15.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1479

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li tistabbilixxi listi ta’ prijorità għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-network u ta’ linji gwida għall-elettriku għall-perjodu mill-2020 sal-2023 u għall-gass fl-2020

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq internat għall-elettriku (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 59(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u tal-linji gwida huma essenzjali sabiex ikun hemm suq intern tal-enerġija integrat għalkollox. Ir-regoli tas-suq intern tal-elettriku u l-gass joħolqu struttura istituzzjonali għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-network. Din l-istruttura istituzzjonali reċentement tjiebet permezz tad-Disinn il-ġdid tas-Suq tal-Elettriku, b’mod partikolari bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/943 bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha (3). Għal dan l-iskop, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”), in-Networks Ewropej tal-Operaturi tas-Sistemi tat-trażmissjoni (“ENTSOs”), l-entità Ewropea għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (“Enitità EU DSO”) u l-Kummissjoni jaħdmu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(2)

L-oqsma li fihom jistgħu jiġu żviluppati l-kodiċijiet tan-netwerk huma stabbiliti fl-Artikolu 59(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Minbarra l-possibbiltà li jiġu żviluppati kodiċijiet tan-network, il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa linji gwida fuq inizjattiva tagħha stess. L-oqsma li fihom jistgħu jiġu żviluppati l-linji gwida huma stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. F’konformità mal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) 2019/943 u mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-Kummissjoni l-ewwel trid tistabbilixxi listi ta’ prijorità sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk. Il-listi ta’ prijorità għandhom jiġu stabbiliti kull tliet snin għas-settur tal-elettriku u kull sena għas-settur tal-gass.

(3)

Il-Kummissjoni diġà adottat regoli armonizzati tal-elettriku dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, il-konnessjoni tal-ġeneraturi, il-konnessjoni tad-domanda, il-kurrent dirett b’vultaġġ għoli, l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, it-tħaddim tas-sistema, ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta’ emerġenza u ta’ restawr, u l-ibbilanċjar.

(4)

Barra minn hekk, rigward il-gass ġew adottati regoli armonizzati dwar il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-ibbilanċjar, l-interoperabbiltà u l-iskambju ta’ data, u ma’ dawn ġew adottati wkoll strutturi tariffarji armonizzati b’rabta mat-trażmissjoni.

(5)

Fil-konsultazzjoni mmirata tal-partijiet ikkonċernati (4), il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati appoġġaw l-iżvilupp ta’ regoli armonizzati tal-elettriku fir-rigward taċ-ċibersigurtà u fir-rigward tal-flessibbiltà min-naħa tad-domanda. Rigward il-gass, il-partijiet ikkonċernati appoġġaw il-prijoritizzazzjoni tal-ħidma li diġà nbdiet u enfasizzaw l-importanza ta’ implimentazzjoni xierqa u koordinata tajjeb tal-kodiċijiet tan-network u tal-linji gwida.

(6)

Filwaqt li jiġu rikonoxxuti r-reazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jiġu kkunsidrati l-isfidi l-ġodda fir-rigward taċ-ċibersigurtà kif ukoll il-ħtieġa ta’ suq flessibbli trasparenti u mhux diskriminatorju, il-lista ta’ prijorità għall-elettriku għall-2020–2023 tinkludi regoli armonizzati dwar iċ-ċibersigurtà u dwar il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda.

(7)

Barra minn hekk, waqt li jiġu rikonoxxuti r-reazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u filwaqt li titqies l-implimentazzjoni kontinwa tar-regoli eżistenti dwar il-gass, ma ġie identifikat l-ebda qasam ġdid għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-network u ta’ linji gwida għall-gass għall-2020,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ prijorità għall-iżvilupp ta’ regoli armonizzati dwar l-elettriku għall-perjodu mill-2020 sal-2023 għandha tkun din li ġejja:

(a)

regoli speċifiċi għas-settur dwar l-aspetti taċ-ċibersigurtà għall-flussi transkonfinali tal-elettriku, inklużi regoli dwar rekwiżiti minimi komuni, l-ippjanar, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

(b)

regoli li jirrigwardaw il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, inklużi regoli dwar ir-regoli dwar l-aggregazzjoni, il-ħżin tal-enerġija u t-tnaqqis tad-domanda.

Artikolu 2

Ma ġew identifikati l-ebda oqsma ġodda għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-network u linji gwida għall-gass fl-2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank tal-Investiment Ewropew — Clean Energy For All Europeans (COM(2016) 860 final).

(4)  It-tweġibiet huma ppublikati fis-sit web: https://ec.europa.eu/energy/consultations/consultation-establish-priority-list-network-codes_en