16.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/156


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2148

tat-13 ta’ Diċembru 2019

dwar regoli speċifiċi li jikkonċernaw ir-rilaxx ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra mill-postijiet ta’ kwarantina u mill-faċilitajiet ta’ trażżin skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi regoli ġenerali għar-rilaxx ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra mill-postijiet ta’ kwarantina u mill-faċilitajiet ta’ trażżin, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli speċifiċi f’dan ir-rigward.

(2)

F’konformità ma’ dak ir-Regolament, il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) jew elenkati skont l-Artikoli 40(2) u (3), 41(2) u (3), 42(2) u (3), 48(1), 49(1), 53(2) u (3), u 54(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament (il-“materjal speċifikat”) jistgħu jippreżentaw riskju fitosanitarju fl-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi r-rekwiżiti għar-rilaxx sikur tal-materjal speċifikat mill-postijiet ta’ kwarantina u mill-faċilitajiet ta’ trażżin.

(3)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-materjal speċifikat jista’ jiġi rilaxxat biss mill-postijiet ta’ kwarantina u mill-faċilitajiet ta’ trażżin jekk ikun inżamm, mingħajr ebda interruzzjoni, fl-istazzjonijiet ta’ kwarantina jew fil-faċilitajiet ta’ trażżin approvati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/2031, u jkun instab ħieles minn pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, minn pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u minn pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li, għal dak il-għan, ġew applikati l-metodi xierqa skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), biex tiġi żgurata l-aktar implimentazzjoni effettiva ta’ dak ir-rekwiżit.

(4)

Billi r-Regolament (UE) 2016/2031 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, u biex jiġi żgurat li r-regoli kollha dwar il-pesti tal-pjanti jiġu applikati b’mod konsistenti, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data. Għaldaqstant, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar ir-rilaxx tal-materjal speċifikat mill-postijiet ta’ kwarantina u mill-faċilitajiet ta’ trażżin.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“materjal speċifikat” tfisser il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew elenkati skont l-Artikolu 40(2) u (3), l-Artikolu 41(2) u (3), l-Artikolu 42(2) u (3), l-Artikolu 48(1), l-Artikolu 49(1), l-Artikolu 53(2) u (3), u l-Artikolu 54(2) u (3) tiegħu;

(b)

“pesti speċifikati” tfisser pesti li l-materjal speċifikat huwa magħruf li hu suxxettibbli għalihom u li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

il-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, elenkati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(ii)

il-pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament;

(iii)

il-pesti ta’ kwarantina f’żona protetta, elenkati skont l-Artikolu 32(3) ta’ dak ir-Regolament.

(c)

“metodi” għandha tfisser il-metodi kollha skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 3

Rekwiżiti għar-rilaxx tal-materjal speċifikat

Il-materjal speċifikat jista’ jiġi rilaxxat biss mill-postijiet ta’ kwarantina u mill-faċilitajiet ta’ trażżin iddeżinjati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun inżamm biss fil-postijiet ta’ kwarantina jew fil-faċilitajiet ta’ trażżin approvati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(b)

instab ħieles minn pesti speċifikati f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 4

Metodi għad-detezzjoni ta’ pesti speċifikati fil-materjal speċifikat

1.   Il-materjal speċifikat għandu jiġi spezzjonat viżwalment u, kif applikabbli għall-bijoloġija tal-materjal u tal-pesti, jittieħed kampjun minnu u jiġi ttestjat permezz ta’ metodi xierqa għad-detezzjoni tal-preżenza ta’ pesti speċifikati. It-tali spezzjoni, teħid ta’ kampjuni u ttestjar għandhom jitwettqu fil-perjodi xierqa u għaż-żmien meħtieġ għad-detezzjoni ta’ dawk il-pesti.

2.   Minbarra r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, il-pjanti għat-tħawwil għandhom jinżammu taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti għall-ħin kollu meħtieġ abbażi tal-bijoloġija tal-pjanti, f’kundizzjonijiet li jippermettu d-detezzjoni tal-preżenza tal-pesti speċifikati jew ta’ kwalunkwe infezzjoni latenti jew asintomatika minn tali pesti, u billi jintużaw il-metodi xierqa għal dak il-għan.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).