19.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1513

tal-15 ta’ Ottubru 2020

dwar ċerti miżuri protettivi marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja

(Notifikata bid-dokument C(2020) 7014)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-ħnieżer u tisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinxtered ma’ popolazzjonijiet oħra ta’ ħnieżer selvaġġi u ma’ azjendi agrikoli tal-ħnieżer.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. B’mod partikolari, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi ċerti miżuri li jridu jittieħdu wara li jkun ġie kkonfermat każ wieħed jew aktar tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer salvaġġi.

(4)

Il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tagħha, wara li feġġ każ ta’ din il-marda fl-istat ta’ Brandenburg ta’ dak l-Istat Membru federali, u f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, ħadet għadd ta’ miżuri li jinkludu l-istabbiliment taż-żona infettata, li fiha japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ dik il-marda.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1270 (4) ġiet adottata wara li ġiet stabbilita ż-żona infettata fil-Ġermanja, f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE.

(6)

Sabiex jiġi evitat kull tfixkil bla bżonn lill-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li tiġi identifikata fil-livell tal-Unjoni ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja, f’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Għaldaqstant, iż-żona infettata fil-Ġermanja jenħtieġ li tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(8)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1270 jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja għandha tiżgura li ż-żona infettata stabbilita minn dak l-Istat Membru, fejn japplikaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1270 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Novembru 2020.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda id-Direttiva 92/119/KE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1270 tal-11 ta’ Settembru 2020 dwar ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja (ĠU L 297I, 11.9.2020, p. 1).


ANNESS

Iż-żoni stabbiliti bħala ż-żona infettata fil-Ġermanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Id-data sa meta applikabbli

Landkreis Oder-Spree

Gemeinde Grunow-Dammendorf

Gemeinde Mixdorf

Gemeinde Siehdichum

Gemeinde Schlaubetal

Gemeinde Neuzelle

Gemeinde Neißemünde

Gemeinde Lawitz

Gemeinde Eisenhüttenstadt

Gemeinde Vogelsang

Gemeinde Ziltendorf

Gemeinde Wiesenau

Gemeinde Friedland mit den Gemarkungen Günthersdorf, Lindow, Weichensdorf, Groß Muckrow, Klein Muckrow, Chossewitz, Groß Briesen, Reudnitz, Oelsen

It-30 ta’ Novembru 2020

Landkreis Dahme-Spreewald

Gemeinde Jamlitz

Gemeinde Lieberose – mit den Gemarkungen Goschen, Blasdorf, Lieberose, Trebitz

It-30 ta’ Novembru 2020

Landkreis Spree-Neiße

Gemeinde Turnow-Preilack mit der Gemarkung Preilack

Gemeinde Tauer

Gemeinde Schenkendöbern

Gemeinde Guben

Gemeinde Jänschwalde mit den Gemarkungen Jänschwalde, Drewitz

Gemeinde Peitz

It-30 ta’ Novembru 2020