29.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1111

tal-20 ta’ Lulju 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal Ftehim dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (“il-Ftehim”).

(2)

Il-Ftehim għandu l-għan li jikseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u li jipprovdi strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u użi inġusti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

(3)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.