25.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/248

tal-21 ta’ Frar 2020

li tistabbilixxi linji gwida tekniċi għall-ispezzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 889)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1)(c) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/21/KE jistipula li kull faċilità tal-iskart koperta mill-Artikolu 7 f’dik id-Direttiva tiġi spezzjonata sabiex jiġi żgurat li tikkonforma ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet rilevanti tal-permess. Sabiex dawk l-ispezzjonijiet ikunu effiċjenti u effettivi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkollhom ir-riżorsi xierqa, li jkunu indipendenti mill-operaturi tal-faċilitajiet tal-iskart ikkonċernati, li jkollhom il-funzjonijiet u s-setgħat meħtieġa u li jkunu intitolati għall-assistenza mill-operaturi. L-attivitajiet ta’ spezzjoni jenħtieġ li jkunu jinvolvu wkoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli biex jiżguraw li l-faċilitajiet tal-iskart fil-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/21/KE.

(2)

Sabiex l-ispezzjonijiet ikunu effiċjenti u proattivi, huwa xieraq li jiġu ppjanati minn qabel permezz ta’ pjanijiet ta’ spezzjoni li jirriflettu r-riskji ppreżentati mill-faċilitajiet tal-iskart ikkonċernati.

(3)

Billi l-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE jinkludu faċilitajiet tal-iskart li suppost ikollhom permess u, billi l-Artikolu 7 jistipula li l-ebda faċilità tal-iskart ma għandha titħalla topera mingħajr permess, jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ spezzjoni jieħdu kont ta’ dawk il-faċilitajiet tal-iskart li suppost ikollhom permess iżda li ma għandhomx.

(4)

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-linji gwida ta’ spezzjoni bil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi differenti ta’ kull faċilità tal-iskart, sabiex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet ikunu proporzjonati mar-riskji ambjentali u ta’ sikurezza rilevanti ppreżentati minn kull faċilità tal-iskart.

(5)

Sabiex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet differenti possibbli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-permessi, jenħtieġ li jkun hemm provvediment kemm għall-ispezzjonijiet ta’ rutina kif ukoll għall-ispezzjonijiet mhux ta’ rutina biex jirrispondu għal ilmenti, aċċidenti, inċidenti u okkorrenzi serji ta’ nuqqas ta’ konformità. Matul l-ispezzjonijiet, jenħtieġ li l-ispetturi jqisu wkoll is-sejbiet tal-ispezzjonijiet imwettqa skont leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-UE, minħabba li dawk is-sejbiet jistgħu jindikaw problemi possibbli marbuta mar-rekwiżiti tal-permess skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-ispezzjonijiet, huwa meħtieġ li ċertu proporzjon tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, u b’mod partikolari taż-żjarat fuq il-post, ikunu għall-għarrieda.

(7)

Sabiex ikun possibbli li mill-attivitajiet ta’ spezzjoni joħorġu xi konklużjonijiet, b’mod partikolari miż-żjarat fuq il-post, u biex ikun hemm bażi empirika għal spezzjonijiet futuri u miżuri relatati oħra, huwa importanti li l-attivitajiet ta’ spezzjoni kollha jkunu dokumentati b’mod xieraq, inkluż permezz ta’ rapporti regolari taż-żjarat fuq il-post.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità b’mod effettiv mal-kundizzjonijiet tal-permess, huwa importanti li l-ispezzjonijiet jiffaċilitaw u jippermettu kwalunkwe miżuri oħra biex jirrispondu għan-nuqqas ta’ konformità identifikat.

(9)

Peress li r-riskji jvarjaw skont l-istadju tal-eżistenza tal-faċilitajiet tal-iskart ikkonċernati, huwa meħtieġ li l-linji gwida tekniċi jkun fihom dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-fażijiet tal-ħajja differenti tal-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE.

(10)

Peress li l-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A jippreżentaw riskji potenzjalment ogħla, huwa meħtieġ li l-linji gwida tekniċi jkun fihom dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ tali faċilitajiet.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2006/21/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida tekniċi għall-ispezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/21/KE stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.


ANNESS

LINJI GWIDA TEKNIĊI GĦALL-ISPEZZJONIJIET TAL-FAĊILITAJIET TAL-ISKART

PARTI A

Objettivi

Dawn il-linji gwida jistabbilixxu elementi li għandhom jitqiesu għall-ispezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dik id-Direttiva. Tali spezzjonijiet għadhom l-għan li jiżguraw li kwalunkwe faċilità tal-iskart tkun kisbet il-permess meħtieġ u tkun konformi mal-kondizzjonijiet rilevanti tal-permess. L-ispezzjonijiet huma marbuta mal-fażijiet tal-ħajja differenti tal-faċilitajiet tal-iskart.

Dawn il-linji gwida jindirizzaw il-qafas ġenerali għat-twettiq tal-ispezzjonijiet (il-Parti C), il-punti fokali tal-ispezzjonijiet għal kull waħda mill-fażijiet ta’ ħajja differenti tal-faċilitajiet tal-iskart (il-Parti D) u l-elementi speċifiċi rilevanti għall-ispezzjoni tal-faċilitajiet ta’ Kategorija A (il-Parti E).

PARTI B

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, “spezzjoni” tfisser l-attivitajiet kollha mwettqa minn awtorità kompetenti jew f’isimha sabiex tiżgura l-konformità tal-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE mal-kundizzjonijiet tal-permess li jridu jiksbu. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu b’mod partikolari:

il-valutazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali u ta’ sikurezza rilevanti u r-riskji ppreżentati mill-faċilitajiet tal-iskart;

it-twettiq ta’ żjarat fuq il-post għall-kontroll tal-bini, tal-kundizzjonijiet tas-sit, tat-tagħmir rilevanti, inkluż jekk ikunx mantnut b’mod adegwat, tad-dokumenti rilevanti u tad-data elettronika, tal-miżuri u tas-sistemi interni u tal-proċessi ta’ operazzjoni;

l-intervistar tal-persunal li jaħdem fil-faċilità tal-iskart;

it-tisħiħ tal-għarfien tal-operaturi dwar ir-rekwiżiti legali rilevanti u l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-operaturi;

it-teħid ta’ kampjuni;

l-użu ta’ tekniki ta’ osservazzjoni tad-dinja u forom oħra ta’ sorveljanza elettronika, inklużi dawk li jinvolvu sensuri in situ, fejn ikun xieraq;

il-verifika tal-awtomonitoraġġ tal-operatur;

il-kontroll tad-dokumenti u tad-data elettronika, inkluż ir-rapporti tal-operatur, permezz ta’ modi oħra minbarra ż-żjarat fuq il-post;

il-kontroll tal-proċessi ta’ operazzjoni, tal-miżuri u tas-sistemi interni tal-operatur, permezz ta’ modi oħra minbarra ż-żjarat fuq il-post;

il-kontroll tal-garanziji finanzjarji jew l-ekwivalenti tagħhom;

ir-rekordjar ta’ informazzjoni fattwali dwar in-nuqqas ta’ konformità;

l-identifikazzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità identifikat u tat-tipi possibbli ta’ impatti ta’ tali nuqqas ta’ konformità fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem;

id-deskrizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità identifikat, b’mod partikolari taċ-ċirkostanzi (inklużi l-persuni) li wasslu għan-nuqqas ta’ konformità, sabiex jiġu identifikati, kemm jista’ jkun, l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità u jiġi permess it-twettiq tagħhom, inkluż permezz tal-kooperazzjoni u tal-kondiviżjoni tas-sejbiet mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra.

L-ispezzjonijiet, inklużi ż-żjarat fuq il-post, jistgħu jkunu ta’ rutina, jiġifieri mwettqa bħala parti minn sett regolari ta’ attivitajiet, u mhux ta’ rutina, jiġifieri mwettqa bħala risposta għal ilmenti serji jew għall-investigazzjoni ta’ aċċidenti, inċidenti u okkorrenzi oħra serji ta’ nuqqas ta’ konformità.

PARTI C

Twettiq ta’ kontrolli dettaljati, investigazzjonijiet u ġbir tal-informazzjoni

1.   Awtoritajiet kompetenti

Għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

id-disponibbiltà, għat-territorju kollu tal-Istat Membru u għall-firxa sħiħa tal-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE, ta’ awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-ispezzjonijiet;

(b)

l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti u l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-kompiti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-ispezzjonijiet;

(c)

is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-ispezzjonijiet, inkuż id-dritt tagħhom li jidħlu fil-faċilitajiet u jeżaminaw l-assi materjali rilevanti, id-dokument u d-data elettronika rilevanti;

(d)

is-suffiċjenza tar-riżorsi, tal-persunal u tat-tagħmir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-ispezzjonijiet;

(e)

l-arranġamenti li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom fis-seħħ għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom ma’ awtoritajiet rilevanti oħra, b’mod partikolari ma’ awtoritajiet oħra li għandhom responsabbiltajiet fir-rigward tal-konformità mal-permessi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni li hija applikabbli jew rilevanti għall-faċilitajiet koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE;

(f)

il-livell ta’ għarfien, esperjenza u kompetenza li l-ispetturi jeħtieġu biex iwettqu l-ispezzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tad-disinn, tal-bini, tal-operazzjoni u tal-għeluq tal-faċilitajiet tal-iskart;

(g)

l-organizzazzjoni tat-taħriġ biex jiġi aġġornat l-għarfien tal-ispetturi;

(h)

l-assistenza meħtieġa li l-operaturi jridu jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti biex jippermettulhom iwettqu l-ispezzjonijiet, inklużi ż-żjarat fuq il-post, it-teħid tal-kampjuni u l-ġbir tal-informazzjoni għat-twettiq ta’ dmirijiethom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/21/KE.

Huma u jwettqu l-ispezzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu assistiti minn esperti indipendenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u jistgħu jiddelegaw il-kompiti ta’ spezzjoni lilhom, sakemm l-esperti joperaw taħt is-sorveljanza tal-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina l-kwalifiki minimi tal-esperti u għandha tivvaluta jekk dawk il-kwalifiki jiġux issodisfati. L-awtorità kompetenti għandha tivverifika wkoll li l-esperti ma jkollhom l-ebda interess personali fl-eżitu tal-ispezzjoni.

2.   Organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet

2.1.   Pjanijiet ta’ spezzjoni

Għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

l-ippjanar minn qabel tal-ispezzjonijiet permezz ta’ pjan jew pjanijiet stabbiliti fil-livell amministrattiv xieraq abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet ambjentali u ta’ sikurezza rilevanti u tar-riskji tal-faċilitajiet tal-iskart u, fejn diġà jkun hemm disponibbli informazzjoni dwar il-konformità, abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat ta’ konformità tal-faċilitajiet tal-iskart li joperaw fiż-żona tal-pjan. Tali pjanijiet jistgħu jiġu integrati jew ikkombinati ma’ pjanijiet ta’ spezzjoni oħra fejn jitqies xieraq;

(b)

ir-rieżami perjodiku u, fejn xieraq, l-aġġornament tal-pjan jew tal-pjanijiet tal-ispezzjoni;

(c)

il-kopertura fil-pjan jew fil-pjanijiet ta’ spezzjoni ta’ kull faċilità tal-iskart skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE;

(d)

l-inklużjoni f’kull pjan ta’ spezzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(i)

valutazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet u tar-riskji ambjentali u ta’ sikurezza;

(ii)

iż-żona ġeografika koperta mill-pjan ta’ spezzjoni;

(iii)

lista tal-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-pjan ta’ spezzjoni li għandhom permess;

(iv)

il-mezzi sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE li joperaw mingħajr permess;

(v)

il-proċeduri għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ rutina;

(vi)

il-proċeduri għat-twettiq ta’ spezzjonijiet mhux ta’ rutina;

(vii)

il-proċeduri għat-twettiq ta’ żjarat fuq il-post imħabbra u għall-għarrieda;

(viii)

fejn meħtieġ, l-arranġamenti dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti differenti inkarigati mill-ispezzjonijiet u bejn dawk l-awtoritajiet u awtoritajiet oħra li għandhom rwol fl-infurzar tal-permessi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali jew tal-Unjoni li hija applikabbli jew rilevanti għall-faċilitajiet tal-iskart koperti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/21/KE;

(ix)

l-informazzjoni dwar ir-riżorsi umani, finanzjarji u oħrajn li huma meħtieġa mill-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ spezzjoni.

2.2.   Spezzjonijiet ta’ rutina

Għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ rutina f’intervalli regolari abbażi ta’ valutazzjoni xierqa tar-riskju tal-faċilità tal-iskart ikkonċernata;

(b)

frekwenza adegwata ta’ żjarat fuq il-post abbażi ta’ valutazzjoni xierqa tar-riskju tal-faċilità tal-iskart ikkonċernata, li tirrifletti wkoll ir-riskji potenzjalment ogħla tal-faċilitajiet tal-Kategorija A;

(c)

l-applikazzjoni tal-kriterji li ġejjin għall-valutazzjoni tar-riskju tal-faċilitajiet tal-iskart:

(i)

l-impatti potenzjali u reali tal-faċilitajiet ikkonċernati fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-livelli u t-tipi ta’ emissjonijiet, is-sensittività tal-ambjent lokali u r-riskju ta’ inċidenti kif speċifikat aktar fid-dettall fl-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT 5) tad-Dokument ta’ Referenza tal-BAT għall-immaniġġjar tal-iskart mill-industriji tal-estrazzjoni (MWEI BREF) (1);

(ii)

ir-reġistru tal-konformità preċedenti;

(iii)

il-parteċipazzjoni tal-operatur tal-faċilità tal-iskart fis-Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali (EMS) kif speċifikata ulterjorment fil-BAT 1 tal-MWEI BREF;

(d)

it-teħid ta’ noti mill-ispettur, fejn xieraq, tas-sejbiet rilevanti tal-ispezzjonijiet imwettqa skont leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni;

(e)

l-għoti lill-operatur tal-skeda taż-żjara u tad-dettalji tal-informazzjoni, u ta’ kwalunkwe assistenza oħra li l-operatur ikun mitlub jipprovdi, meta ż-żjarat fuq il-post jiġu mħabbra minn qabel;

(f)

f’każ li jinstab nuqqas ta’ konformità jew riskju fejn tidħol il-konformità, titwettaq investigazzjoni u, kif xieraq, ir-riżultati jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet l-oħrajn, b’mod partikolari bil-ħsieb li:

(i)

tiġi pprovduta deskrizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità jew tar-riskju ta’ konformità, li tiċċara l-kawżi u l-impatt tagħha fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari li tiċċara ċ-ċirkostanzi (inklużi l-persuni) li jkunu wasslu għan-nuqqas ta’ konformità;

(ii)

tiġi pprovduta bażi fattwali li tiffaċilita u tippermetti tweġibiet xierqa biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità identifikat u jiġi evitat nuqqas ta’ konformità fil-futur, inkluż, skont kif xieraq, permezz ta’ spezzjonijiet addizzjonali, miżuri korrettivi mill-operatur, aġġornament tal-kundizzjonijiet tal-permess, sospensjoni tal-permess jew użu ta’ sanzjonijiet.

(g)

f’każ li jiġi sospiż l-operat ta’ faċilità tal-iskart minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess, jitwettqu attivitajiet ta’ spezzjoni ulterjuri bil-għan li jinkisbu r-riżultati ambjentali u r-riżultati l-oħra li kellhom jinkisbu mill-kundizzjonijiet tal-permess.

2.3.   Spezzjoni mhux ta’ rutina

Għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ spezzjonijiet mhux ta’ rutina, inklużi ż-żjarat fuq il-post, isir kemm jista’ jkun malajr wara li l-awtorità kompetenti tirċievi lmenti serji dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-permess jew inkella wara li ssir taf b’aċċidenti, inċidenti jew okkorrenzi serji ta’ nuqqas ta’ konformità, irrispettivament minn jekk huwa meħtieġ li tali avvenimenti jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu 12(6) tad-Direttiva 2006/21/KE, b’mod partikolari bil-ħsieb li:

(i)

tiċċara l-kawżi tal-avveniment, l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari billi tiċċara ċ-ċirkostanzi (inklużi l-persuni) li jkunu wasslu għan-nuqqas ta’ konformità;

(ii)

tipprovdi bażi fattwali li tiffaċilita u tippermetti tweġibiet xierqa biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità identifikat u jiġu evitati aċċidenti, inċidenti u okkorrenzi ta’ nuqqas ta’ konformità fil-futur, inkluż, skont kif xieraq, permezz ta’ spezzjonijiet addizzjonali, miżuri korrettivi mill-operatur, aġġornament tal-kundizzjonijiet tal-permess, sospensjoni tal-permess jew użu ta’ sanzjonijiet.

(b)

it-teħid ta’ noti mill-ispettur, fejn xieraq, tas-sejbiet rilevanti tal-ispezzjonijiet imwettqa skont leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni;

(c)

it-twettiq ta’ spezzjonijiet mhux ta’ rutina kemm jista’ jkun malajr fir-rigward tar-rikonsiderazzjoni jew tal-aġġornament ta’ permess u fejn applikabbli li dawn jitwettqu qabilhom.

2.4.   Żjarat fuq il-post għal għarrieda

Għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ għadd xieraq ta’ żjarat fuq il-post għal għarrieda, b’mod partikolari jekk dawn ikunu rilevanti għall-identifikazzjoni tal-problemi jew tal-esponiment għar-riskju jew tal-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni għal sitwazzjoni urġenti;

(b)

l-indirizzar, fid-deċiżjonijiet dwar iż-żjarat fuq il-post għal għarrieda, tat-tħassib dwar is-saħħa u s-sikurezza u l-ħtieġa possibbli li jkun hemm persunal operazzjonali tal-faċilità tal-iskart fuq il-post, sakemm dan ikun prattikabbli.

3.   Dokumentazzjoni tal-ispezzjonijiet

3.1.   Id-dokumentazzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, inklużi ż-żjarat fuq il-post

Għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

id-dokumentazzjoni xierqa tal-attivitajiet kollha ta’ spezzjoni;

(b)

il-preparazzjoni, wara kull żjara fuq il-post f’faċilità tal-iskart, ta’ rapport taż-żjara fuq il-post li jiġi rreġistrat bil-miktub u li jinħażen f’forma identifikabbli f’bażi tad-data faċilment aċċessibbli u miżmuma b’mod xieraq;

(c)

l-inklużjoni fir-rapport taż-żjara fuq il-post ta’ mill-inqas l-iskop tal-ispezzjoni, id-data, l-informazzjoni u s-sejbiet miġbura, l-evalwazzjoni tagħhom u l-konklużjoni dwar jekk il-faċilità tal-iskart tikkonformax mal-kundizzjonijiet rilevanti tal-permess u jekk għandhiex issegwi kwalunkwe azzjoni ulterjuri;

(d)

it-tlestija tar-rapport taż-żjara fuq il-post fi żmien xahrejn wara ż-żjara fuq il-post, sakemm ma jkunux saru sejbiet aktar serji matul iż-żjara fuq il-post, f’liema każ tista’ tkun meħtieġa skadenza oħra;

(e)

l-għoti tal-opportunità lill-operatur li jissottometti kummenti, fejn xieraq, qabel jew wara l-finalizzazzjoni tar-rapport taż-żjara fuq il-post;

(f)

it-tqegħid għad-disponibbiltà tal-pubbliku tar-riżultati taż-żjara fuq il-post u, fejn xieraq, tal-attivitajiet ta’ spezzjoni oħra, f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

PARTI D

Punti fokali tal-ispezzjonijiet matul il-fażijiet ta’ ħajja differenti tal-faċilitajiet tal-iskart

1.   Spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart il-ġodda qabel il-bidu tal-operazzjonijiet ta’ depożitu

Għall-iskopijiet tal-ispezzjoni għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda sabiex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali matul l-operazzjoni u wara l-għeluq, inkluż, jekk ikun meħtieġ, it-trattament tal-ilma kkontaminat u tal-lissija;

(b)

il-konformità tal-post, tad-disinn u tal-bini tal-faċilità tal-iskart mal-elementi ta’ sikurezza u tal-ambjent li hemm fil-permess;

(c)

il-kontenut, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-sistema ta’ awtomonitoraġġ għall-monitoraġġ regolari u għall-awtospezzjonijiet mill-operaturi kif ukoll tar-rapportar ippjanat tad-data ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti;

(d)

l-implimentazzjoni tal-ġestjoni, tal-manutenzjoni u tal-miżuri ta’ sorveljanza ppjanati biex tiġi żgurata l-istabbiltà fiżika tal-faċilità u għall-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija, tal-arja, tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art fuq medda qasira u twila ta’ żmien kif ukoll sabiex tiġi minimizzata kemm jista’ jkun il-ħsara fuq il-pajsaġġ;

(e)

id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani suffiċjenti u l-kompetenza tal-persunal inkarigat mill-ġestjoni ambjentali u s-sikurezza tal-faċilità tal-iskart;

(f)

l-adegwatezza tal-pjan għall-għeluq imsemmi fl-Artikolu 5(3)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE;

(g)

l-adegwatezza tal-garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha fir-rigward tal-ammont u l-forma tagħha, fejn l-awtorità kompetenti tkun teħtieġ garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha; jekk ikunx meħtieġ li l-klassifikazzjoni tal-faċilità tal-iskart bħala faċilità tal-Kategorija A jew mhux faċilità tal-Kategorija A tiġi rieżaminata u vverifikata;

(h)

il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra tal-permess u kwalunkwe rekwiżiti rilevanti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2006/21/KE.

2.   Spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart li qed jitħaddmu

Għall-iskopijiet tal-ispezzjoni għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

l-effetti negattivi tal-faċilità tal-iskart fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u l-miżuri meħuda biex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali; b’mod partikolari, l-adegwatezza tal-bini, tal-ġestjoni u tal-manutenzjoni tal-faċilità tal-iskart sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà fiżika tagħha u għall-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija, tal-arja, tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art fuq medda qasira u twila ta’ żmien kif ukoll sabiex tiġi minimizzata kemm jista’ jkun il-ħsara fuq il-pajsaġġ u kif dawn l-effetti jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet tal-permess u mal-informazzjoni fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jekk tali valutazzjoni tkun meħtieġa;

(b)

il-konformità tal-kwantitajiet, tal-karatteristiċi u tal-klassifikazzjoni tal-iskart depożitat fil-faċilità tal-iskart mal-elementi li hemm fil-permess;

(c)

il-konformità tal-ġenerazzjoni tal-lissija stmata, inkluż il-kontenut ta’ kontaminant tal-lissija, tal-iskart depożitat, u tal-bilanċ tal-ilma tal-faċilità tal-iskart mal-elementi li hemm fil-permess;

(d)

il-bidliet strutturali u operazzjonali tal-faċilità tal-iskart: il-kontroll (1) tal-ġestjoni tal-ilma, (2) tal-kwalità tal-attivitajiet tal-bini ġeotekniku (eż. bini ta’ diga ogħla/ta’ imbankment), (3) tal-ġestjoni ta’ sistemi ta’ sikurezza ġeotekniċi (eż. il-kisi tal-wiċċ, il-monitoraġġ tal-istabbiltà u tas-sikurezza), (4) tal-kwantitajiet u tal-karatteristiċi tal-iskart depożitat meta mqabbel mat-tbassir fil-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart, (5) tal-ġenerazzjoni tal-lissija, inkluż il-kontenut kontaminanti tal-lissija meta mqabbel mat-tbassir fil-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart, (6) tal-bilanċ tal-ilma tal-faċilità tal-iskart meta mqabbel mat-tbassir fil-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart, u (7) tat-tekniki użati għall-ġestjoni tal-ambjent u tas-sikurezza u għall-monitoraġġ tal-ambjent u l-adegwatezza tagħhom;

(e)

l-adozzjoni ta’ miżuri rakkomandati jew imposti wara spezzjonijiet preċedenti;

(f)

ir-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-awditjar ambjentali u tas-sikurezza jekk ikunu meħtieġa fil-permess;

(g)

ir-riżultati, il-kompletezza, il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-programm ta’ awtomonitoraġġ għall-monitoraġġ regolari u tar-rapportar tad-data ta’ monitoraġġ kollha (jekk applikabbli) lill-awtorità kompetenti;

(h)

l-anormalitajiet viżivi tas-sit;

(i)

ir-rappreżentattività tat-teħid tal-kampjuni u tal-karatterizzazzjoni tal-iskart mill-estrazzjoni;

(j)

ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenza tal-persunal inkarigat mill-ġestjoni ambjentali u tas-sikurezza tal-faċilità tal-iskart kif ukoll id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani u taħriġ suffiċjenti pprovdut lill-persunal;

(k)

il-proċeduri għan-notifika tal-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe avveniment li x’aktarx jaffettwa l-istabbiltà tal-faċilità tal-iskart, u dwar kwalunkwe effett ambjentali negattiv sinifikanti żvelat mill-proċeduri ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ rilevanti;

(l)

l-adegwatezza tal-pjan għall-għeluq imsemmi fl-Artikolu 5(3)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE u l-konformità ma’ kwalunkwe miżuri ta’ għeluq progressiv speċifikati fil-pjan;

(m)

l-adegwatezza tal-ammont u tal-għamla tal-garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha fir-rigward tal-kostijiet ikkalkolati għall-obbligi tal-operatur skont dan il-permess, inkluż l-arranġamenti tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-art affettwata, fejn l-awtorità kompetenti teħtieġ garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha;

(n)

il-klassifikazzjoni tal-faċilità tal-iskart bħala faċilità tal-Kategorija A jew mhux faċilità tal-Kategorija A;

(o)

il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra tal-permess u kwalunkwe rekwiżiti rilevanti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2006/21/KE.

3.   Żjara finali fuq il-post tal-faċilitajiet tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2006/21/KE

Għall-iskopijiet tal-ispezzjoni għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

l-effetti negattivi fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem mill-faċilità tal-iskart u l-miżuri meħuda sabiex jitnaqqas tali impatt wara l-għeluq, inkluż, jekk meħtieġ, it-trattament tal-ilma kkontaminat u tal-lissija;

(b)

l-implimentazzjoni tal-pjan għall-għeluq imsemmi fl-Artikolu 5(3)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE;

(c)

ir-riabilitazzjoni tal-art affettwata mill-faċilità ta’ skart;

(d)

l-adegwatezza tal-pjan u tal-arranġamenti għall-manutenzjoni, għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għall-miżuri korrettivi fil-fażi ta’ wara l-għeluq tal-faċilità tal-iskart, inkluż il-funzjonament u l-adegwatezza tat-tagħmir ta’ monitoraġġ, ta’ sorveljanza u ta’ kontroll;

(e)

l-adegwatezza tal-ammont u tal-għamla tal-garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha fir-rigward tal-kostijiet ikkalkolati għall-obbligi tal-operatur skont dan il-permess, inkluż it-tlestija tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq u r-riabilitazzjoni rimanenti tal-art affettwata, fejn l-awtorità kompetenti teħtieġ garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha;

(f)

il-klassifikazzjoni tal-faċilità tal-iskart bħala faċilità tal-kategorija A jew mhux faċilità tal-kategorija A;

(g)

il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra tal-permess u ma’ kwalunkwe rekwiżiti rilevanti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2006/21/KE;

4.   Spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart wara l-għeluq, fir-rigward tal-faċilitajiet li ngħalqu wara l-1 ta’ Mejju 2008

Għall-iskopijiet tal-ispezzjoni għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

l-effetti negattivi fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem mill-faċilità tal-iskart u l-miżuri meħuda sabiex jitnaqqas tali impatt wara l-għeluq, inkluż, jekk meħtieġ, it-trattament tal-ilma kkontaminat u tal-lissija

(b)

il-korrispondenza bejn, minn naħa waħda, l-effetti avversi msemmija fil-punt (a) u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tal-permess u l-informazzjoni fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, jekk ikunu meħtieġa;

(c)

il-konformità tal-ġenerazzjoni tal-lissija, inkluż il-kontenut ta’ kontaminant tal-lissija, tal-iskart depożitat, u tal-bilanċ tal-ilma tal-faċilità tal-iskart, u jekk ikun meħtieġ, it-trattament tal-ilma kkontaminat u tal-lissija mal-elementi li hemm fil-permess;

(d)

l-implimentazzjoni tal-pjan għall-għeluq imsemmi fl-Artikolu 5(3)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE;

(e)

l-adegwatezza tal-pjan għall-għeluq imsemmi fl-Artikolu 5(3)(f) tad-Direttiva 2006/21/KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa għal miżuri ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni addizzjonali bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju u tal-impatt ambjentali;

(f)

ir-riabilitazzjoni tal-art affettwata mill-faċilità ta’ skart; l-adegwatezza tal-pjan u tal-arranġamenti għall-manutenzjoni, għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għall-miżuri korrettivi fil-fażi ta’ wara l-għeluq tal-faċilità tal-iskart, inkluż il-funzjonament u l-adegwatezza tat-tagħmir ta’ monitoraġġ, ta’ sorveljanza u ta’ kontroll, u l-irrapportar tad-data ta’ monitoraġġ kollha lill-awtorità kompetenti;

(g)

il-proċedura għan-notifika tal-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe avveniment jew żviluppi li x’aktarx jaffettwaw l-istabbiltà tal-faċilità tal-iskart, u dwar kwalunkwe effett ambjentali negattiv sinifikanti żvelat mill-proċeduri ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ rilevanti;

(h)

l-adegwatezza tal-ammont u tal-forma tal-garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha fir-rigward tal-kostijiet tal-obbligi skont dan il-permess, inklużi t-tlestija tal-arranġamenti ta’ wara l-għeluq, il-miżuri korrettivi u r-riabilitazzjoni tal-art affettwata, fejn l-awtorità kompetenti teħtieġ garanzija finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha;

(i)

il-klassifikazzjoni tal-faċilità tal-iskart bħala faċilità tal-kategorija A jew mhux faċilità tal-kategorija A;

(j)

il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra tal-permess u kwalunkwe rekwiżiti rilevanti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2006/21/KE.

PARTI E

Elementi addizzjonali għall-ispezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A

1.   Spezzjoni ta’ digi tal-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A li jkun fihom iż-żwiel

Flimkien mal-elementi rilevanti elenkati fil-Parti D, għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin mill-ispettur meta l-ispezzjoni tirrigwarda d-digi tal-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A li jkun fihom iż-żwiel:

(a)

it-tip u l-kundizzjoni tal-protezzjoni kontra l-erożjoni;

(b)

l-adegwatezza tad-disinn idroloġiku, bħall-bilanċ tal-ilma, il-bord disponibbli (id-distanza vertikali (l-għoli) bejn il-livell massimu ta’ operazzjoni normali ta’ għadira u l-quċċata tad-diga);

(c)

l-għamla, l-istat u l-integrità strutturali tal-bajja, bħall-preżenza ta’ dipressjonijiet, id-densità taż-żwiel, il-kontroll tat-trab;

(d)

il-bidliet fil-quċċata u fl-inklinazzjoni tad-diga meta jitqabbel l-istat attwali mal-istat tad-disinn;

(e)

il-funzjonament u l-kundizzjoni tas-sistema tad-drenaġġ, l-istat u l-istrutturi ġeotekniċi tagħha (bħall-ġeomembrani, digi) u t-tagħmir (bħall-monitoraġġ tal-istruttura tad-diga);

(f)

iż-żoni ta’ tnixxija, u l-ammont ta’ materjal imnixxi;

(g)

kwalunkwe ħsara identifikata;

(h)

is-siġar u l-veġetazzjoni fuq id-diga;

2.   Spezzjoni tal-arranġamenti ta’ skariku tal-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A li jkun fihom iż-żwiel

Flimkien mal-elementi rilevanti elenkati fil-Parti D, għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin mill-ispettur meta l-ispezzjoni tirrigwarda l-arranġamenti ta’ skariku tal-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A li jkun fihom iż-żwiel u l-funzjonament ta’ tali arranġamenti ta’ skariku:

(a)

l-adegwatezza tal-aċċess għal-linji ta’ skariku u għall-punti ta’ skariku;

(b)

il-ħsarat tat-tagħmir tal-kostruzzjoni u tal-kontroll;

(c)

it-tnixxija mill-arranġamenti ta’ skariku u madwarhom;

(d)

l-erożjoni tal-iżbokk downstream;

(e)

il-veġetazzjoni fl-arranġamenti ta’ skariku jew qribhom;

(f)

it-tagħmir ta’ regolazzjoni tal-iskariku;

(g)

l-arranġamenti ta’ skariku ta’ emerġenza;

(h)

il-provvista tal-enerġija ta’ riżerva;

(i)

ir-rata taż-żieda tal-iskariku fl-għadira taż-żwiel u r-rata taż-żieda tal-livell tal-għadira (imkejla f’metri/sena);

(j)

is-sistema ta’ distribuzzjoni taż-żwiel;

(k)

is-sistema tal-ġestjoni tal-ilma.

3.   Spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A li jkun fihom skart tal-ġebel

Flimkien mal-elementi rilevanti elenkati fil-Parti D, għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin mill-ispettur meta l-ispezzjoni tirrigwarda l-faċilitajiet tal-iskart tal-Kategorija A li jkun fihom skart tal-ġebel:

(a)

l-esponiment tal-blat għall-kundizzjonijiet tat-temp;

(b)

il-kwalità u l-kwantità tal-ilma tat-tnixxija;

(c)

jekk il-miżuri meħuda biex jiġu minimizzati l-impatti ambjentali tal-faċilitajiet tal-iskart tal-ġebel humiex adegwati;

(d)

il-korrettezza u l-effikaċja tal-attivitajiet ta’ tkabbir mill-ġdid abbażi tal-obbligi ġuridiċi rilevanti.


(1)  http://eippcb.jrc.ec.europa.eu/reference/BREF/jrc109657_mwei_bref_-_for_pubsy_online.pdf

(2)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).