5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/112


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/361

tas-17 ta’ Diċembru 2019

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-kromju eżavalenti bħala aġent kontra l-korrużjoni tas-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju f’refriġeraturi bl-assorbiment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-applikazzjonijiet eżentati elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-kromju eżavalenti huwa sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Eżenzjoni mir-restrizzjoni għall-użu tal-kromju eżavalenti bħala aġent kontra l-korrużjoni tas-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju f’refriġeraturi bl-assorbiment sa 0,75 % skont il-piż fis-soluzzjoni tat-tkessiħ (“l-eżenzjoni”) hija inkluża fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, l-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“it-talba għat-tiġdid”) fl-20 ta’ Jannar 2015, jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. F’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni tibqa’ valida sakemm tiġi adottata deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid.

(6)

L-evalwazzjoni tat-talba għat-tiġdid kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. L-evalwazzjoni, li għaliha tqiesu d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għall-użu u/jew għall-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (2), wasslet għall-konklużjoni li l-eżenzjoni attwali fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u 10 għandha tinqasam f’żewġ subentrati b’formulazzjoni li tirrifletti b’mod ċar il-progress xjentifiku u tekniku fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-kromju eżavalenti, li tvarja skont it-tip ta’ applikazzjoni.

(7)

Il-kromju eżavalenti (Cr(VI)) jaġixxi bħala aġent kontra l-korrużjoni tas-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju f’refriġeraturi bl-assorbiment. Jintuża sabiex jinħoloq saff fis-superfiċje intern tat-tubi tal-azzar biex dawn jiġu protetti kontra s-soluzzjoni tat-tkessiħ li jkun fiha l-ammonijaka korrużiva.

(8)

Għall-applikazzjonijiet b’potenza tal-input ≥ 75 W u għas-sistemi li jaħdmu għalkollox b’ħiters mhux tal-elettriku (dan jikkorrispondi għall-applikazzjonijiet b’temperatura tal-bojler għolja) li huma koperti mill-eżenzjoni attwali, sostituzzjoni jew eliminazzjoni ta’ kromju eżavalenti għadhom xjentifikament u teknikament imprattikabbli minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli. Eżenzjoni għal dawn l-applikazzjonijiet hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)

Jixraq, għalhekk, li għall-applikazzjonijiet li jużaw temperaturi tal-bojler għoljin jingħata t-tiġdid mitlub sal-21 ta’ Lulju 2021, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(10)

Għall-applikazzjonijiet b’potenza tal-input < 75 W (dan jikkorrispondi għal temperatura tal-bojler baxxa) li bħalissa huma koperti mill-eżenzjoni, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/65/UE ma għadhomx issodisfati u għalhekk, jenħtieġ li t-talba għat-tiġdid tiġi miċħuda. F’konformità mal-Artikolu 5(6) ta’ dik id-Direttiva, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ li tiskadi 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

(11)

Għall-kategoriji 8, 9 u 11, l-eżenzjoni attwali tibqa’ valida għall-perjodi ta’ validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li d-dati tal-iskadenza jiżdiedu fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ April 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Sommarju tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq għall-użu u/jew għall-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU C 48, 15.2.2017, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9

Il-kromju eżavalenti bħala aġent kontra l-korrużjoni tas-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju f’refriġeraturi bl-assorbiment sa 0,75 % skont il-piż fis-soluzzjoni tat-tkessiħ

Tapplika għall-kategoriji 8, 9 u 11 u tiskadi:

fil-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 minbarra f’apparat dijanostiku in vitro u fi strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali;

fil-21 ta’ Lulju 2023 għall-apparat dijanostiku in vitro tal-kategorija 8;

fil-21 ta’ Lulju 2024 għall-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali tal-kategorija 9, u għall-kategorija 11.

9(a)-I

Sa 0,75 % ta’ kromju eżavalenti skont il-piż, użat bħala aġent kontra l-korrużjoni fis-soluzzjoni tat-tkessiħ tas-sistemi tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju f’refriġeraturi bl-assorbiment (inklużi l-minibars) iddisinjati biex jaħdmu għalkollox jew parzjalment b’ħiter elettriku, li għandhom potenza tal-input medja użata < 75 W f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim kostanti

Tapplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 u tiskadi fil-5 ta’ Marzu 2021.

9(a)-II

Sa 0,75 % ta’ kromju eżavalenti skont il-piż, użat bħala aġent kontra l-korrużjoni fis-soluzzjoni tat-tkessiħ tas-sistemi sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju f’refriġeraturi bl-assorbiment:

iddisinjati biex jaħdmu għalkollox jew parzjalment b’ħiter elettriku, li għandhom potenza tal-input medja użata ta’ ≥ 75 W f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim kostanti;

iddisinnjat biex jaħdem għalkollox b’ħiter mhux elettriku.

Tapplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 u tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021.”