20.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/50


DIRETTIVA (UE) 2020/1504 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ottubru 2020

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-finanzjament kollettiv hija soluzzjoni ta’ teknoloġija finanzjarja li tipprovdi lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u, b’mod partikolari, lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu, b’aċċess alternattiv għall-finanzjament sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija innovattiva fl-Unjoni, u b’hekk tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din imbagħad tikkontribwixxi għal sistema finanzjarja aktar diversifikata li tkun inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju, u għalhekk tillimita r-riskji sistemiċi u ta’ konċentrazzjoni. Benefiċċji oħra tal-promozzjoni tal-intraprenditorija innovattiva permezz tal-finanzjament kollettiv huma r-rilaxx ta’ kapital iffriżat għal investiment fi proġetti ġodda u innovattivi, l-aċċellerazzjoni tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u diversifikazzjoni tal-assi.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti uniformi, proporzjonati u applikabbli direttament għall-forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għall-organizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għall-operat ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, kif ukoll għat-trasparenza u l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fl-Unjoni.

(3)

Sabiex tingħata ċertezza legali fir-rigward tal-persuni u l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503 u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) rispettivament, u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-istess attività tkun soġġetta għal awtorizzazzjonijiet multipli fi ħdan l-Unjoni, jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi awtorizzati bħala fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

(4)

Billi l-emenda prevista f’din id-Direttiva hija direttament marbuta mar-Regolament (UE) 2020/1503, jenħtieġ li d-data minn meta l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva tiġi differita sabiex tikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni stabbilita f’dak ir-Regolament,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, jiżdied il-punt li ġej:

“(p)

fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv kif definiti fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-10 ta’ Mejju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-10 ta’ Novembru 2021.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 65.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ Lulju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ottubru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).