26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/18


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1220

tal-21 ta’ Awwissu 2020

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Dritt għal Kura”

(notifikata bid-dokument C(2020) 5705)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Lulju 2020, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Dritt għal Kura”.

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva proposta huma li: “[1] tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-privattivi, ma jxekklux l-aċċessibbiltà jew id-disponibbiltà ta’ kwalunkwe vaċċin jew trattament futur tal-COVID-19; [2] tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-data u l-esklussività tas-suq ma tillimitax l-effettività immedjata tal-liċenzji obbligatorji maħruġa mill-Istati Membri; [3] tintroduċi obbligu legali għall-benefiċjarji mill-fondi tal-UE biex jaqsmu l-għarfien marbut mat-teknoloġija tas-saħħa tal-COVID-19, mal-proprjetà intellettwali u/jew mad-data f’aggregazzjoni ta’ teknoloġiji jew ta’ privattivi; [4] tintroduċi obbligu legali għall-benefiċjarji mill-fondi tal-UE fir-rigward tat-trasparenza fil-kontribuzzjonijiet pubbliċi, l-ispejjeż tal-produzzjoni, kif ukoll il-klawżoli ta’ aċċessibilità u affordabbiltà flimkien ma’ liċenzji mhux esklussivi.”

(3)

L-anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta. B’mod partikolari, il-grupp ta’ organizzaturi jitlob lill-Unjoni “tqiegħed is-saħħa pubblika qabel il-qligħ privat [u] tagħmel il-vaċċini u t-trattamenti kontra l-pandemija beni pubbliċi globali, li jkunu aċċessibbli b’xejn għal kulħadd”.

(4)

Fir-rigward tal-ewwel żewġ objettivi tal-inizjattiva proposta, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi att legali tal-Unjoni għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat.

(5)

Fir-rigward tal-aħħar żewġ objettivi tal-inizjattiva proposta, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati mfassla biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa pubblika, abbażi tal-Artikolu 168(5) tat-Trattat, u l-azzjonijiet ta’ riċerka fil-kuntest tal-programm qafas pluriennali tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 182 tat-Trattat, moqri flimkien mal-Artikolu 183 tat-Trattat.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva proposta ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(7)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-inizjattiva proposta la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva proposta intitolata “Dritt għal Kura” tiġi reġistrata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Dritt għal Kura” għandha tiġi reġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Dritt għal Kura”, rappreżentat mis-Sinjura Anne DELESPAUL u s-Sinjura Sara Anna MURAWSKI li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.