5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/132


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/367

tal-4 ta’ Marzu 2020

li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ metodi ta’ valutazzjoni għal effetti ta’ ħsara tal-ħsejjes ambjentali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE jirreferi għal relazzjonijiet ta’ doża-effett li għandhom jiġu introdotti permezz ta’ adattamenti ta’ dak l-Anness għall-progress tekniku u xjentifiku.

(2)

Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, l-informazzjoni ta’ kwalità għolja u statistikament sinifikanti li setgħet tintuża kienet dik tal-Linji Gwida dwar il-Ħsejjes Ambjentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għar-Reġjun Ewropew (2), li jippreżentaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett għal effetti ta’ ħsara kkawżati mill-espożizzjoni għall-ħsejjes ambjentali. Konsegwentement, jenħtieġ li r-relazzjonijiet ta’ doża-effett introdotti fl-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE ikunu bbażati fuq dawk il-linji gwida. B’mod partikolari fir-rigward tas-sinifikat statistiku, l-istudji tad-WHO kienu bbażati fuq popolazzjonijiet rappreżentattivi, u r-riżultati ta’ dawn il-metodi ta’ valutazzjoni huma konsegwentement ikkunsidrati rilevanti meta jiġu applikati għal popolazzjonijiet rappreżentattivi.

(3)

Lil hinn mir-relazzjonijiet ta’ doża-effett żviluppati fil-kuntest tad-WHO, studji oħra jistgħu juru daqsijiet differenti ta’ effetti fuq is-saħħa u effetti oħra fuq is-saħħa, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-effetti tal-ħsejjes fit-toroq, tal-ħsejjes mill-ferroviji u tal-ħsejjes mill-ajruplani f’sitwazzjonijiet lokali f’pajjiżi speċifiċi. Jistgħu jintużaw ir-relazzjonijiet alternattivi ta’ doża-effett stabbiliti hemmhekk sakemm dawn ikunu bbażati fuq studji ta’ kwalità għolja u statistikament sinifikanti.

(4)

Bħalissa, l-għarfien disponibbli dwar l-effetti negattivi tal-istorbju industrijali huwa limitat u għalhekk mhuwiex possibbli li jiġi propost metodu komuni għall-valutazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż ma ġewx ivvalutati fl-istudji u għalhekk ma setgħux jiġu inklużi f’dan l-Anness. Bl-istess mod, filwaqt li nstabu rabtiet bejn il-ħsejjes ambjentali u l-effetti ta’ ħsara li ġejjin, bħalissa ma hemmx biżżejjed evidenza biex jiġi ddeterminat metodu komuni għall-valutazzjoni tal-effetti ta’ ħsara li ġejjin: puplesija, pressjoni għolja, dijabete u eżiti tas-saħħa metaboliċi oħra, indeboliment konjittiv fit-tfal, is-saħħa u l-benesseri mentali, indeboliment tas-smigħ, tinnitus, eżiti negattivi ta’ twelid. Fl-aħħar nett, filwaqt li ġiet stabbilita r-rabta bejn l-istorbju tal-ferroviji u l-istorbju mill-inġenji tal-ajru u l-marda tal-qalb iskemika (IHD), għal dawn iż-żewġ sorsi l-kwantifikazzjoni taż-żieda fir-riskju tal-IHD hija prematura.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2002/49/KE tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/49/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

(2)  Environmental Noise Guidelines for the European Region, World Health Organisation 2018, ISBN 978 92 890 5356 3.


ANNESS

“ANNESS III

METODI TAL-ASSESSJAR GĦALL-EFFETTI TA’ ĦSARA

(Imsemmija fl-Artikolu 6(3))

1.   Sett ta’ effetti ta’ ħsara

Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ effetti ta’ ħsara għandu jitqies dan li ġej:

il-mard tal-qalb iskemiku (IHD) li jikkorrispondi mal-kodiċijiet BA40 sa BA6Z tal-klassifikazzjoni internazzjonali ICD-11 stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

dwejjaq kbir (HA);

disturb kbir waqt l-irqad (HSD).

2.   Kalkolu tal-effetti ta’ ħsara

L-effetti ta’ ħsara għandhom jiġu kkalkulati permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

ir-riskju relattiv (RR) ta’ effett ta’ ħsara ddefinit bħala

Image 1

ir-riskju assolut (AR) ta’ effett ta’ ħsara ddefinit bħala

Image 2

2.1.   IHD

Għall-kalkolu tal-RR, fir-rigward tal-effett ta’ ħsara tal-IHD u fir-rigward tar-rata ta’ inċidenza (i)„ għandhom jintużaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett li ġejjin:

Image 3

għall-ħsejjes fit-toroq.

2.2.   HA

Għall-kalkolu tal-AR, fir-rigward tal-effett ta’ ħsara tal-HA, għandhom jintużaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett li ġejjin:

Image 4

għall-ħsejjes fit-toroq;

Image 5

għall-ħsejjes mill-ferroviji:

Image 6

għall-ħsejjes mill-inġenji tal-ajru.

2.3.   HSD

Għall-kalkolu tal-AR, fir-rigward tal-effett ta’ ħsara tal-HSD għandhom jintużaw ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett li ġejjin:

Image 7

għall-ħsejjes fit-toroq;

Image 8

għall-ħsejjes mill-ferroviji:

Image 9

għall-ħsejjes mill-inġenji tal-ajru.

3.   Valutazzjoni ta’ effetti ta’ ħsara

3.1.   L-espożizzjoni tal-popolazzjoni għandha tiġi vvalutata indipendentement għal kull sors ta’ ħsejjes u effett ta’ ħsara. Fejn l-istess persuni jiġu simultanjament esposti għal sorsi differenti ta’ ħsejjes, l-effetti ta’ ħsara ma jistgħux — b’mod ġenerali — jiġu akkumulati. Madankollu, dawk l-effetti jistgħu jitqabblu sabiex tiġi vvalutata l-importanza relattiva ta’ kull ħoss.

3.2.   Valutazzjoni għall-IHD

3.2.1.   Għall-IHD fil-każ ta’ ħsejjes mill-ferroviji u mill-inġenji tal-ajru, il-popolazzjoni esposta ’l fuq mil-livelli adegwati ta’ Lden hija stmata li hija soġġetta għal riskju akbar ta’ IHD, filwaqt li n-numru eżatt N ta’ każijiet tal-IHD ma jistax jiġi kkalkulat.

3.2.2.   Għall-IHD fil-każ ta’ ħsejjes fit-toroq, il-proporzjon ta’ każijiet tal-effett ta’ ħsara speċifiku fil-popolazzjoni esposta għal RR ikkalkulata li ġiet ikkawżata minn ħsejjes ambjentali jiġi dderivat, għas-sors ta’ ħsejjes x (toroq), effett ta ħsara y (IHD) u għall-inċidenza i bi:

Image 10

Fejn:

PAFx,y hija l-frazzjoni li tista’ tiġi attribwita lill-popolazzjoni,

is-sett ta’ baned ta’ ħsejjes j huwa magħmul minn baned singoli mifruxa fuq massimu ta’ 5 dB (eż.: 50-51 dB, 51-52 dB, 52-53 dB, eċċ. jew 50-54 dB, 55-59 dB, 60-64 dB, eċċ.),

pj huwa l-proporzjon tal-popolazzjoni totali P fiż-żona vvalutata li hija esposta għall-banda ta’ espożizzjoni j, li hija assoċjata ma’ RR speċifiku ta’ effett ta’ ħsara speċifiku RRj,x,y . L- RRj,x,y jiġi kkalkulat billi jiġu applikati l-formuli deskritti fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, u jintuża l-valur ċentrali ta’ kull banda ta’ ħsejjes (eż.: skont id-disponibbiltà tad-data, f’50,5 dB għall-banda ta’ ħsejjes definita bejn 50–51 dB, jew 52 dB għall-banda ta’ ħsejjes 50–54 dB).

3.2.3.   Għall-IHD fil-każ ta’ ħsejjes fit-toroq, in-numru totali N tal-każijiet ta’ IHD (persuni affettwati mill-effett ta’ ħsara y; in-numru ta’ każijiet attribwibbli) minħabba s-sors x allura huwa:

Nx,y = PAFx,y,i * Iy * P (Formula 11)

għat-toroq.

Fejn:

PAFx,y,i huwa kkalkulat għall-inċidenza i,

Iy hija r-rata ta’ inċidenza tal-IHD fiż-żona li tkun qed tiġi vvalutata, li tista’ tinkiseb mill-istatistika dwar is-saħħa għar-reġjun jew għall-pajjiż fejn tinsab iż-żona li qed tiġi kkunsidrata,

P hija l-popolazzjoni totali taż-żona li qed tiġi vvalutata (is-somma tal-popolazzjoni fil-baned ta’ ħsejjes differenti).

3.3.   Fir-rigward tal- HA u tal-HSD fil-każ ta’ ħsejjes fit-toroq, ħsejjes mill-ferroviji, u ħsejjes mill-inġenji tal-ajru, in-numru totali N ta’ persuni affettwati mill-effett ta’ ħsara y (numru ta’ każijiet attribwibbli) dovut għas-sors x, għal kull kombinazzjoni tas-sorsi ta’ ħsejjes x (toroq, ferroviji jew inġenji tal-ajru) u għal kull effett ta’ ħsara y (HA, HSD), allura huwa:

Image 11

Fejn:

ARx,y huwa r-risku assolut (AR) tal-effett ta’ ħsara rilevanti (HA, HSD), u huwa kkalkulat billi jiġu applikati l-formuli stabbiliti fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, u jintuża l-valur ċentrali ta’ kull banda ta’ ħsejjes (eż.: skont id-disponibbiltà tad-data, f’50,5 dB għall-banda ta’ ħsejjes definita bejn 50–51 dB, jew 52 dB għall-banda ta’ ħsejjes 50–54 dB),

nj huwa n-numru ta’ persuni esposti għall-banda ta’ espożizzjoni j.

4.   Reviżjonijiet futuri

Ir-relazzjonijiet ta’ doża-effett introdotti bir-reviżjonijiet futuri ta’ dan l-Anness għandhom jikkonċernaw b’mod partikolari:

ir-relazzjoni bejn dwejjaq u L den, għal ħsejjes industrijali,

ir-relazzjoni bejn id-disturb tal-irqad u Lnight għal ħsejjes industrijali.

Jekk meħtieġ, relazzjonijiet speċifiċi ta’ doża-effett għandhom ikunu preżentati għal:

abitazzjonijiet b’insulazzjoni speċjali kontra l-ħsejjes kif definiti fl-Anness VI,

abitazzjonijiet b’ faċċata kwieta kif definiti fl-Anness VI,

klimi differenti/kulturi differenti,

gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni,

it-tonalità tal-ħsejjes industrijali,

il-ħsejjes industrijali impulsivi u każijiet speċjali oħrajn.