5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/119


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/363

tas-17 ta’ Diċembru 2019

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw b’rabta ma’ ċerti eżenzjonijiet għaċ-ċomb u għall-komposti taċ-ċomb fil-komponenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4(2)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE, l-Istati Membri jridu jipprojbixxu l-użu taċ-ċomb, tal-merkurju, tal-kadmju u tal-kromu eżavalenti fil-materjali u fil-komponenti tal-vetturi mpoġġija fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 2003.

(2)

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE jelenka l-materjali u l-komponenti tal-vetturi li huma eżentati mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ dik id-Direttiva. Skont l-Anness II, l-eżenzjonijiet bin-numri 8(e), 8(f)(b) u 8(g) iridu jiġu riveduti fl-2019. L-eżenzjoni bin-numru 8(j) ukoll jeħtieġ li terġa’ tiġi vvalutata fid-dawl tal-aktar informazzjoni riċenti dwar il-progress tekniku u xjentifiku.

(3)

Mill-valutazzjoni tal-eżenzjonijiet bin-numru 8(e) u 8(g) fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni ħareġ li, bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva xierqa għall-użu taċ-ċomb għall-materjali u għall-komponenti li dawk l-eżenzjonijiet ikopru. Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita data għal reviżjoni ġdida ta’ dawk l-eżenzjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li l-eżenzjoni bin-numru 8(g) tiġi speċifikata iktar u jkollha kamp ta’ applikazzjoni iktar ristrett. Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista’ tadatta ruħha għal dawk il-bidliet, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-eżenzjoni bin-numru 8(g) jinżamm għall-vetturi ta’ tip approvat qabel l-1 ta’ Ottubru 2022, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni iktar ristrett ta’ dik l-eżenzjoni jibda japplika għall-vetturi ta’ tip approvat minn dik id-data ’l quddiem.

(4)

Mill-valutazzjoni tal-eżenzjoni bin-numru 8(f)(b) ħareġ li jenħtieġ li ma jiġix estiż l-użu taċ-ċomb fl-applikazzjonijiet li tkopri dik l-eżenzjoni, minħabba li hemm alternattivi għall-użu taċ-ċomb f’dawk l-applikazzjonijiet.

(5)

Mill-valutazzjoni tal-eżenzjoni bin-numru 8(j), li tagħti eżenzjoni mill-użu taċ-ċomb fl-istann għall-issaldjar tal-ħġieġ laminat, ħareġ li, għal xi applikazzjonijiet, hemm alternattivi għall-użu taċ-ċomb fl-istann għall-issaldjar tal-ħġieġ laminat. Madankollu, għal ċertu tip ta’ ħġieġ u għal ċerti applikazzjonijiet m’hemmx ċertezza li jeżistu alternattivi xierqa għall-użu taċ-ċomb dal-ħin. Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita eżenzjoni ġdida iktar limitata bin-numru 8(k) għal dak it-tip ta’ ħġieġ u għal dawk l-applikazzjonijiet.

(6)

L-eżenzjoni bin-numru 8(j) tapplika biss għall-vetturi ta’ tip approvat qabel l-1 ta’ Jannar 2020. Sabiex jiġi żgurat li l-użu taċ-ċomb ikompli jiġi eżentat għal dak it-tip ta’ ħġieġ u għal dawk l-applikazzjonijiet li għalihom m’hemmx ċertezza li jeżistu alternattivi xierqa għall-użu taċ-ċomb dal-ħin, jeħtieġ li l-eżenzjoni l-ġdida bin-numru 8(k) tibda tapplika malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ b’urġenza.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2000/53/KE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-5 ta’ April 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.


ANNESS

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata bin-numru 8(e) hija sostitwita b’dan li ġej:

“8(e). Ċomb fl-istann tat-tip li jiddewweb f’temperaturi għoljin (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar tal-piż f’ċomb)

(2)

X”

(2)

l-entrata bin-numru 8(f)(b) hija sostitwita b’dan li ġej:

“8(f)(b). Ċomb fis-sistemi ta’ konnetturi tal-pinnijiet konformi apparti minn f’dawk il-punti fejn jitqabbdu l-konnetturi tal-faxx tal-wajers tal-vettura

Vetturi b’approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2024 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X”

(3)

l-entrata bin-numru 8(g) hija sostitwita b’dan li ġej:

“8(g)(i). Ċomb fl-istann li jikkompleta konnessjoni elettrika vijabbli bejn id-damma tas-semikonduttur u carrier ġewwa ċirkwit integrat ta’ pakketti flip chip

Vetturi b’approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta’ Ottubru 2022 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X”

“8(g)(ii). Ċomb fl-istann li jikkompleta konnessjoni elettrika vijabbli bejn id-damma tas-semikonduttur u carrier ġewwa ċirkwit integrat ta’ pakketti flip chip meta dik il-konnessjoni elettrika tkun tikkonsisti f’xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

nodu tat-teknoloġija semikonduttura ta’ 90 nm jew iktar;

(ii)

damma unika ta’ 300 mm2 jew iktar f’xi nodu tat-teknoloġija semikonduttura;

(iii)

pakketti ta’ dammi stivati b’dammi ta’ 300 mm2 jew iktar, jew interposers tas-silikon ta’ 300 mm2 jew iktar.

(2)

Valida għall-vetturi b’approvazzjoni tat-tip maħruġa mill-1 ta’ Ottubru 2022 ’il quddiem u għall-ispare parts għal dawn il-vetturi

X”

(4)

tiddaħħal l-entrata li ġejja bin-numru 8(k):

“8(k). L-issaldjar tal-applikazzjonijiet tat-tisħin b’kurrent tas-sħana ta’ 0,5 A jew iktar għal kull ġonta tal-issaldjar fuq il-ħġieġ uniku tal-ħġieġ laminat li ma jaqbiżx ħxuna tal-ħajt ta’ 2,1 mm. Din l-eżenzjoni ma tkoprix l-issaldjar tal-kuntatti inkorporati fil-polimeru intermedju

Vetturi b’approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2024 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X(4)”