21.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/27


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1305

tat-18 ta’ Settembru 2020

li tawtorizza lir-Renju Unit jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut minn ċerti ftehimiet internazzjonali li jiġu applikati matul il-perijodu ta' tranżizzjoni fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1), b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 129(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ") jipprevedi li, tul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit irid jkun marbut mill-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, mill-Istati Membri li jaġixxu f’isimha, jew mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha li jaġixxu b’mod konġunt.

(2)

L-Artikolu 129(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi li, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, ir-Renju Unit irid iżomm lura, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, milli jieħukwalunkwe azzjoni jew inizjattiva li aktarx li tkun ta' ħsara għall-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qafas ta’ kwalunkwe organizzazzjoni, aġenzija, konferenza jew forum internazzjonali li għalihom ir-Renju Unit ikun Parti għan-nom tiegħu stess.

(3)

Skont l-Artikolu 129(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit jista’ jinnegozja, jiffirma u jirratifika ftehimiet internazzjonali li jidħol għalihom fil-kapaċità tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni dment li dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ jew ma jkunux japplikaw matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, sakemm ma jkunux awtorizzat għal dan mill-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

(5)

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135, il-Kunsill jista’ jawtorizza lir-Renju Unit biex jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut minn ftehim internazzjonali maħsub biex jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat matul il-perijodu ta' transizzjoni, f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(6)

Fit-3 ta’ April 2020, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut minn ħames ftehimiet internazzjonali — li jistabbilixxu ħames organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) – maħsuba biex jiġu applikati matul il-perijodu ta; tranżizzjoni, fil-qasam tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni dwar is-sajd. Dawk il-ftehimiet huma: il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (3) li tistabbilixxi l-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC); il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (4) li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO); il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (5) li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT); il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean tal-Indja (6) (IOTC); u l-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (7) li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO).

(7)

Ir-Renju Unit jiġġustifika l-interess tiegħu li jaderixxi ma’ dawk il-ftehimiet, tul il-perijodu ta' tranżizzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 63 u 64 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (8) (UNCLOS) u l-Artikoli 7 u 8 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta' ħut li jpassi ħafna (highly migratory) (9) (UNFSA), b’mod partikolari l-obbligi tal-Unjoni u tar-Renju Unit li jikkooperaw permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali xierqa fil-konservazzjoni u fil-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi. Ir-Renju Unit jidhirlu li la hu u lanqas l-Unjoni ma jistgħu jagħtu effett sħiħ lil dawk l-obbligi jekk tul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit ma jkunx jista’ jikkoopera b’mod indipendenti mal-Unjoni u ma’ Stati rilevanti oħra dwar materji li jaffettwaw lir-Renju Unit bħala Stat kostali u Stat tas-sajd indipendenti wara li jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni. Għalhekk, ir-Renju Unit irid jipparteċipa f’diskussjonijiet tul il-perijodu ta' tranżizzjoni fuq deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd li jkollhom effett wara li jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni.

(8)

Permezz tal-ittra tiegħu tat-3 ta’ April 2020, ir-Renju Unit wera interess speċifiku li l-ftehimiet internazzjonali inkwistjoni jibdew japplikaw matul il-perijodu ta' tranżizzjoni. Għalhekk, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 hi ssodisfata.

(9)

Il-ħames ftehimiet internazzjonali inkwistjoni huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għalhekk, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 hija ssodisfata.

(10)

Ir-Renju Unit ikkonferma wkoll li l-adeżjoni tiegħu ma’ dawk il-ftehimiet internazzjonali li jistabbilixxu RFMOs ma tkunx ta’ ħsara għall-interessi tal-Unjoni. Ir-Renju Unit beħsiebu biss jipparteċipa f’laqgħat dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw materji li jkollhom effett wara li jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni. B’mod partikolari, is-sħubija tar-Renju Unit f'dawk l-RFMOs fil-kapaċità tiegħu stess, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ma tpoġġiex f’riskju l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd u mhijiex b'xi mod ieħor ta' ħsara għall-interessi tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 hija ssodisfata.

(11)

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135, tali awtorizzazzjoni tista' tkun kondizzjonali. L-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tingħata sakemm ir-Renju Unit jipparteċipa biss f'materji li jridu jiġu applikati jew ikollhom effett wara li jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni.

(12)

Ir-Renju Unit hu marbut bl-obbligi li jirriżultaw mill-UNCLOS u mill-UNFSA u għaldaqstant irid jimmaniġġja u jippriżerva r-riżorsi ħajjin tal-baħar b’mod sostenibbli. Dawk l-objettivi huma konformi mal-objettiv tal-Unjoni li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u li jkun żgurat t-tkomplija tas-sajd responsabbli li jiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(13)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 129(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit jista’ jiffirma u jirratifika fil-kapaċità tiegħu stess il-ħames ftehimiet internazzjonali li fuqhom jissejsu l-ħames RFMOs li għalihom qed jitlob l-adeżjoni. Dan jiffaċilita u jippermetti li r-Renju Unit jagħti effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw mill-UNCLOS, b'mod partikolari l-Artikoli 63 u 64 tagħha, meta jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni u d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għalih.

(14)

Ir-Renju Unit għalhekk jenħtieġ ikun awtorizzat li jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut mill-ftehimiet internazzjonali maħsuba li jiġu applikati matul il-perijodu ta' tranżizzjoni.

(15)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, jenħtieġ li r-Renju Unit ma jipparteċipax f’materji applikati jew li jkollhom effett matul il-perijodu ta' tranżizzjoni. Barra minn hekk, biex ma jiġux preġudikati n-negozjati li għaddejjin dwar is-sajd fil-kuntest tal-ftehim ta’ sħubija futur bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, b’mod partikolari fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd li għalihom il-kwota tal-Unjoni bħalissa tinkludi s-sehem tar-Renju Unit, jenħtieġ li r-Renju Unit jibda konsultazzjoni mal-Unjoni qabel ma tiġi diskussa din il-kwota,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-Renju Unit hu awtorizzat li jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut mill-ftehimiet internazzjonali li ġejjin, li huma maħsuba li jiġu applikati tul il-perijodu ta' tranżizzjoni:

(a)

il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, li tistabbilixxi l-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC);

(b)

il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO);

(c)

il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT);

(d)

il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean tal-Indja (IOTC);

(e)

il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana, li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO).

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-parteċipazzjoni f’materji applikati jew li jkollhom effett wara li jintemm il-perijodu ta' tranżizzjoni.

3.   Fejn tidħol il-kwota tas-sajd kondiviża mal-Unjoni, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni minn qabel mir-Renju Unit mal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1.

(2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE tat-13 ta’ Lulju 1981 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta’ Diċembru 1978 li jirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE tad-9 ta’ Ġunju 1986 dwar l-Adeżjoni tal-Komunità fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, kif emendata bil-Protokoll mehmuż mal-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati li jifformaw Parti mill-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/399/KE tat-18 ta’ Settembru 1995 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Ftehim għall-ħolqien tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (ĠU L 236, 5.10.1995, p. 24).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).

(8)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.

(9)  ĠU L 189, 3.7.1998, p. 16.