2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/13


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2020/285

tat-18 ta’ Frar 2020

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tippermetti lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-iskemi speċjali tagħhom għall-impriżi ż-żgħar skont id-dispożizzjonijiet komuni u bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni aktar mill-qrib. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet mhumiex aġġornati u ma jnaqqsux il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar, peress li kienu mfassla għal sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ibbażata fuq l-Istat Membru tal-oriġini.

(2)

Fil-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-VAT, il-Kummissjoni ħabbret pakkett komprensiv ta' simplifikazzjoni għall-impriżi ż-żgħar li għandu l-għan li jnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom u jgħin biex jinħoloq ambjent tat-taxxa li jiffaċilita t-tkabbir tagħhom u l-iżvilupp tal-kummerċ transfruntier. Il-pakkett ta' simplifikazzjoni jinkludi rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar is-segwitu għall-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT. Ir-rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar għalhekk jikkostitwixxi element importanti tal-pakkett ta' riforma stabbilit fil-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT.

(3)

Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-piż ta' konformità sproporzjonat li jiffaċċjaw impriżi żgħar eżentati, ċerti miżuri ta' simplifikazzjoni jenħtieġ li jkunu disponibbli għalihom ukoll.

(4)

L-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar bħalissa tippermetti biss li tingħata eżenzjoni għall-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT. Dan għandu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern għall-impriżi mhux stabbiliti f'dak l-Istat Membru. Biex dan ikun indirizzat u biex jiġu evitati aktar distorsjonijiet, jenħtieġ li l-impriżi ż-żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra dak fejn tkun dovuta l-VAT, jitħallew ukoll jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

(5)

Fejn persuna taxxabbli tkun soġġetta għar-reġim regolari tal-VAT fl-Istat Membru ta' stabbiliment tagħha, iżda tagħmel użu mill-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi ż-żgħar fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li t-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xiri jirrifletti konnessjoni mal-provvisti intaxxati tal-persuna taxxabbli. Għaldaqstant, fejn tali persuni taxxabbli jakkwistaw inputs fl-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom li jkunu konnessi ma' provvisti eżentati fi Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-ebda tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ma jkun possibbli.

(6)

L-impriżi ż-żgħar jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni jekk il-fatturat annwali tagħhom ikun inqas mil-limitu applikat mill-Istat Membru li fih tkun dovuta l-VAT. Fl-istabbiliment tal-limitu tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli dwar il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2006/112/KE. Dawk ir-regoli, li l-biċċa l-kbira tagħhom iddaħħlu fis-seħħ fl-1977, ma għadhomx adattati.

(7)

Għall-finijiet ta' simplifikazzjoni, għadd ta' Stati Membri ġew awtorizzati, fuq bażi temporanja, japplikaw limitu ogħla minn dak awtorizzat skont id-Direttiva 2006/112/KE. Peress li mhuwiex xieraq li r-regoli ġenerali jibqgħu jiġu modifikati b'miżuri mogħtija permezz ta' deroga, jenħtieġ li r-regoli dwar il-limiti jiġu aġġornati.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu l-limitu nazzjonali tagħhom għall-eżenzjoni fil-livell l-aktar adattat għall-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, soġġett għal-limitu massimu previst skont din id-Direttiva. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li meta l-Istati Membri japplikaw limiti li jvarjaw għal setturi kummerċjali differenti, dan jeħtieġ li jiġi bbażat fuq kriterji oġġettivi. Meta persuna taxxabbli tkun eliġibbli biex tibbenefika minn aktar minn limitu settorjali wieħed, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuna taxxabbli tkun tista' tuża biss wieħed minn dawk il-limiti. Għandhom jiżguraw ukoll li l-limiti tagħhom ma jagħmlux distinzjoni bejn persuni taxxabbli stabbiliti u dawk mhux stabbiliti.

(9)

Il-limitu tal-fatturat annwali, li huwa l-bażi għall-eżenzjoni stabbilita permezz tal-iskema speċjali stabbilita f'din id-Direttiva, jikkonsisti biss fil-valur ikkombinat tal-provvisti ta' merkanzija u servizzi li jsiru minn impriża żgħira fl-Istat Membru fejn tkun ingħatat l-eżenzjoni. Jistgħu jinħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta impriża, li ma tkunx stabbilita f'dak l-Istat Membru, tkun tista' tibbenefika minn tali eżenzjoni irrispettivament mill-fatturat li tiġġenera fi Stati Membri oħra. Sabiex jitnaqqsu dawn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u bħala salvagwardja tad-dħul mit-taxxa, jenħtieġ li dawk l-impriżi li l-fatturat annwali tagħhom fl-Unjoni jkun inqas minn ċertu limitu biss ikunu eliġibbli għal eżenzjoni fi Stat Membru fejn mhumiex stabbiliti. Jenħtieġ li l-impriżi, li l-fatturat tagħhom fl-Istat Membru li jkunu stabbiliti fih ikun inqas mil-limitu nazzjonali, ikunu jistgħu jkomplu jeżentaw il-provvisti f'dak l-Istat Membru irrispettivament mill-fatturat li jiġġeneraw fi Stati Membri oħra, anki jekk il-fatturat globali tagħhom jaqbeż il-limitu tal-Unjoni.

(10)

Sabiex ikun hemm kontroll effettiv tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa, persuni taxxabbli li jkunu jridu jagħmlu użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru li ma jkunux stabbiliti fih jenħtieġ li jintalbu jagħtu notifika minn qabel lill-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni u tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità, jenħtieġ li tali persuni taxxabbli jiġu identifikati permezz ta' numru individwali fl-Istat Membru ta' stabbiliment biss. Huwa possibbli, iżda mhux bilfors, li dak in-numru jkun in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT individwali.

(11)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament u l-monitoraġġ xieraq tal-eżenzjoni kif ukoll it-trażmissjoni f'waqtha tal-informazzjoni, jenħtieġ li l-obbligi ta' rappurtar ta' persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru fejn mhumiex stabbiliti jiġu stipulati b'mod ċar. Dan għandu jippermetti li persuni taxxabbli konformi jinħelsu minn tali obbligi u mill-obbligu ta' reġistrazzjoni fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru ta' stabbiliment. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li, fejn tali persuni taxxabbli mhux stabbiliti ma jikkonformawx mal-obbligi ta' rappurtar stipulati speċifikament għalihom, dawn iridu jissodisfaw l-obbligi ġenerali ta' reġistrazzjoni u rappurtar tal-VAT kif stipulat fil-liġijiet nazzjonali tal-VAT.

(12)

Sabiex jiġu evitati inkonsistenzi fil-kalkolu tal-fatturat annwali tal-Istat Membru li jservi bħala referenza għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni, u tal-fatturat annwali tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi tal-fatturat li għandhom jitqiesu.

(13)

Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli dwar l-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar u biex jitħares l-iskop ta' dik l-eżenzjoni, jenħtieġ li persuna taxxabbli, kemm jekk stabbilita fl-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni kif ukoll jekk le, ma tkunx tista' tibbenefika mill-eżenzjoni fejn il-limitu nazzjonali stabbilit fiha jkun inqabeż fis-sena kalendarja preċedenti. Għall-istess raġunijiet, persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni jenħtieġ li ma tkunx tista' tibbenefika mill-eżenzjoni meta l-limitu tal-fatturat annwali tal-Unjoni jkun inqabeż fis-sena kalendarja preċedenti.

(14)

Sabiex tiġi żgurata transizzjoni gradwali ta' impriżi żgħar mill-eżenzjoni mit-tassazzjoni, jenħtieġ li persuni taxxabbli jitħallew ikomplu jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar għal perijodu limitat ta' żmien fejn il-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-limitu ta' eżenzjoni nazzjonali b'aktar minn perċentwal stabbilit ta' dak il-limitu. Peress li l-livell tal-limiti applikat jista' jvarja minn Stat Membru għal ieħor, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li japplikaw wieħed miż-żewġ perċentwali proposti sakemm l-applikazzjoni tal-perċentwal ma tirriżultax f'fatturat ta' persuna taxxabbli eżentata li jaqbeż ċertu ammont fiss. Fejn, matul sena kalendarja, il-limitu tal-fatturat annwali tal-Unjoni jinqabeż, huwa neċessarju, fid-dawl tal-funzjoni tal-limitu bħala salvagwardja tad-dħul, li l-eżenzjoni tieqaf tapplika minn dak il-mument.

(15)

Fejn tapplika eżenzjoni, jenħtieġ li, bħala minimu, l-impriżi ż-żgħar li jużaw l-eżenzjoni fl-Istat Membru ta' stabbiliment ikollhom aċċess għal proċedura ta' reġistrazzjoni tal-VAT f'perijodu stabbilit ta' żmien. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jestendu dak il-perijodu ta' żmien f'każijiet speċifiċi fejn ikunu meħtieġa verifiki fil-fond biex jiġu evitati l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.

(16)

Jenħtieġ li, bħala minimu, l-impriżi ż-żgħar li jagħmlu użu mill-eżenzjoni fl-Istat Membru ta' stabbiliment, ikollhom aċċess għal obbligi simplifikati ta' rappurtar.

(17)

Barra mill-għoti ta' eżenzjoni mill-VAT, l-iskemi speċjali jippermettu wkoll ħelsien mit-taxxa gradwat. Il-ħelsien mit-taxxa gradwat huwa sors ta' kumplessità u ftit jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar. Għalhekk jenħtieġ li din il-miżura titneħħa.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu d-dritt lil persuni taxxabbli li jagħżlu bejn is-sistema ġenerali tal-VAT u l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Jekk il-persuna taxxabbli teżerċita dak id-dritt, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu huma r-regoli u l-kondizzjonijiet dettaljati għall-eżerċizzju ta' dik l-għażla.

(19)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tinvolvix obbligi ġodda ta' reġistrazzjoni jew ta' rappurtar għall-impriżi ż-żgħar li jagħmlu użu mill-eżenzjoni biss fl-Istat Membru ta' stabbiliment.

(20)

Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jitnaqqas il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu , din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(21)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (4), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f'każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(22)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta' simplifikazzjon stipulati fid-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar tkun tista' tiġi mmonitorjata tajjeb, huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (5) sabiex l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri jkollhom aċċess awtomatizzat għad-data miġbura minn persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT għal impriżi żgħar.

(23)

Sabiex impriżi żgħar jingħataw aċċess faċli għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar f'kull Stat Membru, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

(24)

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta opinjoni fl-10 ta' Ottubru 2018 (6).

(25)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/112/KE u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(i)

persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli, fejn il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli li qed jaġixxi bħala tali li mhux eliġibbli għall-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284 u li mhix koperta mill-Artikolu 33 jew 36;";

(2)

L-Artikolu 139 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 138(1) m'għandhiex tapplika għall-provvista ta' merkanzija mwettqa minn persuni taxxabli li, fl-Istat Membru li fih issir il-provvista, huma koperti mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284.";

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   L-eżenzjoni prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 138(2) m'għandhiex tapplika għall-provvista ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn persuni taxxabbli li, fl-Istat Membru li fih issir il-provvista, huma koperti mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284.";

(3)

L-Artikolu 167a huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri li japplikaw l-iskema fakultattiva msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jistabbilixxu limitu għall-persuni taxxabbli li jużaw dik l-iskema fit-territorju tagħhom, abbażi tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 288. Dak il-limitu ma jistax ikun ogħla minn EUR 2 000 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.";

(b)

it-tielet paragrafu jitħassar;

(4)

fl-Artikolu 169, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

tranżazzjonijiet għajr dawk eżentati skont l-Artikolu 284 b'rabta mal-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), imwettqa barra l-Istat Membru li fih dik it-taxxa hija dovuta jew imħallsa, li fir-rigward tagħhom il-VAT tkun tista' titnaqqas li kieku huma kienu twettqu f'dak l-Istat Membru;";

(5)

fl-Artikolu 220a(1), jiżdied il-punt li ġej:

"(c)

meta l-persuna taxxabbli tkun qed tgawdi mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284.";

(6)

fl-Artikolu 270, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

il-valur totali annwali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti tagħhom ta' merkanzija u servizzi ma jaqbiżx b'aktar minn EUR 35 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, l-ammont tal-fatturat annwali li jintuża bħala referenza għall-persuni taxxabbli koperti mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284;";

(7)

fl-Artikolu 272(1), jitħassar il-punt (d);

(8)

fit-Titolu XII, Kapitolu 1, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

"Taqsima -1

Definizzjonijiet

Artikolu 280a

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"fatturat annwali fi Stat Membru" tfisser il-valur annwali totali tal-provvisti ta' merkanzija u servizzi, mingħajr il-VAT, magħmul minn persuna taxxabbli f'dak l-Istat Membru tul sena kalendarja;

(2)

"fatturat annwali fl-Unjoni" tfisser il-valur annwali totali tal-provvisti ta' merkanzija u servizzi, mingħajr il-VAT, magħmul minn persuna taxxabbli fit-territorju tal-Komunità tul sena kalendarja.";

(9)

fit-Titolu XII, Kapitolu 1, l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

"Eżenzjonijiet";

(10)

L-Artikolu 282 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 282

L-eżenzjonijiet previsti f'din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-provvista ta' merkanzija u servizzi minn impriżi żgħar.";

(11)

fl-Artikolu 283(1), jitħassar il-punt (c);

(12)

L-Artikolu 284 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 284

1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-provvista ta' merkanzija u servizzi magħmula fit-territorju tagħhom minn persuni taxxabbli li jkunu stabbiliti f'dak it-territorju u li l-fatturat annwali tagħhom fl-Istat Membru, attribwibbli għal tali provvisti, ma jaqbiżx il-limitu stabbilit minn dawk l-Istati Membri għall-applikazzjoni ta' din l-eżenzjoni. Dak il-limitu ma għandux ikun ogħla minn EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw limiti li jvarjaw għal setturi kummerċjali differenti bbażati fuq kriterji oġġettivi. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawk il-limiti ma għandu jaqbeż EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna taxxabbli eliġibbli biex tibbenefika minn aktar minn limitu settorjali wieħed, tkun tista' tuża biss wieħed minn dawk il-limiti.

Il-limiti stabbiliti minn Stat Membru ma għandhomx jagħmlu distinzjoni bejn persuni taxxabbli li huma stabbiliti u dawk li mhumiex stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri li jkunu daħħlu fis-seħħ l-eżenzjoni skont il-paragrafu 1 għandhom jagħtu wkoll dik l-eżenzjoni għall-provvisti ta' merkanzija u servizzi fit-territorju tagħhom stess magħmula minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fatturat annwali fl-Unjoni ta' dik il-persuna taxxabbli ma jaqbiżx EUR 100 000;

(b)

il-valur tal-provvisti fl-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita ma jaqbiżx il-limitu applikabbli f'dak l-Istat Membru biex tingħata l-eżenzjoni lil persuni taxxabbli stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

3.   Minkejja l-Artikolu 2924b, sabiex persuna taxxabbli tagħmel użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru li dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita fih, il-persuna taxxabbli għandha:

(a)

tagħti notifika minn qabel lill-Istat Membru ta' stabbiliment; u

(b)

tiġi identifikata għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni permezz ta' numru individwali fl-Istat Membru ta' stabbiliment biss.

L-Istati Membri jistgħu jużaw in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT individwali diġà allokat lill-persuna taxxabbli fir-rigward tal-obbligi ta' dik il-persuna taħt is-sistema interna jew japplikaw l-istruttura ta' numru tal-VAT jew ta' kwalunkwe numru ieħor għall-fini tal-identifikazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

In-numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkollu s-suffiss "EX", jew is-suffiss "EX" għandu jiżdied ma' dak in-numru.

4.   Il-persuna taxxabbli għandha tinforma bil-quddiem lill-Istat Membru ta' stabbiliment, permezz ta' aġġornament ta' notifika preċedenti, b'kull bidla fl-informazzjoni li tkun ingħatat qabel f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, inkluż l-intenzjoni li tagħmel użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru jew fi Stati Membri għajr dawk indikati fin-notifika preċedenti u d-deċiżjoni li titwaqqaf l-applikazzjoni tal-iskema ta' eżenzjoni fi Stat Membru jew fi Stati Membri li fih jew fihom dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita.

Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tat-trimestru kalendarju li jkun imiss wara li tkun waslet l-informazzjoni mingħand il-persuna taxxabbli jew, fejn tali informazzjoni tkun waslet matul l-aħħar xahar ta' trimestru kalendarju, mill-ewwel jum tat-tieni xahar tat-trimestru kalendarju li jkun imiss.

5.   L-eżenzjoni għandha tapplika fir-rigward tal-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita u fejn dik il-persuna taxxabbli jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-eżenzjoni skont:

(a)

notifika preċedenti, mid-data li fiha l-persuna taxxabbli tiġi infurmata bin-numru ta' identifikazzjoni individwali mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita; jew

(b)

aġġornament għal notifika preċedenti, mid-data tal-konferma tan-numru lill-persuna taxxabbli b'konsegwenza tal-aġġornament tagħha mill-Istat Membru ta' stabbiliment.

Id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu ma' għandhiex tkun aktar tard minn 35 jum ta' xogħol wara li tkun waslet in-notifika preċedenti jew l-aġġornament għan-notifika preċedenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, ħlief f'każijiet speċifiċi fejn sabiex jiġu evitati l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu żmien addizzjonali biex iwettqu l-verifiki meħtieġa.

6.   Il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali tal-ammont imsemmi f'dan l-Artikolu għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fit-18 ta' Jannar 2018. "

(13)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 284a

1.   In-notifika preċedenti imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 284(3) għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-attività, il-forma legali u l-indirizz tal-persuna taxxabbli;

(b)

l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom il-persuna taxxabbli jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-eżenzjoni;

(c)

il-valur totali tal-provvisti ta' merkanzija u/jew servizzi mwettqa fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-persuna taxxabbli u f'kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra matul is-sena kalendarja preċedenti;

(d)

il-valur totali tal-provvisti ta' merkanzija u/jew servizzi mwettqa fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-persuna taxxabbli u f'kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra matul is-sena kalendarja kurrenti qabel in-notifika.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tingħata għal kull sena kalendarja preċedenti li tappartjeni għall-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 288a(1) fir-rigward ta' kwalunkwe Stat Membru li japplika l-għażla stipulata fih.

2.   Meta l-persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta' stabbiliment f'konformità mal-Artikolu 284(4) li hija jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru jew Stati Membri għajr dawk indikati fin-notifika preċedenti, dik il-persuna ma tkunx obbligata li tagħti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sakemm dik l-informazzjoni tkun diġà ġiet inkluża fir-rapporti ppreżentati minn qabel skont l-Artikolu 284b.

L-aġġornament ta' notifika preċedenti msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi n-numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 284(3).

Artikolu 284b

1.   Persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) fi Stat Membru li fih dik il-persuna ma tkunx stabbilita f'konformità mal-proċedura skont -l-Artikolu 284 (3) u (4) għandha tirrapporta għal kull trimestru kalendarju lill-Istat Membru ta' stabbiliment l-informazzjoni li ġejja, inkluż in-numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 284(3):

(a)

il-valur totali tal-provvisti mwettqa matul it-trimestru kalendarju fl-Istat Membru ta' stabbiliment jew ''0'' jekk ma tkun saret l-ebda provvista;

(b)

il-valur totali tal-provvisti mwettqa matul it-trimestru kalendarju f'kull wieħed mill-Istati Membri għajr l-Istat Membru ta' stabbiliment jew "0" jekk ma tkun saret l-ebda provvista.

2.   Il-persuna taxxabbli għandha tikkomunika l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 fi żmien xahar minn tmiem it-trimestru kalendarju.

3.   Meta jinqabeż il-limitu tal-fatturat annwali fl-Unjoni msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 284(2), il-persuna taxxabbli għandha tinforma lill-Istat Membru ta' stabbiliment fi żmien 15-il jum ta' xogħol. Fl-istess ħin, il-persuna taxxabbli għandha tkun meħtieġa tirrapporta l-valur tal-provvisti msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu saru mill-bidu tat-trimestru kalendarju kurrenti sad-data li fiha jkun inqabeż il-limitu tal-fatturat annwali fl-Unjoni.

Artikolu 284c

1.   Għall-finijiet tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 284a(1) u l-Artikolu 284b(1), għandu japplika dan li ġej:

(a)

il-valuri għandhom jikkonsistu fl-ammonti elenkati fl-Artikolu 288;

(b)

il-valuri għandhom jiġu denominati f'euro;

(c)

fejn l-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni japplika limiti li jvarjaw kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 284(1), il-persuna taxxabbli għandha tkun obbligata, fir-rigward ta' dak l-Istat Membru, li tirrapporta separatament il-valur totali tal-provvisti tal-merkanzija u/jew tas-servizzi fir-rigward ta' kull limitu li jista' jkun applikabbli.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li ma adottawx l-euro jistgħu jitolbu li l-valuri jiġu espressi fil-munita nazzjonali tagħhom. Jekk il-provvisti jkunu saru f'muniti oħra, il-persuna taxxabbli għandha tuża r-rata tal-kambju li tkun tapplika fl-ewwel jum tas-sena kalendarja. Il-konverżjoni għandha ssir bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dak il-jum, jew, jekk ma jkun hemm l-ebda pubblikazzjoni f'dak il-jum, fil-jum ta' pubblikazzjoni li jkun imiss.

2.   L-Istat Membru ta' stabbiliment jista' jeħtieġ li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 284(3) u (4) u fl-Artikolu 284b(1) u (3) tiġi ppreżentata permezz ta' mezzi elettroniċi, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 284d

1.   Persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita, fir-rigward tal-provvisti koperti mill-eżenzjoni f'dak l-Istat Membru, ma għandhiex tkun meħtieġa:

(a)

tkun reġistrata għal skopijiet ta' VAT skont l-Artikoli 213 u 214;

(b)

tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 250.

2.   Persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-eżenzjoni fl-Istat Membru ta' stabbiliment u fi kwalunkwe Stat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita, fir-rigward tal-provvisti koperti mill-eżenzjoni fl-Istat Membru fejn ta' stabbiliment ma għandhiex tkun meħtieġa tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 250.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, fejn persuna taxxabbli tonqos milli tikkonforma mar-regoli previsti fl-Artikolu 284b, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li tali persuna taxxabbli tissodisfa obbligi tal-VAT bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 284e

L-Istat Membru ta' stabbiliment għandu, mingħajr dewmien, jew jiddiżattiva in-numru ta' identifikazzjoni msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 284(3) jew, jekk il-persuna taxxabbli tkompli tagħmel użu mill-eżenzjoni fi Stat Membru ieħor jew fi Stati Membri oħra, jadatta l-informazzjoni rċevuta skont l-Artikolu 284(3) u (4) fir-rigward tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

il-valur totali tal-provvisti rrappurtat mill-persuna taxxabbli jaqbeż l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 284(2);

(b)

l-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni nnotifika li l-persuna taxxabbli mhijiex eliġibbli għall-eżenzjoni jew li l-eżenzjoni ma baqgħetx tapplika f'dak l-Istat Membru;

(c)

il-persuna taxxabbli tkun infurmat bid-deċiżjoni tagħha li ma tibqax tapplika l-eżenzjoni; jew

(d)

il-persuna taxxabbli tkun infurmat, jew inkella jista' jiġi preżunt, li l-attivitajiet tagħha jkunu waqfu.

(14)

L-Artikoli 285, 286 u 287 jitħassru;

(15)

L-Artikolu 288 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 288

1.   Il-fatturat annwali li jservi bħala referenza għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284 għandu jikkonsisti mill-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

(a)

il-valur tal-provvisti ta' merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati li kieku kienu pprovduti minn persuna taxxabbli mhux eżentata;

(b)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżentati, bil-possibbiltà ta' tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, skont l-Artikolu 110, jew 111 jew l-Artikolu 125(1);

(c)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżenti skont l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 u 153;

(d)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżentati skont l-Artikoli 138 fejn tapplika l-eżenzjoni prevista f'dak l-Artikolu;

(e)

il-valur tat-tranżazzjonijiet ta' proprjetà immobbli, tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (b) sa (g) tal-Artikolu 135(1), u s-servizzi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, dment li dawk it-tranżazzjonijiet ma jkunux tranżazzjonijiet anċillari.

2.   Id-disponiment tal-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta' persuna taxxabbli ma għandux jitqies għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-fatturat imsemmi fil-paragrafu 1.

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 288a

1.   Persuna taxxabbli, kemm jekk stabbilita kif ukoll jekk mhux stabbilita fl-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1), ma għandhiex tkun tista' tibbenefika minn dik l-eżenzjoni matul perijodu ta' sena kalendarja waħda fejn il-limitu stabbilit f'konformità ma' dak il-paragrafu ikun inqabeż fis-sena kalendarja preċedenti. L-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni jista' jestendi dan il-perijodu għal sentejn kalendarji.

Meta, matul sena kalendarja, il-limitu msemmi fl-Artikolu 284(1) jinqabeż:

(a)

b'mhux aktar minn 10 %, persuna taxxabbli għandha tkun tista' tkompli tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) matul dik is-sena kalendarja;

(b)

b'aktar minn 10 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) għandha tieqaf tapplika minn dak il-ħin.

Minkejja l-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu massimu ta' 25 % jew jippermettu lill-persuna taxxabbli tkompli tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) mingħajr l-ebda limitu massimu matul is-sena kalendarja meta jinqabeż il-limitu. Madankollu, l-applikazzjoni ta' dan il-limitu massimu jew ta' din l-għażla ma tistax tirriżulta fl-eżenzjoni ta' persuna taxxabbli li l-fatturat tagħha fl-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni jaqbeż il-EUR 100 000.

B'deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) għandha tieqaf tapplika minn meta jinqabeż il-limitu stabbilit f'konformità ma' dak il-paragrafu.

2.   Persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) ma għandhiex tkun tista' tibbenefika minn dik l-eżenzjoni, fejn il-limitu tal-fatturat annwali fl-Unjoni msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 284(2) ikun inqabeż fis-sena kalendarja preċedenti.

Meta, matul sena kalendarja, il-limitu tal-fatturat annwali fl-Unjoni msemmi fil-punt a tal-Artikolu 284(2) jinqabeż, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) mogħtija lil persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li jagħti dik l-eżenzjoni għandha tieqaf tapplika minn dak il-ħin.

3.   Il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fit-18 ta' Jannar 2018.”

(17)

fl-Artikolu 290, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli u l-kondizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta' dik l-għażla.";

(18)

L-Artikoli 291 u 2924 jitħassru;

(19)

fit-Titolu XII, Kapitolu 1, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

"Taqsima 2a

Simplifikazzjoni tal-obbligi għal impriżi żgħar eżentati

Artikolu 292a

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima "impriżi żgħar eżentati" tfisser kwalunkwe persuna taxxabbli li tibbenefika mill-eżenzjoni fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT kif previst fl-Artikolu 284(1) u (2).

Artikolu 292b

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 284(3), l-Istati Membri jistgħu jeħilsu lill-impriżi ż-żgħar eżentati stabbiliti fit-territorju tagħhom, li jagħmlu użu mill-eżenzjoni f'dak it-territorju biss, mill-obbligu li jiddikjaraw il-bidu tal-attività tagħhom skont l-Artikolu 213 u li jiġu identifikati permezz ta' numru individwali skont l-Artikolu 214, għajr meta dawk l-impriżi jwettqu tranżazzjonijiet koperti mill-punt (b), (d) jew (e) tal-Artikolu 214.

Fejn ma tiġix eżerċitata l-għażla msemmija fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ proċedura għall-identifikazzjoni ta' tali impriżi żgħar eżentati permezz ta' numru individwali. Il-proċedura ta' identifikazzjoni ma għandhiex tieħu aktar minn 15-il jum ta' xogħol ħlief f'każijiet speċifiċi fejn sabiex tiġi evitata l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, l-Istati Membri jkunu jistgħu jeħtieġu żmien addizzjonali biex iwettqu l-verifiki meħtieġa.

Artikolu 292c

L-Istati Membri jistgħu jeħilsu lill-impriżi ż-żgħar eżentati stabbiliti fit-territorju tagħhom li jagħmlu użu mill-eżenzjoni f'dak it-territorju biss mill-obbligu li jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT stabbilita fl-Artikolu 250.

Jekk l-għażla msemmija fl-ewwel paragrafu ma tiġix eżerċitata, l-Istati Membri għandhom jippermettu li tali impriżi żgħar eżentati jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata tal-VAT biex jiġi kopert il-perijodu ta' sena kalendarja. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar eżentati jistgħu jagħżlu li jiġi applikat il-perijodu tat-taxxa stabbilit f'konformità mal-Artikolu 252.

Artikolu 292d

L-Istati Membri jistgħu jeħilsu lil impriżi żgħar eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha msemmija fl-Artikoli 217 sa 271."

(20)

fit-Titolu XII Kapitolu 1, titħassar it-Taqsima 3;

(21)

fl-Artikolu 314, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c)

persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista ta' merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra tkun koperta mill-eżenzjoni għal impriżi żgħar prevista fl-Artikolu 284 u tkun tinvolvi merkanzija kapitali;"

(22)

fl-Artikolu 334, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c)

persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista ta' merkanzija, imwettqa minn dik il-persuna taxxabbli f'konformità ma' kuntratt li taħtu titħallas kummissjoni fuq bejgħ, tkun koperta mill-eżenzjoni għal impriżi żgħar prevista fl-Artikolu 284 u tkun tinvolvi merkanzija kapitali;".

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

"(g)

l-informazzjoni li jiġbor skont l-Artikolu 284(3) u (4) u l-Artikolu 284b tad-Direttiva 2006/112/KE";

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-dettalji tekniċi li jikkonċernaw it-tiftix awtomatizzat tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2)."

(2)

fl-Artikolu 21 għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2b.   Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 17(1), minn tal-anqas id-dettalji li ġejjin għandhom ikunu aċċessibbli:

(a)

in-numri ta' identifikazzjoni individwali ta' persuni taxxabbli eżentati maħruġa mill-Istat Membru li qed jipprovdi l-informazzjoni;

(b)

l-isem, l-attività, il-forma legali u l-indirizz tal-persuni taxxabbli eżentati identifikati bin-numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fil-punt (a);

(c)

l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom il-persuna taxxabbli tagħmel użu mill-eżenzjoni;

(d)

id-data tal-bidu tal-eżenzjoni fir-rigward tal-persuna taxxabbli fi Stat Membru jew Stati Membri;

(e)

l-informazzjoni msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 284a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(f)

il-valur totali tal-provvisti ta' merkanzija u/jew servizzi, għal kull trimestru kalendarju, mwettqa minn kull persuna taxxabbli li għandha numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fil-punt (a) fl-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli hija stabbilita;

(g)

il-valur totali tal-provvisti ta' merkanzija u/jew servizzi, għal kull trimestru kalendarju, imwettqa minn kull persuna taxxabbli li għandha numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fil-punt (a) f'kull Stat Membru għajr dak li fih il-persuna taxxabbli hija stabbilita;

(h)

id-data li fiha l-fatturat annwali fl-Unjoni tal-persuna taxxabbli jkun qabeż l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 284(2) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(i)

id-data li fiha ssir effettiva d-deċiżjoni tal-persuna taxxabbli li volontarjament tieqaf tapplika l-eżenzjoni u l-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn il-waqfien għandu jsir effettiv;

(j)

id-data li fiha l-attivitajiet tal-persuna taxxabbli jkunu waqfu u l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati.

Il-valuri msemmija fil-punti (e) sa (g) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu speċifikati b'mod separat għal kull limitu li jista' jkun applikabbli skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 284(1) tad-Direttiva 2006/112/KE."

(3)

fl-Artikolu 31, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi konferma permezz ta' mezzi elettroniċi li l-persuna taxxabbli li lilha jkun inħareġ in-numru ta' identifikazzjoni individwali msemmi fl-Artikolu 284(3) tad-Direttiva 2006/112/KE hija impriża żgħira eżenti. Il-konferma għandha tispeċifika l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom il-persuna taxxabbli tagħmel użu mill-eżenzjoni."

(4)

fl-Artikolu 32, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, tippubblika fis-sit web tagħha d-dettalji dwar id-dispożizzjonijiet approvati minn kull Stat Membru li jittrasponu l-Artikolu 167a, il-Kapitolu 3 tat-Titolu XI u l-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE."

(5)

jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

"KAPITOLU Xa

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISKEMA SPEĊJALI FIL-KAPITOLU 1 TAT-TITOLU XII TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE

Artikolu 37a

1.   L-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja permezz ta' mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jagħtu l-eżenzjoni fi żmien 15-il jum ta' xogħol mid-data li fiha l-informazzjoni ssir disponibbli:

(a)

fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jkunu taw notifika minn qabel jew aġġornament ta' notifika msemmija fl-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (d) tal-Artikolu 21(2b) ta' dan ir-Regolament;

(b)

fir-rigward ta' persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fl-Unjoni jkun qabeż l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 284(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (h) tal-Artikolu 21(2b) ta' dan ir-Regolament;

(c)

fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jkunu naqsu milli jikkonformaw mar-regoli previsti fl-Artikolu 284b tad-Direttiva 2006/112/KE, il-fatt ta' dak in-nuqqas u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 21(2b) ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, li bih għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2)."

Artikolu 37b

1.   L-Istat Membru li lilu persuna taxxabbli tkun tat notifika minn qabel jew aġġornament sussegwenti f'konformità mal-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu, qabel ma jidentifika l-persuna taxxabbli jew jikkonferma n-numru ta' identifikazzjoni individwali lill-persuna taxxabbli, jikkalkula fuq il-bażi tal-valuri totali ta' provvisti rrappurtati mill-persuna taxxabbli, li l-limitu tal-fatturat annwali fl-Unjoni msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 284(2) ta' dik id-Direttiva ma jkunx inqabeż matul is-sena kalendarja kurrenti jew dik ta' qabel.

2.   L-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni għandu, fi żmien 15-il jum ta' xogħol wara li jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 37a(1) ta' dan ir-Regolament, jikkonferma permezz ta' mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment, abbażi tal-valuri totali ta' provvisti rrappurtati mill-persuna taxxabbli, li l-limitu tal-fatturat annwali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 284(2) tad-Direttiva 2006/112/KE ma nqabiżx matul is-sena kalendarja kurrenti u li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 288a(1) ta' dik id-Direttiva huma ssodisfati.

3.   L-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika permezz ta' mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment bid-data li fiha l-persuna taxxabbli tkun waqfet milli tkun eliġibbli għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa l-31 ta' Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2025.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert mill-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2025.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. MARIĆ


(1)  Opinjoni tal-11 ta' Settembru 2018 u opinjoni tal-15 ta' Jannar 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 35.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

(6)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 43.