1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/23


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1365

tat-23 ta’ Settembru 2020

dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti li huma proprjetà ta’ entitajiet privati jew imħaddma minnhom għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għoti ta’ assistenza lil kwalunkwe persuna li tkun tinsab f’diffikultà fuq il-baħar huwa obbligu legali tal-Istati Membri stabbilit fid-dritt internazzjonali konswetudinarju u konvenzjonali, b’mod partikolari fil-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni Safety of Life at Sea, SOLAS, 1974), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (United Nations Convention of the Law of the Sea, UNCLOS, 1979), u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi (il-Konvenzjoni Search and Rescue, SAR, 1979), kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni. L-Unjoni Ewropea hija Parti kontraenti fl-UNCLOS.

(2)

Mill-2014 lil hawn, eluf ta’ persuni ilhom jippruvaw jaqsmu l-Mediterran biex jaslu l-Ewropa, u dan jirrikjedi rispons multidimensjonali mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bil-ħsieb li jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet, tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni, jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni irregolari u jitħarbtu l-gruppi ta’ kriminalità organizzata ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti u traffikanti tal-bnedmin.

(3)

Filwaqt li l-migrazzjoni irregolari lejn l-UE naqset f’dawn l-aħħar sentejn (2) u ntilfu inqas ħajjiet fuq il-baħar, l-użu riskjuż ta’ bastimenti żgħar u mhux tajbin għat-tbaħħir fil-Mediterran jibqa’ karatteristika tax-xena tal-migrazzjoni, li jkompli jalimenta l-kriminalità organizzata u jikkawża mwiet inaċċettabbli. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, l-għadd totali ta’ mwiet fil-Mediterran sa issa fl-2020 qabeż il-500, b’aktar minn 1 880 fl-2019 u aktar minn 20 300 b’kollox mill-2014, biex b’hekk ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali lejn l-Ewropa saret l-aktar waħda fatali fid-dinja kollha.

(4)

Mill-2015, il-kapaċità tat-tiftix u s-salvataġġ, il-koordinazzjoni, u l-effettività fil-Mediterran ġew imsaħħa b’mod konsiderevoli b’reazzjoni għall-kriżi migratorja, inkluż b’kontribuzzjonijiet sinifikanti mill-istati kostali u l-involviment akbar ta’ bastimenti privati u kummerċjali. L-UE u l-Istati Membri saħħew il-kapaċità tagħhom fil-Mediterran, fosthom permezz ta’ operazzjonijiet nazzjonali u ta’ operazzjonijiet immexxija mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), bħal Themis (li qabel kienet Triton), Poseidon u Indalo, kif ukoll, preċedentement, l-operazzjoni navali tal-UE EUNAVFOR MED Sophia, li għenu biex jiġu salvati aktar minn 600 000 persuna fuq il-baħar mill-2015 ’l hawn.

(5)

F’dan il-kuntest, diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (non-governmental organisations, NGOs) kienu qed joperaw ukoll bastimenti privati, l-aktar fiż-żona tal-Mediterran Ċentrali, biex b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-salvataġġ ta’ persuni fuq il-baħar, li mbagħad jinġiebu lejn it-territorju tal-UE għal żbark sikur. Kif diġà ġie enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti (2015-2020) u ċċarat ulterjorment fil-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett tal-Faċilitaturi (C(2020) 6470), hemm il-ħtieġa li tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jipprovdu assistenza umanitarja lil persuni f’diffikultà fuq il-baħar, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ sanzjonijiet kriminali xierqa kontra l-kuntrabandisti.

(6)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-18 ta’ April 2018 dwar il-progress fir-rigward tal-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati (2018/2642 (RSP)), il-Parlament Ewropew appella biex ikun hawn kapaċitajiet akbar ta’ tiftix u salvataġġ għal persuni f’diffikultà, biex jiġu skjerati kapaċitajiet akbar mill-istati kollha, u biex jiġi rikonoxxut l-appoġġ ipprovdut minn atturi privati u NGOs fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art.

(7)

L-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jeħtieġu koordinazzjoni u żbark rapidu f’post ta’ sikurezza, u rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuni salvati, f’konformità mal-obbligi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement, u mad-dritt internazzjonali konswetudinarju u konvenzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi marittima, inklużi l-Linji Gwida tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (Maritime Safety Committee, MSC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (International Maritime Organisation, IMO) dwar it-trattament ta’ persuni salvati fuq il-baħar.

(8)

F’dawn l-aħħar snin tfaċċat forma ġdida ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fix-xenarju marittimu Ewropew fejn bastimenti operati minn NGOs fil-Baħar Mediterran Ċentrali kienu involuti, bħala l-attività predominanti tagħhom, f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, li huma wettqu taħt il-koordinazzjoni taċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu nazzjonali jew b'inizjattiva tagħhom stess. F’ħafna każijiet, dawn il-bastimenti wettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ konsekuttivi qabel ma niżlu dawk salvati f’post ta’ sikurezza.

(9)

It-traffikar tal-migranti bil-baħar huwa reat kriminali, li jista’ jpoġġi ħajjet in-nies f’riskju u huwa sanzjonat kemm bid-dritt Ewropew kif ukoll skont bid-dritt internazzjonali. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (United Nations Convention against Transnational Organised Crime, UNTOC) u l-Protokolli tagħha, inkluż il-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Migranti bl-art, bil-baħar u bl-ajru, li jissupplimenta l-UNTOC. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li tiġi evitata sitwazzjoni fejn it-traffikar tal-migranti jew in-networks tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-organizzazzjonijiet kriminali li jittraffikaw in-nies jew li jinvolvu ruħhom f’forom ta’ sfruttament assimilati mal-iskjavitù, jieħdu vantaġġ mill-operazzjonijiet ta’ salvataġġ imwettqa minn bastimenti privati fil-Mediterran.

(10)

Huwa mfakkar li l-Konvenzjoni SAR tobbliga lill-partijiet kontraenti biex jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiftix u salvataġġ u biex jieħdu passi urġenti biex jiżguraw li tingħata l-assistenza meħtieġa lil kwalunkwe persuna li tkun, jew tidher li tkun, f’diffikultà fuq il-baħar; jenħtieġ li l-partijiet rilevanti jikkoordinaw u jikkooperaw sabiex dawk assistiti jitniżżlu mill-vapur li jkun qiegħed jagħti assistenza u li dawn jitwasslu f’post ta’ sikurezza malajr kemm jista’ jkun raġonevolment prattikabbli. F’konformità mal-Linji Gwida tal-IMO dwar it-trattament ta’ persuni salvati fuq il-baħar, fl-għażla ta’ post ta’ sikurezza għall-iżbark, jenħtieġ li jitqiesu varjetà ta’ fatturi importanti u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ. Fost l-oħrajn, fil-każ ta’ dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati li jiġu rkuprati fil-baħar, jenħtieġ li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi evitat l-iżbark f’territorji fejn ikunu mhedda l-ħajjiet u l-libertajiet ta’ dawk li jallegaw li jkunu qegħdin isofru minn biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-IMO jirrikjedu li l-awtoritajiet tal-Istat responsabbli jagħmlu kull sforz biex iħaffu l-arranġamenti għall-iżbark tas-superstiti mill-bastiment, filwaqt li jissottolinjaw li f’xi każijiet il-koordinazzjoni meħtieġa tista’ tirriżulta f’dewmien inevitabbli.

(11)

Il-preżenza regolari ta’ bastimenti ta’ NGOs li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran tiskatta ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-bastimenti li jġorru persuni salvati u l-awtoritajiet nazzjonali, u tikkonċerna lid-diversi Stati Membri b’modi differenti: uħud huma l-Istati li jikkoordinaw l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ; uħud huma dawk li jirċievu l-persuni salvati, li jiġu żbarkati fit-territorju tagħhom; uħud huma dawk fejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jkunu legalment stabbiliti; u oħrajn huma dawk fejn il-bastimenti użati fl-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ ikunu kisbu l-bandiera tagħhom.

(12)

Bastimenti privati impenjati fi sforzi ta’ salvataġġ fil-Mediterran huma involuti f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ kumplessi u ta’ spiss rikorrenti, li jistgħu jikkonċernaw għadd kbir ta’ nies fir-rigward tal-kapaċità tal-bastimenti u jinvolvu firxa wiesgħa ta’ atturi, mis-salvataġġ sal-iżbark. Għalhekk, hija kwistjoni ta’ politika pubblika, inkluża dik tas-sikurezza, li dawn il-bastimenti jkunu rreġistrati kif xieraq u mgħammra kif suppost biex jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti ta’ sikurezza u saħħa assoċjati ma’ din l-attività, sabiex ma jkunux ta’ periklu għall-ekwipaġġ jew għall-persuni salvati. Dawn l-attivitajiet jeħtieġ li jseħħu f’qafas ikkoordinat, permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn l-operaturi privati u l-awtoritajiet nazzjonali.

(13)

L-iżbarki kontinwi ta’ persuni salvati fl-Istati Membri kostali għandhom konsegwenzi diretti fuq is-sistemi ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni tagħhom u jpoġġu pressjoni akbar u immedjata fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni u ażil tagħhom, inkluż fuq il-kapaċità ta’ akkoljenza u pproċessar tagħhom.

(14)

Barra minn inizjattivi oħra, fl-4 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni adottat “Pjan ta’ azzjoni dwar miżuri biex jingħata appoġġ lill-Italja, titnaqqas il-pressjoni tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u tiżdied is-solidarjetà”, li kien jinkludi l-iżvilupp mill-Italja ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-NGOs li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u abbażi ta’ djalogu mal-NGOs.

(15)

Lil hinn mill-isforzi ta’ koordinazzjoni stabbiliti sa issa, fosthom permezz tal-Forum dwar Għarfien Kondiviż u Koordinament fil-Mediterran (Shared Awareness and De-confliction in the Mediterranean, SHADE MED) stabbilit mill-Operazzjoni navali Sophia tal-UE, għad hemm il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-ispeċifiċità tal-prattika tat-tiftix u s-salvataġġ li kibret fil-Mediterran matul l-aħħar snin billi jiġi stabbilit qafas aktar strutturali, affidabbli u sostenibbli, f’konformità mal-kompetenzi tal-UE u l-istandards internazzjonali rilevanti. Jenħtieġ li dan il-qafas jistabbilixxi regoli speċifiċi għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u jindirizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa fost partikolari l-Istati Membri tal-bandiera u dawk kostali, b’mod partikolari. Hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni ma’ entitajiet privati li jipposjedu jew joperaw bastimenti bil-għan li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ u li jġibu persuni salvati fit-territorju tal-UE; tali qafas jenħtieġ li jkollu l-għan ukoll li jipprovdi informazzjoni xierqa fir-rigward tal-operazzjonijiet u l-istruttura amministrattiva ta’ dawn l-entitajiet, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u jtejjeb is-sikurezza, f’konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali applikabbli, fl-interessi ta’ dawk kollha abbord.

(16)

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp ta’ Kuntatt interdixxiplinarju li fih l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw u jikkoordinaw attivitajiet sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Grupp se jiġbor ħarsa ġenerali lejn ir-regoli u l-prattiki nazzjonali, jidentifika t-tagħlimiet meħuda, jivvaluta l-possibbiltà li jinħolqu mezzi mtejba ta’ kooperazzjoni bejn l-istati tal-bandiera u dawk kostali fir-rigward tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom, u jiżviluppa l-aħjar prattiki li jirriflettu l-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ kif żviluppaw matul l-aħħar snin. Huwa se jikkollabora regolarment mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari mal-Frontex, u, skont kif ikun xieraq, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran, ma’ akkademiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-IMO, sabiex jiskambjaw l-għarfien u jżommu l-koerenza tal-attivitajiet mal-qafas legali u operazzjonali internazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Grupp ta’ Kuntatt se jissorvelja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u joħroġ, darba fis-sena, rapport lill-Kummissjoni.

(17)

Il-Kummissjoni se tqis il-ħidma tal-Grupp ta’ Kuntatt u l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta tiżviluppa l-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni u r-Rapporti annwali dwar il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, kif xieraq. Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni tivvaluta u tirrakkomanda wkoll inizjattivi futuri, kif meħtieġ.

(18)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dmir ta’ kooperazzjoni u kwalunkwe obbligu ieħor li jirriżulta mil-liġi internazzjonali u tal-Unjoni rilevanti,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin fir-rigward tal-operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti bi sjieda privata jew operati privatament għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-fatalitajiet fuq il-baħar, tinżamm is-sikurezza tan-navigazzjoni u tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni f’konformità mal-obbligi legali rilevanti.

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-bandiera u kostali jiskambjaw informazzjoni, fuq bażi regolari u f’waqtha, dwar il-bastimenti involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ partikolari u dwar l-entitajiet li joperawhom jew li huma s-sidien tagħhom, f’konformità mad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-protezzjoni tad-data personali.

2.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin, u mal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt tagħha, jikkollaboraw mal-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż kif xieraq entitajiet privati li jippossjedu jew joperaw bastimenti bl-iskop li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, bil-ħsieb li jidentifikaw l-aħjar prattiki u jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jaraw li:

(a)

ikun hemm aktar sikurezza fuq il-baħar, u

(b)

l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu għall-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità mal-istandards għas-sikurezza fuq il-baħar kif ukoll ir-regoli rilevanti dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni.

3.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, mill-inqas darba fis-sena, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena ta’ referenza.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Ylva JOHANSSON

Membru tal-Kummissjoni