5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/122


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/364

tas-17 ta’ Diċembru 2019

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-kadmju u l-komposti tiegħu f’ċerti tubi tal-kameras tal-vidjo li huma tolleranti għar-radjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma speċifiċi għall-apparat mediku u għall-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll u li huma elenkati fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-kadmju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Fit-3 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni li saret skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE għal eżenzjoni li għandha tiġi elenkata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva, għall-użu tal-kadmju f’ċerti tubi tal-kameras tal-vidjo li huma tolleranti għar-radjazzjoni (“l-eżenzjoni mitluba”).

(5)

L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

Il-kadmju fit-tubi tal-kameras tal-vidjo huwa meħtieġ biex tinkiseb tolleranza sodisfaċenti għar-radjazzjoni u prestazzjoni ottika tal-kameras tal-vidjo li joperaw f’ambjenti b’esponiment għoli għar-radjazzjoni, bħall-impjanti tal-enerġija nukleari u l-faċilitajiet tal-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart nukleari.

(7)

Bħalissa, ma hemmx alternattivi disponibbli fis-suq mingħajr kadmju li jipprovdu l-kombinazzjoni meħtieġa ta’ prestazzjoni ottika u ta’ reżistenza suffiċjenti għar-radjazzjoni.

(8)

Minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-kadmju għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli f’ċerti tubi tal-kameras tal-vidjo. L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)

Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE b’rabta mat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 9.

(10)

L-eżenzjoni mitluba jenħtieġ li tingħata għal tul ta’ żmien ta’ seba’ snin li jibda mill-5 ta’ Marzu 2020, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-31 ta’ Awwissu 2020 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 44 li ġej:

“44.

Il-kadmju fit-tubi tal-kameras tal-vidjo li huma tolleranti għar-radjazzjoni ddisinjati għal kameras b’riżoluzzjoni ċentrali akbar minn 450 TV Lines li jintużaw f’ambjenti esposti għar-radjazzjoni jonizzanti b’rata ta’ doża li tissupera 100 Gy/siegħa u b’doża totali li tissupera 100 kGy.

 

Tapplika għall-kategorija 9. Tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2027.”