5.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/608

tal-24 ta’ April 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Ġunju 2003 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi rigward is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fit-12 ta’ Novembru 2008.

(3)

Fil-31 ta’ Marzu 2009 il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim (“id-deċiżjoni tal-2009”). Madankollu, minħabba fin-nuqqas ta’ ħeġġa mir-Repubblika tal-Korea, il-Ftehim ma ġiex iffirmat.

(4)

Fl-2018 ir-Repubblika tal-Korea esprimiet interess ġdid fl-iffirmar u fil-konklużjoni tal-Ftehim. Billi għadd ta’ ftehimiet bilaterali ġodda dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-istati Membri u r-Repubblika tal-Korea ġew inizjalati jew iffirmati mid-Deċiżjoni tal-2009 ’l hawn, il-Ftehim ġie aġġornat. Għaldaqstant, hija meħtieġa deċiżjoni ġdida tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim.

(5)

L-għan tal-Ftehim huwa li l-ftehimiet bilaterali dwar servizzi tal-ajru bejn 22 Stat Membru u r-Repubblika tal-Korea jiġu jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa għall-li jiffirmar il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.