15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/16


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/783

tat-12 ta’ Ġunju 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2012/757/UE fir-rigward ta’ miżuri għall-adattament tal-frekwenza tal-eżamijiet mediċi perjodiċi tal-persunal ferrovjarju li jwettaq kompiti kritiċi għas-sikurezza, minbarra s-sewwieqa tal-ferroviji, minħabba l-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(11) tagħha,

Billi:

(1)

L-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni dwar xi diffikultajiet biex iġeddu ċerti ċertifikati jew liċenzji tal-persunal ferrovjarju li jwettaq kompiti kritiċi għas-sikurezza, minbarra s-sewwieqa tal-ferroviji, minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(2)

B’riżultat ta’ dawk il-miżuri, il-frekwenza tal-eżamijiet mediċi perjodiċi tal-persunal li jwettaq kompiti kritiċi għas-sikurezza, minbarra s-sewwieqa tal-ferroviji, stabbiliti fil-punt 4.7.2.2.1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE (2), ma setgħetx tintlaħaq. Biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz, jenħtieġ li jingħata perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur biex jitlestew dawk l-eżamijiet. Jenħtieġ li dan ma jkunx jippreġudika eżamijiet mediċi addizzjonali jew frekwenza miżjuda meta l-istat ta’ saħħa tal-membru tal-persunal ikun jeżiġi dan.

(3)

Id-Deċiżjoni 2012/757/UE jenħtieġ għalhekk tiġi emendata skont dan.

(4)

Mill-1 ta’ Marzu 2020, il-persunal li jwettaq kompiti kritiċi għas-sikurezza jaf ma setax jilħaq il-frekwenza tal-eżamijiet perjodiċi minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Biex tiġi evitata kull inċertezza legali, l-estensjoni tal-perjodu li fih iridu jitlestew l-eżamijiet mediċi perjodiċi jenħtieġ għalhekk li tapplika mill-1 ta’ Marzu 2020.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkunu effettivi, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/757/UE, fil-punt 4.7.2.2.1 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-punt 4.7.2.2.3 dwar eżamijiet mediċi u/jew valutazzjonijiet psikoloġiċi addizzjonali, f’każ li l-eżami mediku perjodiku kellu jitlesta bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, il-perjodu li fih irid isir huwa estiż b’sitt xhur. L-estensjoni m’għandhiex tapplika f’każ li tabib ikun stabbilixxa żieda fil-frekwenza tal-eżamijiet, sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix mod ieħor. L-impriża ferrovjarja u l-maniġer tal-infrastruttura għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jikkontrollaw ir-riskju li l-persunal li ma jkunx f’qagħda li jaħdem, fil-fatt jidħol għax-xogħol.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tal-14 ta’ Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-operat u l-immaniġġjar tat-traffiku tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE (ĠU L 345, 15.12.2012, p. 1).