|
15.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 301/39 |
LINJA GWIDA (UE) 2020/1284 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-7 ta’ Settembru 2020
li temenda l-Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2020/34)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 23 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-trasparenza fir-rapportar u l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-Eurosistema fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi (Eurosystem reserve management services — ERMS) f’euro lil banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra miż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikomplu jiżdiedu sabiex jikkontribwixxu għal approġġ konsistenti tal-Eurosistema lejn klijenti tal-ERMS u lejn analiżi mtejba tal-funzjonament tal-ERMS. Il-klijenti tal-ERMS li ma jaqblux mal-iżvelar tal-identità tagħhom lill-banek ċentrali tal-Eurosistema u li b'hekk ma jiffaċilitawx it-trasparenza fir-rapportar u l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-Eurosistema m’għandhomx jibbenefikaw minn remunerazzjoni preferenzjali tal-bilanċ tal-flus offruta fuq investiment tal-Grad 1. |
|
(2) |
Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/14) (1) għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emendi
L-Artikolu 4 tal-Linja Gwida (UE) 2018/797 (BĊE/2018/14) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Skambju ta’ informazzjoni dwar is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema
1. Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jipprovdu lill-BĊE kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema lil klijenti ġodda u eżistenti u jinfurmaw lill-BĊE meta klijent potenzjali javviċinahom. Il-BĊE jista’ jikkondividi informazzjoni rilevanti fi ħdan l-Eurosistema.
2. Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jippruvaw jiksbu l-kunsens tal-klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu lill-banek ċentrali tal-Eurosistema.
3. Jekk ma jinkisibx il-kunsens tal-klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu, il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat għandu jipprovdi lill-BĊE l-informazzjoni rilevanti mingħajr ma jiżvela l-identità ta’ dak il-klijent. F’dak il-każ, il-limitu ta’ dak il-klijent għall-bilanċi tal-faċilità ta’ investiment tal-Grad 1 għandu jiġi ssettjat għal żero minn kull bank ċentrali nazzjonali li ma jiksibx il-kunsens ta’ dak il-klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu lill-banek ċentrali tal-Eurosistema.”;
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ April 2021.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2018/14) (ĠU L 136, 1.6.2018, p. 81).