8.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 412/33


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2005

tal-4 ta’ Diċembru 2020

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Irlanda biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Ottubru 2020, l-Irlanda talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(2)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Irlanda biex jitrażżnu t-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha mistennija jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-Ħarifa 2020 tal-Kummissjoni, l-Irlanda kienet mistennija jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,8 % u 63,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020, u l-PDG Irlandiż mistenni li jonqos bi 2,3 % fl-2020.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Irlanda. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fl-Irlanda fir-rigward tal-Iskema ta’ Sussidju tal-Pagi kif stabbilit fil-premessa (4).

(4)

L-Emergency Measures in the Public Interest (Covid-19) Act 2020, (Artikolu 28) “Covid-19: temporary wage subsidy provisions”, li jissemma fit-talba tal-Irlanda tas-27 ta’ Ottubru 2020, introduċa skema li tissussidja porzjon mill-kont tal-pagi tal-impjegatur f’ċirkostanzi li fihom in-negozju tal-impjegatur ikun ġie affettwat mir-restrizzjonijiet introdotti minħabba l-kriżi tal-COVID-19. L-iskema hija miftuħa għall-impjegaturi li jżommu lill-impjegati tagħhom fil-payroll tagħhom u għandha l-għan li tappoġġa l-vijabbiltà tal-kumpaniji u tippreserva r-relazzjoni bejn l-impjegatur u l-impjegat. L-iskema kienet attiva mis-26 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020. Inizjalment, sat-3 ta’ Mejju 2020, l-iskema ta’ sussidji tat rifużjoni ta’ mhux aktar minn EUR 410 fil-ġimgħa għal kull impjegat eliġibbli. Mill-4 ta’ Mejju 2020, il-ħlas tas-sussidji mexa għal sistema bbażata fuq il-paga netta fil-ġimgħa preċedenti għal kull impjegat, li kien jagħti lura bejn 70 % u 85 % tal-qligħ nett tal-impjegati lill-impjegaturi, soġġett għal limitu massimu ta’ EUR 350 jew EUR 410 fil-ġimgħa, skont il-livell tas-salarju.

(5)

L-Irlanda tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Irlanda tat biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni biex turi li n-nefqa pubblika reali żdiedet b’EUR 2 473 887 900 mill-1 ta’ Frar 2020 lil hawn minħabba l-ammont miżjud direttament relatat mal-Iskema Temporanja ta’ Sussidju tal-Pagi. Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u għolja ħafna minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Irlanda.

(6)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Irlanda u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-27 ta’ Ottubru 2020, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Irlanda tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(8)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(9)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Irlanda, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Irlanda tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lill-Irlanda li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 473 887 900. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Irlanda f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.   L-Irlanda għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

L-Irlanda tista’ tiffinanzja l-Iskema Temporanja ta’ Sussidju tal-Pagi, li tissussidja porzjon mill-kont tal-pagi tal-impjegatur f’ċirkostanzi li fihom in-negozju tal-impjegatur ikun ġie affettwat mir-restrizzjonijiet introdotti minħabba l-kriżi tal-COVID-19 u meta r-relazzjoni ta’ impjieg tkun inżammet, kif previst fl-Emergency Measures in the Public Interest (Covid-19) Act 2020 (l-Artikolu 28) “Covid-19: temporary wage subsidy provisions”.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.