23.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/4 |
LINJA GWIDA (UE) 2020/428 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-5 ta’ Marzu 2020
li tirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2012/16 dwar l-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (BĊE/2020/12)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) u (2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (DECS – Data Exchange for Cash Services) hija interfaċċja stabbilita fil-Linja Gwida BĊE/2012/16 (1) biex iżżid l-effiċjenza u tkompli tarmonizza t-transazzjonijiet fi flus kontanti bejn banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊNi) u l-klijenti tagħhom fiż-żona tal-euro. Billi s-servizzi fi flus kontanti offruti bħalissa mill-BĊNi jvarjaw b’mod sinifikanti, id-DECS jiżgura l-interkambjabbiltà tad-data għal tranżazzjonijiet transkonfinali fi flus kontanti u trasferimenti kbar ta‘ karti tal-flus tal-euro bejn il-BĊNi li jużaw sistemi differenti ta‘ ġestjoni tal-flus kontanti. |
(2) |
Id-DECS ġie introdott minn bosta BĊNi bejn l-2012 u l-2015. |
(3) |
Sa mill-introduzzjoni tiegħu, id-DECS ma ntużax b’rabta mat-transazzjonijiet fi flus kontanti bejn il-BĊNi u l-klijenti tagħhom fiż-żona tal-euro, iżda madankollu, din il-funzjoni teħtieġ manutenzjoni regolari mill-BĊNi, li għandha titħallas minn fondi pubbliċi. Għalhekk id-DECS m’għandux jibqa’ jintuża biex tiġi kkomunikata data dwar tranżazzjonijiet fi flus kontanti bejn il-BĊNi u l-klijenti tagħhom fiż-żona tal-euro. |
(4) |
Messaġġi dwar trasferimenti kbar għandhom ikomplu jiġu skambjati bejn il-BĊNi u għandhom isiru arranġamenti interni għal dak l-iskop. |
(5) |
Il-Linja Gwida BĊE/2012/16 għandha għalhekk tiġi mħassra, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Tħassir tal-Linja Gwida BĊE/2012/16
Il-Linja Gwida BĊE/2012/16 hija mħassra b’effett mill-1 ta’ April 2020.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Marzu 2020.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Linja Gwida BĊE/2012/16 tal-20 ta’ Lulju 2012 dwar l-Iskambju ta’ Data għal Servizzi fi Flus Kontanti (ĠU L 245, 11.9.2012, p. 3).