1.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 27/6


DEĊIŻJONI (UE) 2020/138 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Jannar 2020

dwar il-ħlas fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/44 (BĊE/2020/4)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 28.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/28) (1) iddeterminat kif u sa fejn il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem “BĊNi taż-żona tal-euro”) kienu obbligati jħallsu l-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mill-1 ta’ Jannar 2019.

(2)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) issottometta n-notifika tiegħu dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data wara d-data msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 tal-Kunsill Ewropew (2). Mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropew, il-Bank of England (BoE) ma jibqax ikun bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru, u b’hekk tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/3) (3) tipprovdi għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-kapital”) skont l-Artikolu 29.3 u l-Artikolu 29.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u tistabbilixxi b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 il-ponderazzjonijiet il-ġodda allokati lill-BĊNi fl-iskema tal-kapital aġġustata (iktar ’il quddiem il-“ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital”).

(3)

L-aġġustament tal-iskema tal-kapital tal-BĊE ikkawżat mill-fatt li l-BoE ma jibqax bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru jeżiġi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/44 (BĊE/2018/28) b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, u jiddetermina kif, u sa fejn, il-BĊNi taż-żona tal-euro huma obbligati jħallsu l-kapital tal-BĊE b’effett mill-1 ta’ Frar 2020.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ammont u forma ta’ kapital sottoskritt u mħallas

1.   Meta jiġu kkunsidrati l-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/137 (BĊE/2020/3), kull BĊN taż-żona tal-euro għandu jkollu, b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, sehem mill-kapital sottoskritt fl-ammont muri ħdejn ismu fit-tabella li ġejja:

BĊN taż-żona tal-euro

EUR

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

320 744 959,47

Deutsche Bundesbank

2 320 816 565,68

Eesti Pank

24 800 091,20

Central Bank of Ireland

149 081 997,36

Bank of Greece

217 766 667,22

Banco de España

1 049 820 010,62

Banque de France

1 798 120 274,32

Banca d’Italia

1 495 637 101,77

Central Bank of Cyprus

18 943 762,37

Latvijas Banka

34 304 447,40

Lietuvos bankas

50 953 308,28

Banque centrale du Lussemburgu

29 000 193,94

Bank Ċentrali ta’ Malta

9 233 731,03

De Nederlandsche Bank

515 941 486,95

Oesterreichische Nationalbank

257 678 468,28

Banco de Portugal

206 054 009,57

Banka Slovenije

42 390 727,68

Národná banka Slovenska

100 824 115,85

Suomen Pankki

161 714 780,61

2.   Kull BĊN taż-żona tal-euro għandu jħallas is-sottoskrizzjoni sħiħa tiegħu fil-kapital tal-BĊE b’pagamenti parzjali kif stipulat fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Aġġustament tal-kapital imħallas

1.   Minħabba li kull BĊN taż-żona tal-euro diġà ħallas is-sehem sħiħ tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE kif applikabbli sal-31 ta’ Jannar 2020 taħt id-Deċiżjoni (UE) 2019/44 (BĊE/2018/28), kull wieħed minnhom għandu jittrasferixxi ammont addizzjonali lill-BĊE sabiex jasal għall-ammonti murija fit-tabella fl-Artikolu 1. Dawn it-trasferimenti għandhom isiru minn kull BĊN taż-żona tal-euro fi tliet pagamenti parzjali. L-ewwel pagament parzjali mill-BĊNi taż-żona tal-euro għandu jsir fl-1 ta’ Frar 2020, u jammonta għal total ta’ EUR 47 539 371,66. Iż-żewġ pagamenti parzjali li jifdal, li jammontaw għal totali ta’ EUR 610 088 603,17 u EUR 610 088 603,05 rispettivament, għandhom isiru fl-2021 u fl-2022.

2.   It-trasferimenti kollha li jsiru bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/5) (4).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u revoka

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

2.   Id-Deċiżjoni (UE) 2019/44 (BĊE/2018/28) hija rrevokata b’effett mill-1 ta’ Frar 2020.

3.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni (UE) 2019/44 (BĊE/2018/28) għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/61 u tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/30 (BĊE/2018/28) (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 180).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 l, 30.10.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2020/3) (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/139 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti tal-ishma tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/45 (BĊE/2020/5) (ara paġna 9 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).