ilmentatur għand l-Ombudsman Ewropew, l-EDPS għandu jeżamina l-ammissibbiltà tal-ilment f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-Ombudsman Ewropew.

4.   L-EDPS għandu jiddeċiedi kif jindirizza lment billi jqis:

(a)

in-natura u l-gravità tal-allegat ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data;

(b)

l-importanza tad-dannu li suġġett tad-data wieħed jew iktar sofra jew seta’ sofra bħala riżultat tal-ksur;

(c)

l-importanza ġenerali potenzjali tal-każ, anke fir-rigward ta’ interessi pubbliċi u privati oħra involuti;

(d)

il-probabbiltà li jiġi stabbilit li l-ksur seħħ;

(e)

id-data eżatta li fiha seħħew l-avvenimenti sottostanti, l-imġiba inkwistjoni waqfet tiġġenera effetti, l-effetti tneħħew jew ġiet ipprovduta garanzija xierqa għal tali tneħħija.

5.   Fejn xieraq, l-EDPS għandu jiffaċilita soluzzjoni amikevoli għall-ilment.

6.   L-EDPS għandu jissospendi l-investigazzjoni ta’ lment sakemm tingħata deċiżjoni minn qorti jew deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju jew amministrattiv ieħor dwar l-istess kwistjoni.

7.   L-EDPS għandu jiżvela l-identità tal-ilmentatur sa fejn hu meħtieġ għat-twettiq xieraq tal-investigazzjoni. L-EDPS m’għandux jiżvela kwalunkwe dokument relatat mal-ilment, ħlief għal siltiet jew sommarji anonimizzati tad-deċiżjoni finali, sakemm il-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha għal tali żvelar.

8.   Jekk ikun meħtieġ miċ-ċirkostanzi tal-ilment, l-EDPS għandu jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti, inklużi l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti li jaġixxu fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 17

L-eżitu tal-ilmenti

1.   L-EDPS għandu jinforma lill-ilmentatur kemm jista’ jkun malajr dwar l-eżitu tal-ilment u l-azzjoni li tkun ittieħdet.

2.   Meta lment jinstab inammissibbli jew l-investigazzjoni titwaqqaf, l-EDPS għandu, fejn xieraq, jagħti parir lill-ilmentatur biex jirreferi għand xi awtorità kompetenti oħra.

3.   L-EDPS jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf investigazzjoni fuq talba tal-ilmentatur. Dan m’għandux jipprevjeni lill-EDPS milli jinvestiga aktar is-suġġett tal-ilment.

4.   L-EDPS jista’ jagħlaq investigazzjoni meta l-ilmentatur ikun naqas milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba. L-EDPS għandu jinforma lill-ilmentatur dwar din id-deċiżjoni.

Artikolu 18

Reviżjoni tal-ilmenti u r-rimedji ġudizzjarji

1.   Meta l-EDPS joħroġ deċiżjoni dwar ilment, l-ilmentatur jew l-istituzzjoni kkonċernata tista’ titlob li l-EDPS jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu. Talba bħal din għandha ssir fi żmien xahar mid-deċiżjoni. L-EDPS għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu meta l-ilmentatur jew l-istituzzjoni jressqu evidenza fattwali jew argumenti legali ġodda.

2.   Malli joħroġ id-deċiżjoni tiegħu dwar ilment, l-EDPS għandu jinforma lill-ilmentatur u lill-istituzzjoni kkonċernata li huma għandhom id-dritt kemm li jitolbu rieżami tad-deċiżjoni tiegħu kif ukoll li jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   Meta wara talba li jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu dwar ilment, l-EDPS joħroġ deċiżjoni ġdida riveduta, l-EDPS għandu jinforma lill-ilmentatur u lill-istituzzjoni kkonċernata li jistgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni l-ġdida quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Notifika ta’ ksur ta’ data personali lill-EDPS mill-istituzzjonijiet

1.   L-EDPS għandu jipprovdi pjattaforma sigura għan-notifika ta’ ksur ta’ data personali minn istituzzjoni u jimplimenta miżuri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni rigward ksur ta’ data personali.

2.   Man-notifika, l-EDPS għandu jirrikonoxxi li rċieva n-notifika lill-istituzzjoni kkonċernata.

TITOLU III

KONSULTAZZJONI LEĠIŻLATTIVA, MONITORAĠĠ TAT-TEKNOLOĠIJA, PROĠETTI TA’ RIĊERKA, PROĊEDURI TAL-QORTI

Artikolu 20

Konsultazzjoni leġiżlattiva

1.   Bi tweġiba għal talbiet mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament, l-EDPS għandu joħroġ opinjonijiet jew kummenti formali.

2.   L-opinjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-EDPS bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Is-sommarji tal-opinjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje C). Il-kummenti formali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-EDPS.

3.   L-EDPS jista’ jirrifjuta li jwieġeb għal konsultazzjoni meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 42 tar-Regolament ma jiġux sodisfati, inkluż fejn ma jkun hemm l-ebda impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.

4.   Meta minkejja l-aħjar sforzi, opinjoni konġunta tal-EDPS u tal-EDPB skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament ma tkunx tista’ tinħareġ sal-iskadenza stabbilita, l-EDPS jista’ joħroġ opinjoni dwar l-istess kwistjoni.

5.   Meta l-Kummissjoni tqassar skadenza applikabbli għal konsultazzjoni leġiżlattiva skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament, l-EDPS għandu jagħmel ħiltu biex jirrispetta l-iskadenza stabbilita sa fejn hu raġonevoli u prattiku, filwaqt li jqis b’mod partikolari l-kumplessità tas-suġġett, it-tul tad-dokumentazzjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

Artikolu 21

Monitoraġġ tat-teknoloġija

L-EDPS, fil-monitoraġġ tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sa fejn dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, għandu jippromwovi s-sensibilizzazzjoni u jagħti pariri b’mod partikolari dwar il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data b’mod imfassal u l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku.

Artikolu 22

Proġetti ta’ riċerka

L-EDPS jista’ jiddeċiedi li jikkontribwixxi għall-Programmi Qafas tal-Unjoni u li jservi fil-kumitati konsultattivi ta’ proġetti ta’ riċerka.

Artikolu 23

Azzjoni kontra istituzzjonijiet għal ksur tar-Regolament

L-EDPS jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità minn istituzzjoni mar-Regolament, b’mod partikolari meta l-EDPS ma jkunx ġie kkonsultat f’każijiet previsti mill-Artikolu 42(1) tar-Regolament u f’każ ta’ nuqqas ta’ risposta effettiva għal azzjoni ta’ infurzar meħuda mill-EDPS skont l-Artikolu 58 tar-Regolament.

Artikolu 24

Intervent tal-EDPS f’azzjonijiet miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

1.   L-EDPS jista’ jintervjeni fl-azzjonijiet miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 58(4) tar-Regolament, l-Artikolu 43(3)(i) tar-Regolament (UE) 2016/794, l-Artikolu 85(3)(g) tar-Regolament (UE) 2017/1939, u l-Artikolu 40(3)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1727.

2.   Meta jkun qed jiddeċiedi jekk jitlobx permess biex jintervjeni jew jekk jaċċettax stedina mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex jagħmel hekk, l-EDPS għandu jqis b’mod partikolari:

a.

jekk l-EDPS kienx direttament involut fil-fatti tal-każ fit-twettiq tal-kompiti ta’ sorveljanza tiegħu;

b.

jekk il-każ jikkawżax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data li jew huma sostanzjali fihom infushom jew huma deċiżivi għall-eżitu tiegħu; u

c.

jekk intervent mill-EDPS huwiex probabbli li jaffettwa l-eżitu tal-proċeduri.

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI MAL-AWTORITAJIET TA’ SORVELJANZA NAZZJONALI U KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 25

L-EDPS bħala membru tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

L-EDPS bħala membru tal-EDPB għandu jimmira li jippromwovi l-perspettiva tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali skont l-Artikolu 61 tar-Regolament

1.   L-EDPS għandu jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u mal-awtorità ta’ sorveljanza konġunta stabbilita skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠIA (10) bil-ħsieb, b’mod partikolari:

(a)

li jiskambja l-informazzjoni kollha rilevanti, inklużi l-aħjar prattiki, kif ukoll informazzjoni relatata ma’ talbiet għall-eżerċitar ta’ setgħat ta’ monitoraġġ, ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti;

(b)

li jiżviluppa u jżomm kuntatt ma’ membri u persunal rilevanti tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.

2.   Fejn rilevanti, l-EDPS għandu jinvolvi ruħu f’assistenza reċiproka u jipparteċipa f’operazzjonijiet konġunti mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, fejn kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu kif stabbilit fir-Regolament, fil-GDPR u f’atti rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni.

3.   L-EDPS jista’ jipparteċipa fuq stedina f’investigazzjoni minn awtorità ta’ sorveljanza jew jistieden awtorità ta’ sorveljanza biex tipparteċipa f’investigazzjoni skont ir-regoli legali u proċedurali applikabbli għall-parti li tagħmel l-istedina.

Artikolu 27

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   L-EDPS għandu jippromwovi l-aħjar prattiki, il-konverġenza u s-sinerġiji dwar il-protezzjoni ta’ data personali bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż permezz ta’ parteċipazzjoni f’networks u avvenimenti reġjonali u internazzjonali rilevanti.

2.   Fejn xieraq, l-EDPS għandu jinvolvi ruħu f’assistenza reċiproka fl-azzjonijiet investigattivi u ta’ infurzar tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 28

Konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal

1.   Il-Kumitat tal-Persunal, li jirrappreżenta l-persunal tal-EDPS, inkluż is-segretarjat tal-EDPB, għandu jiġi kkonsultat fi żmien adegwat dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 u jista’ jiġi kkonsultat dwar kull kwistjoni oħra ta’ interess ġenerali li tikkonċerna l-persunal. Il-Kumitat tal-Persunal għandu jiġi informat bi kwalunkwe mistoqsija relatata mat-twettiq tal-kompiti tiegħu. Għandu joħroġ l-opinjonijiet tiegħu fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol minn meta jiġi kkonsultat.

2.   Il-Kumitat tal-Persunal għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-EDPS, inkluż is-segretarjat tal-EDPB, billi jagħmel proposti dwar kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni u kondizzjonijiet tax-xogħol.

3.   Il-Kumitat tal-Persunal għandu jkun magħmul minn tliet membri u tliet deputati, u jiġi elett għal perjodu ta’ sentejn mill-persunal kollu tal-EDPS, inkluż is-segretarjat tal-EDPB.

Artikolu 29

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-EDPS għandu jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD).

2.   L-UPD għandu jiġi kkonsultat, b’mod partikolari, meta l-EDPS bħala kontrollur ikollu l-intenzjoni li japplika restrizzjoni bbażata fuq ir-regoli interni li jimplimentaw l-Artikolu 25 tar-Regolament.

3.   F’konformità mal-punt IV(2)(viii) tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-EDPB, l-EDPB għandu UPD separat. F’konformità mal-punt IV(4) tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-EDPB, l-UPD tal-EDPS u tal-EDPB għandhom jiltaqgħu b’mod regolari sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom jibqgħu konsistenti.

Artikolu 30

Aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-Uffiċjal għat-Trasparenza tal-EDPS

L-EDPS għandu jinnomina Uffiċjal għat-Trasparenza biex jiżgura l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), mingħajr preġudizzju għall-ġestjoni tal-aċċess pubbliku għal talbiet għal dokumenti mis-segretarjat tal-EDPB f’konformità mal-punt IV(2)(iii) tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-EDPS u l-EDPB.

Artikolu 31

Lingwi

1.   L-EDPS huwa impenjat li jħares il-prinċipju tal-multilingwiżmu, minħabba li d-diversità kulturali u lingwistika hija waħda mill-pedamenti u l-assi tal-Unjoni Ewropea. L-EDPS jistinka biex isib bilanċ bejn il-prinċipju tal-multilingwiżmu u l-obbligu li jiġu żgurati ġestjoni finanzjarja tajba u ffrankar għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk isir użu pragmatiku mir-riżorsi limitati tiegħu.

2.   L-EDPS għandu jwieġeb lil kwalunkwe persuna li tindirizzah dwar kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bl-istess lingwa użata biex jiġi indirizzat. L-ilmenti kollha, it-talbiet għall-informazzjoni u kwalunkwe talba oħra jistgħu jintbagħtu lill-EDPS bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jiġu mwieġba bl-istess lingwa.

3.   Is-sit web tal-EDPS għandu jkun disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Id-dokumenti strateġiċi tal-EDPS, bħall-istrateġija għall-mandat tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandhom jiġu ppubblikati bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż.

Artikolu 32

Servizzi ta’ appoġġ

L-EDPS jista’ jidħol fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz ma’ istituzzjonijiet oħra, u jista’ jipparteċipa f’sejħiet interistituzzjonali għall-offerti li jirriżultaw f’kuntratti qafas ma’ partijiet terzi għall-provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ lill-EDPS u lill-EDPB. L-EDPS jista’ jiffirma wkoll kuntratt ma’ fornituri esterni tas-servizzi skont ir-regoli tal-akkwist applikabbli għall-istituzzjonijiet.

Artikolu 33

Awtentikazzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet tal-EDPS għandhom jiġu awtentikati permezz tal-appożizzjoni tal-firma tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew tad-Direttur kif previst f’din id-Deċiżjoni. Din il-firma tista’ tkun miktuba bl-idejn jew f’forma elettronika.

2.   F’każ ta’ delega jew sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 11, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu awtentikati bl-appożizzjoni tal-firma tal-persuna li lilha ġiet iddelegata s-setgħa jew tal-persuna li tkun qed tissostitwixxi. Din il-firma tista’ tkun miktuba bl-idejn jew f’forma elettronika.

Artikolu 34

Telexogħol fl-EDPS u dokumenti elettroniċi

1.   B’deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-EDPS jista’ jimplimenta sistema ta’ telexogħol mill-persunal kollu tiegħu jew minn parti minnu. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persunal u ppubblikata fuq is-siti web tal-EDPS u tal-EDPB.

2.   B’deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-EDPS jista’ jiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ validità ta’ dokumenti elettroniċi, proċeduri elettroniċi u mezzi elettroniċi ta’ trażmissjoni ta’ dokumenti għall-finijiet tal-EDPS. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persunal u ppubblikata fuq is-sit web tal-EDPS.

3.   Il-President tal-EDPB għandu jiġi kkonsultat fejn dawk id-deċiżjonijiet jikkonċernaw lis-Segretarjat tal-EDPB.

Artikolu 35

Regoli għall-kalkolu ta’ perjodi, dati u limiti ta’ żmien

L-EDPS għandu japplika r-regoli għall-kalkolu ta’ perjodi, dati u limiti ta’ żmien stabbiliti skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (12).

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 36

Miżuri supplimentari

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jispeċifika ulterjorment id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni billi jadotta regoli ta’ implimentazzjoni u miżuri supplimentari relatati mal-funzjonament tal-EDPS.

Artikolu 37

Tħassir tad-Deċiżjoni 2013/504/UE tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Id-Deċiżjoni 2013/504/UE tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (13) titħassar u tiġi sostitwita minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2020.

Għall-EDPS

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(4)  Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(5)  Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (Ir-Regolamenti ta' l-lstaff) (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(8)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(9)  Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) tal-1 ta’ Marzu 2017 dwar il-ħatra tal-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni Ewropea bħala l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-EDPS.

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20).

(11)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(12)  Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(13)  Deċiżjoni 2013/504/UE tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-17 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura (ĠU L 273, 15.10.2013, p. 41).