12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/99


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2125

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, in-notifika ta’ ċerti kunsinni u miżuri li jeħtieġ jittieħdu f’każijiet ta’ nonkonformità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 45(4) u 77(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi, fost l-oħrajn il-qafas għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u fuq l-oġġetti li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiżi terzi, biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-għan li tiġi protetta saħħet il-bniedem, l-annimali u l-pjanti, il-benesseri tal-annimali, kif ukoll l-ambjent fil-kuntest tal-OĠM u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(2)

Il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, li jista’ jakkumpanja kull tip ta’ oġġetti, huwa magħruf li huwa sors ta’ introduzzjoni u tixrid ta’ pesti tal-pjanti. Forom ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam li jistgħu jservu bħala vija għall-pesti li joħolqu riskju ta’ tixrid ta’ pesti tal-pjanti fl-Unjoni jinkludu fost l-oħrajn kaxxetti tal-ippakkjar, kaxex, ċestuni, tnabar u rkiekel tal-kejbils, palits, kaxxi palits u twavel tat-tagħbija oħrajn, kullari tal-palits u bċejjeċ tal-injam, kemm jekk jintużaw fattwalment fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip kif ukoll jekk le. Il-volumi tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam li jidħol fit-territorju tal-Unjoni permezz tat-trasport huma sostanzjali.

(3)

L-Artikoli 43 u 96 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi ta’ importazzjoni għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam. L-Artikolu 77(1)(d) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi biex tivverifika l-konformità tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam ma’ dawn ir-rekwiżiti, fil-postijiet imsemmija fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, u dwar miżuri f’każijiet ta’ nonkonformità.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam li jidħol fit-territorju tal-Unjoni u sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ introduzzjoni jew tixrid ta’ pesti tal-pjanti, jenħtieġ jiġu adottati regoli li jissupplimentaw dawk fir-Regolament (UE) 2017/625 dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam u miżuri li għandhom jittieħdu f’każijiet ta’nonkonformità.

(5)

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-importazzjoni ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 ma japplikawx għal materjal li huwa soġġett għall-eżenzjonijiet stipulati fl-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 - ir-Regolamentazzjoni tal-Materjal għall-Ippakkjar mill-Injam fil-Kummerċ Internazzjonali (ISPM15). Għalhekk, tali materjal jenħtieġ ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Bil-ħsieb li jiġu identifikati kunsinni fejn ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam, li jista’ jippreżenta l-ogħla riskju fitosanitarju għat-territorju tal-Unjoni u li għaldaqstant jenħtieġ ikun soġġett għal kontrolli uffiċjali speċifiċi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġu jistabbilixxu pjan ta’ monitoraġġ ibbażat fuq approċċ tar-riskju.

(7)

Abbażi ta’ dak il-pjan ta’ monitoraġġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu kunsinni ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġu jkollhom il-possibbiltà li jirrikjedu lill-awtoritajiet doganali, fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi mill-awtoritajiet kompetenti, li jżommu kunsinni magħżula li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam sakemm jitlestew il-kontrolli uffiċjali speċifiċi.

(8)

Il-materjal għall-ippakkjar mill-injam mhuwiex inkluż fil-listi tal-oġġetti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(9)

L-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tispeċifika l-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jinnotifikaw il-wasla ta’ ċerti oġġetti li mhumiex soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u taħt liema kundizzjonijiet jagħmlu dan.

(10)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam b’mod effettiv, jenħtieġ ikunu jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jinformawhom bil-wasla ta’ kunsinni fejn ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam fi żmien raġonevoli minn qabel.

(11)

Għalhekk, il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jitolbu lill-operaturi biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jaslu tali kunsinni jenħtieġ tiġi prevista flimkien mar-regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam stabbiliti f’dan ir-Regolament. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) stabbilita u ġestita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 131(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 tista’ tintuża għal tali notifiki. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi responsabbli mill-kunsinna biex jinnotifikaw il-wasla, permezz tal-IMSOC, permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali eżistenti jew b’mod ieħor approvat mill-awtorità kompetenti, fi żmien raġonevoli minn qabel speċifikat mill-awtoritajiet kompetenti.

(12)

Id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jintuża biex jiġu rreġistrati r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi fl-IMSOC. Ir-riżultati rreġistrati tal-kontrolli uffiċjali se jipprovdu ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni rigward il-kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq materjal għall-ippakkjar mill-injam li jsiru fl-Istati Membri, bħala bażi għal aktar azzjonijiet biex it-territorju tal-Unjoni jiġi protett mit-tixrid ta’ pesti tal-pjanti.

(13)

Jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(14)

Fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tirridispaċċja materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi lejn destinazzjoni barra mill-Unjoni skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi jenħtieġ jibqa’ taħt superviżjoni doganali uffiċjali, sakemm jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ introduzzjoni ta’ pesti fl-Unjoni jew it-tixrid ta’ pesti.

(15)

Fejn jinstab materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi waqt il-verifiki fiżiċi fil-punt tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jew fil-lokal tad-destinazzjoni, tali materjal jenħtieġ jinqered minnufih, minħabba riskju ogħla għat-tixrid ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni, li ma jistax jiġi evitat b’mezzi inqas effettivi.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq materjal għall-ippakkjar mill-injam jew prodotti tal-injam (eskluż prodotti tal-karta) maħsuba biex jirfdu, jipproteġu jew iġorru komodità li tidħol fit-territorju tal-Unjoni, kemm jekk jintuża fattwalment fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip (“materjal għall-ippakkjar mill-injam”) kif ukoll jekk le, u miżuri f’każ ta’ nonkonformità.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jinnotifikaw il-wasla ta’ ċerti kunsinni li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni fejn ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam u taħt liema kundizzjonijiet għandhom jagħmlu dan.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-materjal għall-ippakkjar mill-injam imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 li jikkonċerna l-eżenzjonijiet ipprovduti skont l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 - ir-Regolamentazzjoni tal-Materjal għall-Ippakkjar mill-Injam fil-Kummerċ Internazzjonali (ISPM15).

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżviluppaw pjan ta’ monitoraġġ għall-materjal għall-ippakkjar mill-injam abbażi ta’ analiżi tar-riskju li tqis tal-anqas dan li ġej:

(a)

l-għadd u r-riżultati ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi li saru fis-snin ta’ qabel fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam li twettqu mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta’ informazzjoni mis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC);

(b)

l-istorja tal-konformità mill-pajjiż terz, mill-esportatur jew mill-operatur responsabbli għall-kunsinni, mar-Regolament (UE) 2016/2031, b’mod partikolari l-Artikolu 43(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

fejn disponibbli, informazzjoni mill-awtoritajiet doganali u minn sorsi oħra rigward l-għadd ta’ kunsinni li jidħlu fl-Unjoni li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam u l-pajjiż tal-oriġini tal-kunsinna.

Artikolu 3

Notifika tal-kunsinni

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi responsabbli għall-kunsinna biex, permezz tal-IMSOC, permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali eżistenti jew b’mod ieħor approvat mill-awtorità kompetenti, fi żmien raġonevoli minn qabel speċifikat mill-awtoritajiet kompetenti, jinnotifikaw il-wasla ta’ kunsinni li jkunu se jidħlu fit-territorju tal-Unjoni li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam.

Artikolu 4

Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu kunsinni li fihom ikun hemm il-materjal għall-ippakkjar mill-injam għall-kontrolli fiżiċi, abbażi ta’:

(a)

il-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 2;

(b)

fejn applikabbli, l-informazzjoni pprovduta fin-notifiki msemmija fl-Artikolu 3; u

(c)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fiżiċi tal-kunsinni li jkunu ntgħażlu skont il-paragrafu 1, biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-importazzjoni stipulati fl-Artikolu 43(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżiġu li l-awtoritajiet doganali, jekk jitqies meħtieġ għall-fini ta’ verifiki fiżiċi skont il-paragrafu 2 u sakemm idumu dawk il-verifiki, iżommu kunsinni magħżula li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam.

4.   Waqt it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għall-kunsinna sħiħa, b’mod li l-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 2 ikunu jistgħu jitwettqu fuq il-materjal kollu għall-ippakkjar mill-injam li jkun hemm fil-kunsinna.

5.   Fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mill-bidu taż-żamma tal-kunsinna li fiha jkun hemm il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-awtoritajiet doganali r-riżultati tal-kontrolli tal-kunsinna miżmuma.

6.   Fejn il-kontrolli fiżiċi ma jkunux jistgħu jitlestew fi żmien tlett ijiem lavorattivi mill-bidu taż-żamma tal-kunsinna li fiha jkun hemm il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet doganali biex ikomplu jżommu l-kunsinna għal tlett ijiem lavorattivi ulterjuri sabiex ilestu l-kontrolli.

F’dan il-każ, jekk ikun teknikament possibbli, l-awtorità doganali tista’ tirrilaxxa l-kunsinna jekk l-operatur responsabbli għall-kunsinna jifred il-materjal għall-ippakkjar mill-injam mill-kunsinna.

7.   Kunsinna li tkun ġiet miżmuma mill-awtoritajiet doganali skont il-paragrafu 3 għandha tiġi rilaxxata jekk, fi żmien tlett ijiem lavorattivi mill-bidu taż-żamma, l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux ippreżentaw ir-riżultati tal-verifiki skont il-paragrafu 5 jew ma jkunux talbu lill-awtoritajiet doganali biex ikomplu jżommu l-kunsinna għal tlett ijiem lavorattivi ulterjuri skont il-paragrafu 6.

Artikolu 5

Rapportar tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi

1.   Wara li jitlestew il-kontrolli uffiċjali speċifiċi skont l-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jimlew id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) bir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 56(3)(b)(i) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

jissottomettu r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam lill-IMSOC direttament jew permezz ta’ sistemi nazzjonali eżistenti; u

(c)

jinnotifikaw lill-operatur responsabbli għall-kunsinni li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam u lill-awtoritajiet doganali bir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi.

2.   Meta l-operatur responsabbli għall-kunsinna li fiha jkun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam ikun ġie nnotifikat mill-awtoritajiet kompetenti bir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi permezz ta’ CHED, l-operatur għandu jipprovdi n-numru ta’ referenza tal-CHED bħala dokument ta’ sostenn kif imsemmi fl-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ma’ kull dikjarazzjoni doganali li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali għal dik il-kunsinna.

Artikolu 6

Miżuri f’każ ta’ nonkonformità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jordnaw, skont l-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2017/625, il-qerda, ir-ridispaċċ jew it-trattament speċjali tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam li ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 43(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Madankollu, meta tali materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi jinstab waqt verifiki fiżiċi skont l-Artikolu 4 fil-punt tar-rilaxx tal-kunsinna għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jew fil-lokal tad-destinazzjoni tal-kunsinna, kif imsemmi fl-Artikolu 44(3)(c) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jordnaw lill-operatur konċernat biex jeqred il-materjal tal-ippakkjar mill-injam mingħajr dewmien. Qabel u waqt il-qerda, il-materjal għall-ippakkjar mill-injam għandu jiġi mmaniġġjat b’mod li ma jippermettix it-tixrid tal-pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

2.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jordnaw lill-operatur responsabbli għall-kunsinna biex jirridispaċċja materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi barra mill-Unjoni skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-kunsinna li fiha jkun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi għandha tibqa’ taħt superviżjoni doganali uffiċjali, skont il-proċedura doganali proprja, sakemm il-materjal tal-ippakkjar mill-injam mhux konformi jitlaq mit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE ( ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).