21.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 305/5 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1310
tal-21 ta’ Settembru 2020
li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. |
(2) |
Fis-27 ta’ Marzu 2020, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni, f’isem l-Unjoni, dwar il-Libja li fiha l-partijiet kollha ntalbu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali. |
(3) |
Fit-12 ta’ Mejju 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni, f’isem l-Unjoni, li ddikjarat li l-Unjoni għadha determinata li tara li l-embargo fuq l-armi tan-NU fil-Libja jiġi rrispettat b’mod sħiħ. Ġie enfasizzat ukoll li jridu jsiru l-isforzi kollha biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU, anke permezz tal-fruntieri tal-art u tal-ajru mal-Libja. |
(4) |
Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni fakkret lill-partijiet li huma jridu jirrispettaw id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali, u li dawk li jiksruh ser jinżammu responsabbli. |
(5) |
Il-Kunsill jibqa’ mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u b’mod partikolari dwar atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Libja, inkluż ksur tal-embargo fuq l-armi tan-NU u tentattivi illeċiti ta’ kuntrabandu ta’ żejt Libjan kif ukoll abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. |
(6) |
F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza fil-Libja, jenħtieġ li żewġ persuni responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tliet entitajiet involuti fi ksur tal-embargo fuq l-armi tan-NU jinżiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. |
(7) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 jiġu emendati skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 huma emendati f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
ANNESS
(1)
Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, Anness II, Parti A Persuni, jinżiedu l-entrati li ġejjin:
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“17. |
AL-WERFALLI, Mahmoud Mustafa Busayf magħruf ukoll bħala AL-WARFALLI, Mahmud |
Data tat-twelid: 1978 Post tat-twelid: Tribù ta’ Werfalla, fil-Punent tal-Libja jew Elrseefa (Bani Walid) Sess: raġel |
Mahmoud al-Werfalli jservi bħala kmandant (logutenent) tal-Brigata al-Saiqa bbażata f’Benghazi. F’dan ir-rwol, al-Werfalli huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem inkluż qtil u eżekuzzjonijiet, u involva ruħu direttament jew indirettament fihom. Al-Werfalli ġie marbut mal-qtil ta’ tlieta u tletin persuna bejn Ġunju 2016 u Lulju 2017 f’diversi inċidenti kif ukoll eżekuzzjoni tal-massa ta’ għaxar persuni fl-24 ta’ Jannar 2018. |
21.9.2020 |
18. |
DIAB, Moussa magħruf ukoll bħala DIAB, Mousa |
Sess: raġel |
Moussa Diab huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fosthom traffikar ta’ bnedmin u l-ħtif, l-istupru u l-qtil ta’ migranti u refuġjati, u involva ruħu direttament fihom. Huwa żamm migranti u refuġjati maqbuda f’kamp ta’ detenzjoni illegali qrib Bani Walid, fejn ġew ittrattati b’mod inuman u degradanti. Diversi migranti u refuġjati nqatlu meta ppruvaw jaħarbu mill-kamp ta’ detenzjoni.. |
21.9.2020” |
(2)
Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, Anness IV, Parti A Persuni, jinżiedu l-entrati li ġejjin:
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“22. |
AL-WERFALLI, Mahmoud Mustafa Busayf magħruf ukoll bħala AL-WARFALLI, Mahmud |
Data tat-twelid: 1978 Post tat-twelid: Tribù ta’ Werfalla, fil-Punent tal-Libja jew Elrseefa (Bani Walid) Sess: raġel |
Mahmoud al-Werfalli jservi bħala kmandant (logutenent) tal-Brigata al-Saiqa bbażata f’Benghazi. F’dan ir-rwol, al-Werfalli huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem inkluż qtil u eżekuzzjonijiet, u involva ruħu direttament jew indirettament fihom. Al-Werfalli ġie marbut mal-qtil ta’ tlieta u tletin persuna bejn Ġunju 2016 u Lulju 2017 f’diversi inċidenti kif ukoll eżekuzzjoni tal-massa ta’ għaxar persuni fl-24 ta’ Jannar 2018. |
21.9.2020 |
23. |
DIAB, Moussa magħruf ukoll bħala DIAB, Mousa |
Sess: raġel |
Moussa Diab huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fosthom traffikar ta’ bnedmin u l-ħtif, l-istupru u l-qtil ta’ migranti u refuġjati, u involva ruħu direttament fihom. Huwa żamm migranti u refuġjati maqbuda f’kamp ta’ detenzjoni illegali qrib Bani Walid, fejn ġew ittrattati b’mod inuman u degradanti. Diversi migranti u refuġjati nqatlu meta ppruvaw jaħarbu mill-kamp ta’ detenzjoni. |
21.9.2020” |
(3)
Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, Anness IV, Parti taħt l-intestatura B Entitajiet, jinżiedu l-entrati li ġejjin:
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|||
“17. |
Sigma Airlines magħrufa wkoll bħala Sigma Aviation; Air Sigma |
Indirizz:
Tel. +77272922305 Sit web: https://airsigma.pro/ Irreġistrata bl-isem: Kenesbayev Umirbek Zharmenovich |
Sigma Airlines hija kumpannija tal-ajru tal-merkanzija kummerċjali li topera inġenji tal-ajru li nstabu li kisru l-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fil-UNSCR 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. In-NU identifikat lil Sigma Airlines bħala waħda mill-fornituri kummerċjali tal-merkanzija bl-ajru li joperaw f’nuqqas ta’ konformità mal-embargo tan-NU fuq it-trasferiment ta’ materjal militari lejn il-Libja. |
21.9.2020 |
|||
18. |
Avrasya Shipping |
Indirizz: Liman Mh. Gezi Cd. No:22/3 İlkadım, Samsun, Turkey Tel. +90 549 720 1748 Indirizz elettroniku: info@avrasyashipping.com Sit web: http://www.avrasyashipping.com/iletisim |
Avrasya Shipping hija kumpannija marittima li topera bastiment imsejjaħ Cirkin li nstab li kiser l-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fil-UNSCR 1970 (2011) u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. B’mod partikolari, Cirkin instab li kien marbut mat-trasport ta’ materjal militari lejn il-Libja f’Mejju u Ġunju 2020. |
21.9.2020 |
|||
19. |
Med Wave Shipping |
Indirizz:
Tel. +962787064121; +96265865550; +96265868550 Indirizz elettroniku: operation@medwave.co |
Med Wave Shipping hija kumpannija marittima li topera bastiment imsejjaħ Bana li nstab li kiser l-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fil-UNSCR 1970 (2011), u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. B’mod partikolari, Bana instab li kien marbut mat-trasport ta’ materjal militari lejn il-Libja f’Jannar 2020. |
21.9.2020” |