18.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 386/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1722

tas-16 ta’ Novembru 2020

dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu mal-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet għall-2021

(notifikata bid-dokument C(2020) 7704)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 9a tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE (2) tistabbilixxi l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu mal-Unjoni kollha għall-irkantar jew għall-allokazzjoni bla ħlas għall-2013 skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 9a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, l-estensjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (“EU ETS”) għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, u t-tagħrif addizzjonali u d-data aktar akkurata li saret disponibbli, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE (3) emendat id-Deċiżjoni 2010/634/UE skont dan, billi stabbiliet kwantità ta’ 2 084 301 856 kwoti mal-Unjoni kollha għall-2013. Dan l-ammont kellu jonqos kull sena permezz tal-fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 1,74 % sabiex jiddetermina l-kwantità totali ta’ kwoti li se jinħarġu fis-snin kalendarji ta’ wara l-2013.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emendat id-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdied il-fattur lineari ta’ tnaqqis għal 2,2 % mill-2021, li jammonta għal tnaqqis ta’ 43 003 515 kwota li se jinħarġu fl-Unjoni kull sena. Il-kwantità ta’ kwoti mal-Unjoni kollha għall-2021 stabbilita f’din id-Deċiżjoni titnaqqas b’dan l-ammont.

(3)

Fl-1 ta’ Frar 2020, il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) daħal fis-seħħ. Skont l-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-Direttiva 2003/87/KE tapplika għar-Renju Unit kif ukoll f’dan il-pajjiż sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta l-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm. Barra minn hekk, minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Protokoll għall-Ftehim dwar il-Ħruġ fuq l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq japplika. Skont l-Artikolu 9 u l-Anness 4 tal-Protokoll għall-Ftehim dwar il-Ħruġ fuq l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, id-Direttiva 2003/87/KE tissokta tapplika għar-Renju Unit kif ukoll f’dan il-pajjiż fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq. Għaldaqstant, l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq jibqgħu suġġetti għad-Direttiva ETS wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-kwantità ta’ kwoti mal-Unjoni kollha għall-2021 jiġu kkalkulati abbażi tal-kwantità medja annwali ta’ kwoti maħruġa mill-Istati Membri attwali f’konformità mal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni rispettivi tagħhom għas-snin mill-2008 sal-2012 (6), u f’konformità mal-kwantità medja annwali ta’ kwoti għall-perjodu mill-2008 sal-2012 allokata bħala konsegwenza tal-installazzjonijiet tal-Irlanda ta’ Fuq li jiġġeneraw l-elettriku. Peress li installazzjoni kkonċernata fl-Irlanda ta’ Fuq ipproduċiet kemm elettriku kif ukoll sħana tul il-perjodu referenzjarju, il-kwantità medja annwali ta’ kwoti allokati bħala konsegwenza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn din l-installazzjoni hi ddeterminata billi jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tas-saħa, bl-użu tal-parametri referenzjarji tas-sħana użati biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas.

(5)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 4 tagħha, jenħtieġ li l-kwantità ta’ kwoti mal-Unjoni kollha għall-2021 tqis l-aħħar data xjentifika fir-rigward tal-potenzjal ta’ tisħin globali tal-gassijiet serra, u l-esklużjoni mill-installazzjonijiet iż-żgħar tal-EU ETS mill-Kroazja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Italja, mis-Slovenja, minn Spanja, mill-Portugall u mill-Iżlanda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE.

(6)

Abbażi ta’ dan, għall-2021, jenħtieġ li l-kwantità ta’ kwoti mal-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 1 571 583 007,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-2021, il-kwantità ta’ kwoti mal-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 1 571 583 007.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President Eżekuttiv


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE tat-22 ta’ Ottubru 2010 li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 34).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE tal-5 ta’ Settembru 2013 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, 7.9.2013, p. 27).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).

(5)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(6)  Peress li l-Kroazja ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, il-kwantità ta’ kwoti mal-Unjoni kollha ġiet ikkalkulata fir-rigward tal-Kroazja skont il-punt 8 tal-Anness III tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti lit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u lit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21).