15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 424/31 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2064
tas-7 ta’ Diċembru 2020
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/635/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2006. |
(2) |
Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 4 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll 4”). Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4. |
(3) |
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll 4 (id-deċiżjoni). |
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni peress li d-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni. |
(5) |
Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont il-ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali. |
(6) |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ jadotta deċiżjoni li tintroduċi referenza fil-Protokoll 4. |
(7) |
Id-diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni l-Unjoni u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji |
(8) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 4 tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (3).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fit-31 ta’ Diċembru 2023.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/635/KE tal-21 ta’ April 2004 li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l oħra (ĠU L 304, 30.9.2004, p. 38).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).
(3) Ara d-dokument ST 11075/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu