27.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/43


DEĊIŻJONI (UE) 2020/263 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2020

dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Jenħtieġ isiru għadd ta’ emendi fid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għall-finijiet taċ-ċarezza, dik id-Deċiżjoni jenħtieġ issirilha riformulazzjoni.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (4) tipprovdi li l-oġġetti soġġetti għas-sisa li jkollhom arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa bejn it-territorji tal-Istati Membri għandhom ikunu akkumpanjati b’dokument mimli mill-konsenjatur.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 (5) jistabbilixxi l-istruttura u l-kontenut tad-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fid-Direttiva (UE) 2020/262 u l-proċedura għall-użu tiegħu.

(4)

Biex jitjiebu l-kontrolli u jkun jista’ jiġi ssimplikat il-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa fl-Unjoni, ġiet stabbilita sistema kompjuterizzata permezz tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE.

(5)

Hu neċessarju li s-sistema kompjuterizzata tibqa’ taħt manutenzjoni u tiġi żviluppata iżjed għall-monitoraġġ tal-movimenti tal-oġġetti soġġetti għas-sisa sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni f’ħin reali dwar tali movimenti u sabiex jagħmlu l-kontrolli manwali u awtomatizzati meħtieġa, inklużi kontrolli waqt il-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa skont it-tifsira tal-Kapitoli IV u V tad-Direttiva (UE) 2020/262 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (6).

(6)

Il-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata jenħtieġ tippermetti l-movimenti intra-Unjoni ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li jkollhom sospensjoni tad-dazju kif ukoll il-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati diġà għall-konsum fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri u ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor biex jitwasslu għal finijiet kummerċjali.

(7)

Il-modifika u l-estensjoni tas-sistema kompjuterizzata jgħinu biex jissaħħu l-aspetti tas-suq intern tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa. Kull aspett fiskali b’rabta mal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa jenħtieġ li jiġi indirizzat billi tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2020/262 jew ir-Regolament (UE) Nru 389/2012. Din id-Deċiżjoni ma tippreġudika l-bażi ġuridika tal-ebda emenda futura għad-Direttiva (UE) 2020/262 jew għar-Regolament (UE) Nru 389/2012.

(8)

Hu neċessarju li tiġi definita d-diviżjoni bejn il-komponenti tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata, kif ukoll id-dmirijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu tas-sistema. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat rilevanti jenħtieġ taqdi rwol maġġuri fil-koordinazzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-ġestjoni tas-sistema.

(9)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata, il-Kummissjoni jenħtieġ tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(10)

Jenħtieġ li jsiru arranġamenti għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata għall-monitoraġġ tal-oġġetti soġġetti għas-sisa.

(11)

Qabel ma tibda titħaddem estensjoni ġdida tas-sistema kompjuterizzata, u minħabba l-problemi li ġew esperjenzati, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u waqt li tikkunsidra l-għanijiet tas-settur kummerċjali kkonċernat, jenħtieġ tistħarreġ jekk is-sistemi attwali bbażati fuq il-karti għadhomx adatti.

(12)

L-ispejjeż tas-sistema kompjuterizzata jenħtieġ jinqasmu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(13)

Minħabba d-daqs u l-kumplessità tas-sistema kompjuterizzata, hu meħtieġ li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jipprovdu riżorsi umani u finanzjarji għall-iżvilupp u l-użu tas-sistema. Fl-iżvilupp tal-komponenti nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ japplikaw il-prinċipji stabbiliti għas-sistemi elettroniċi tal-gvern u jenħtieġ jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod bħalma jiġu trattati fl-oqsma l-oħra li jużaw sistemi kompjuterizzati. B’mod partikolari jenħtieġ jippermettu lill-operaturi ekonomiċi, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li huma attivi f’dan is-settur, biex jużaw il-komponenti nazzjonali bl-anqas spiża possibbli, u jenħtieġ jiffavorixxu l-miżuri kollha mmirati għall-priżervazzjoni tal-kompetittività tagħhom.

(14)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiġi pprovduta bażi għall-governanza ta’ aktar awtomatizzazzjonijiet tal-proċessi stipulati fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar id-dazji tas-sisa, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Din id-Deċiżjoni fiha dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tal-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata użata għall-moviment u għas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 (is-“sistema kompjuterizzata”).

2.   Is-sistema kompjuterizzata hi maħsuba biex:

(a)

tippermetti t-trażmissjoni elettronika tad-dokumenti amministrattivi pprovduti bid-Direttiva (UE) 2020/262 u bir-Regolament (UE) Nru 389/2012, u t-titjib tal-kontrolli;

(b)

ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, billi jiġi ssimplifikat il-moviment intra-Unjoni ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa u billi toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimmonitorjaw iċ-ċirkolazzjoni f’ħin reali u jekk ikun il-każ jagħmlu l-kontrolli meħtieġa.

Artikolu 2

L-attivitajiet relatati mal-bidu tal-estensjoni tas-sistema kompjuterizzata għandhom jibdew sal-10 ta’ Frar 2021.

Artikolu 3

1.   Is-sistema kompjuterizzata għandha tkun magħmula minn komponenti tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li matul ix-xogħol fuq il-komponenti tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata tingħata kull attenzjoni sabiex kemm jista’ jkun isir użu mill-ġdid tas-sistemi eżistenti u biex ikun żgurat li s-sistema kompjuterizzata hi kompatibbi ma’ sistemi kompjuterizzati rilevanti oħrajn tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, bil-għan li jinħoloq sett integrat ta’ sistemi kompjuterizzati għas-sorveljanza kemm ta’ movimenti intra-Unjoni ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa u ta’ movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa u oġġetti soġġetti għal dazji u imposti oħrajn li ġejjin minn pajjiżi terzi jew sejrin lejhom.

3.   Il-komponenti tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet komuni, il-prodotti tekniċi, is-servizzi tan-Network Komuni tal- Komunikazzjoni/Network Komuni tal-Interfaċċa tas-Sistemi, u s-servizzi ta’ koordinazzjoni użati mill-Istati Membri kollha, bl-esklużjoni ta’ xi varjant jew karatteristika speċjali ta’ dawn is-servizzi mfassla biex jissodisfaw ir-rekwiżiti nazzjonali.

4.   Il-komponenti mhux tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata għandhom ikunu l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali, il-bażijiet tad-data nazzjonali li jagħmlu parti mis-sistema kompjuterizzata, il-komunikazzjoni tan-network bejn il-komponenti tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni u kull software jew tagħmir li l-Istat Membru jqis meħtieġ biex ikun żgurat l-użu sħiħ tas-sistema kompjuterizzata matul l-amministrazzjoni tagħha.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tal-komponenti tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata, u b’mod partikolari:

(a)

l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa biex jiġu garantiti l-konnessjonijiet interni u l-interoperabbiltà ġenerali tas-sistema kompjuterizzata;

(b)

l-iżvilupp ta’ politika tas-sigurtà tal-ogħla standard possibli biex jitwaqqaf l-aċċess mhux awtorizzat għad-data u biex tiġi ggarantita l-integrità tas-sistema kompjuterizzata;

(c)

l-istrumenti għall-utilizzazzjoni tad-data għall-ġlieda kontra l-frodi.

2.   Biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-kuntratti meħtieġa għall-modifika u l-estensjoni tal-komponenti tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata u għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1), toħloq pjan direzzjonali u pjanijiet ta’ ġestjoni meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata.

Il-pjan direzzjonali u l-pjanijiet ta’ ġestjoni għandhom jispeċifikaw il-kompiti inizjali u ta’ rutina li għandhom iwettqu l-Kummissjoni u kull Stat Membru. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni għandhom jispeċifikaw id-dati għat-tlestija tal-kompiti meħtieġa biex jitwettaq kull proġett identifikat fil-pjan direzzjonali.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom ilestu, sad-data speċifikata fil-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 4(2), il-kompiti inizjali u ta’ rutina assenjati lilhom.

Huma għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ kull kompitu u d-data tat-tlestija tiegħu. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1) dwar dan.

2.   L-Istati Membri ma għandhom jieħdu l-ebda azzjoni dwar il-modifika, l-estensjoni jew it-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata li tista’ taffettwa l-konnessjonijiet interni u l-interoperabbiltà ġenerali tagħha jew il-funzjonament tagħha kollha kemm hi.

Kwalunkwe miżura li Stat Membru jixtieq jieħu li tista’ taffettwa l-konnessjonijiet interni u l-interoperabbiltà ġenerali tas-sistema kompjuterizzata jew il-funzjonament tagħha kollha kemm hi, għandha tittieħed bi ftehim minn qabel mal-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw regolarment lill-Kummissjoni b’kull miżura li ħadu biex l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sistema kompjuterizzata. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1) dwar dan.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata b’rabta mal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni relatati maż-żieda u l-kontrolli ta’ taxxi indiretti jew mal-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni indiretta.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-miżuri ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea qed isiru sew u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Din għandha timmonitorja regolarment, u b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri permezz ta’ laqgħat fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1), id-diversi fażijiet tal-iżvilupp u l-użu tas-sistema kompjuterizzata biex tiddetermina jekk intlaħqux l-għanijiet maħsuba u biex toħroġ linji gwida fuq kif tista’ tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet involuti fl-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata.

2.   Sal-10 ta’ Frar 2025 u mbagħad kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata.

Ir-rapport għandu jistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-metodi u l-kriterji li għandhom jintużaw aktar tard fl-evalwazzjoni tal-funzjonament tas-sistema kompjuterizzata.

Artikolu 9

Il-pajjiżi li applikaw biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea għandhom jibqgħu infurmati mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u l-użu tas-sistema kompjuterizzata u, jekk ikunu jixtiequ, jistgħu jieħdu parti fit-testijiet li jsiru.

Artikolu 10

1.   L-ispejjeż tal-modifika u l-estensjoni tas-sistema kompjuterizzata għandhom jinqasmu bejn l-Unjoni u l-Istati Membri skont il-paragrafi 2 u 3.

2.   L-Unjoni għandha ġġarrab l-ispejjeż tat-tfassil, l-akkwist, l-installazzjoni u l-manutenzjoni tal-komponenti tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata u l-ispejjeż kontinwi tal-operat ta’ dawk il-komponenti tal-Unjoni installati fil-binjiet tal-Kummissjoni, jew fil-binjiet ta’ subkuntrattur maħtur mill-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-ispejjeż tal-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tal-komponenti mhux tal-Unjoni tas-sistema kompjuterizzata u l-ispejjeż kontinwi tal-operat ta’ dawk il-komponenti tal-Unjoni installati fil-binjiet tagħhom, jew fil-binjiet ta’ subkuntrattur maħtur mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

1.   L-approprjazzjonijiet annwali, li jinkludu l-approprjazzjonijiet assenjati għall-użu u għat-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata wara l-perijodu ta’ implimentazzjoni, għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu stima u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-baġits u r-riżorsi umani meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom deskritti fl-Artikolu 5. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa għall-modifika, l-estensjoni u t-tħaddim tas-sistema kompjuterizzata u għall-iżvilupp ulterjuri tagħha.

Artikolu 12

Id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE hija mħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Jannar 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

N. BRNJAC


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 108.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2019.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (ĠU L 162, 1.7.2003, p. 5).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għat-taxxa tas-sisa (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE fir-rigward tal-proċeduri kompjuterizzati għall-moviment ta’ prodotti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 24).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta’ tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25).


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu

_

Artikolu 2, it-tieni paragrafu

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

-

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

-

Artikolu 8(3)

Artikolu 8(2)

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

_

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(2)

-

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

_

Anness