5.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/742

tad-29 ta’ Mejju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43 flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1918 (2), il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri”) ġie ffirmat fit-13 ta’ Novembru 2019.

(2)

L-għan tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania jkomplu jaħdmu bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Mauritania kif ukoll li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom tas-sajd f’dawn l-ilmijiet.

(3)

Jenħtieġ li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fil-punt (6) tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri (3).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Approvazzjoni tat-13 ta’ Mejju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1918 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019 (ĠU L 297 I, 18.11.2019, p. 1).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.