12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/45


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2122

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, kontrolli speċifiċi fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri u fuq kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(b), (c), (d), (e) u (f), il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 53(1) u l-punt (k) tal-Artikolu 77(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 48 tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jeżentaw ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri meta din l-eżenzjoni tkun ġustifikata. Il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli dwar il-kompiti speċifiċi ta’ kontroll uffiċjali li jwettqu l-awtoritajiet doganali jew awtoritajiet pubbliċi oħrajn fuq bagalji personali tal-passiġġieri, fejn dawk il-kompiti ma jkunux diġà fir-responsabbiltà ta’ dawk l-awtoritajiet.

(2)

Dawn ir-regoli huma sostanzjalment interkonnessi u ħafna minnhom huma maħsuba biex jiġu applikati flimkien. Fl-interess tas-sempliċità u tat-trasparenza, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u tiġi evitata multiplikazzjoni tar-regoli, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’att waħdieni u mhux f’atti differenti b’ħafna kontroreferenzi bir-riskju ta’ duplikazzjoni. Dawn ir-regoli spiss iservu finijiet komuni u jirreferu għal attivitajiet komplimentari ta’ operaturi u awtorità kompetenti. Għalhekk, huwa xieraq li dawn ir-regoli jiġu ggruppjati f’Regolament Delegat waħdieni.

(3)

Meta jiġu adottati r-regoli li jistabbilixxu l-eżenzjonijiet mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, bħalma huma l-arranġamenti xierqa għall-kontrolli, biex ikun żgurat li ma jiġġarbux riskji inaċċettabbli għas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti meta dawn l-annimali u l-oġġetti jidħlu fl-Unjoni.

(4)

Fid-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (2) diġà kien hemm l-eżenzjonijiet mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għall-prodotti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri, għall-prodotti għall-konsum tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri abbord mezz ta’ trasport li jopera internazzjonalment, u għall-prodotti mibgħuta f’kunsinni żgħar lil persuni privati. F’ġieħ iċ-ċarezza legali, u sabiex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dawk l-eżenzjonijiet, billi d-Direttiva 97/78/KE titħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019, jixraq li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar dawk l-eżenzjonijiet. Dawk l-eżenzjonijiet jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti li minkejja li jidħlu fl-Unjoni, ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

(5)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu jwettqu l-kontrolli xierqa bbażati fuq ir-riskju biex tiġi pprevenuta l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti speċijiet aljeni invażivi, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Biex tkun iffaċilitata l-promozzjoni tal-attivitajiet xjentifiċi, huwa ġġustifikat li ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti li jkunu maħsubin għal skopijiet xjentifiċi jiġu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri.

(7)

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 maħsubin għal skopijiet xjentifiċi jenħtieġ jiġu eżentati mill-verifiki identitarji u fiżiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, taħt ċertu kundizzjonijiet, billi miżuri ta’ protezzjoni adegwati jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(8)

Skont l-Artikolu 48(d) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-prodotti li jiffurmaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u li huma maħsuba għall-konsum personali jew l-użu personali tagħhom u konsenji żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq jenħtieġ jiġu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri. Fir-rigward ta’ kunsinni żgħar ta’ oġġetti li jintbagħtu lil persuni fiżiċi li ma jkunux maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq, l-Istati Membri jenħtieġu jwettqu kontrolli abbażi tar-riskju. Ir-riskju possibbli tal-introduzzjoni ta’ aġenti jew mardiet patoġeniċi fl-Unjoni tramite l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali jenħtieġ jiġu kkunsidrati fil-miżuri li jirregolaw l-introduzzjoni ta’ tali kunsinni jew prodotti.

(9)

Biex jiġi żgurat li r-riskji għas-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti jiġu minimizzati, l-Istati Membri jenħtieġu jirrieżaminaw mill-inqas darba fis-sena l-mekkaniżmi ta’ kontroll speċifiċi tagħhom u l-azzjonijiet għal oġġetti li jiffurmaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u jaġġornaw dawn il-mekkaniżmi u l-azzjonijiet kull sena wara l-istaġun ewlieni tal-ivvjaġġar.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (6) jipprevedu r-regoli dwar ċerti speċijiet ta’ annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil sidhom jew lil persuna awtorizzata waqt movimenti nonkummerċjali għal ġol-Unjoni minn pajjiżi terzi. Jenħtieġ li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv b’rabta ma’ dawn il-movimenti, filwaqt li jkun żgurat livell ta’ sikurezza suffiċjenti rigward ir-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li hemm involuti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jawtorizzaw il-moviment għal ġol-Unjoni ta’ għasafar domestiċi biss skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE (7).

(11)

L-Artikolu 48(f) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jeżentaw lill-annimali domestiċi li jinżammu għal skopijiet privati nonkummerċjali mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri. Jenħtieġ li r-regoli dwar l-eżenzjoni f’dan ir-Regolament ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu l-kontrolli uffiċjali li jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 (8).

(12)

Bl-għan li ċ-ċittadini jiġu pprovduti informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar ir-regoli li japplikaw għall-moviment nonkummerċjali għal ġol-Unjoni ta’ ċerti annimali domestiċi, l-Istati Membri jenħtieġu li jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(13)

Il-livell tar-riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ mardiet tal-annimali u ta’ aġenti patoġeniċi jvarja skont fatturi diversi, bħalma hu t-tip tal-prodott, l-ispeċi ta’ annimal li minnha nkisbu l-prodotti, u l-probabbiltà li jkun hemm preżenti aġenti patoġeniċi. Biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 (9) fih regoli komprensivi tal-Unjoni għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ mard tal-annimali u ta’ aġenti patoġeniċi. Minħabba li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli koperti mir-Regolament (KE) Nru 206/2009, dak ir-Regolament jenħtieġ jitħassar mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (10) jenħtieġ jiġi emendat fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi minn verifiki veterinarji fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera peress li s-suġġett huwa kopert minn dan ir-Regolament.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-każijiet fejn ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti jkunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir dan, u l-każijiet fejn ċerti kompiti speċifiċi tal-kontroll ikunu jistgħu jitwettqu fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri mill-awtoritajiet doganali jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra, u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jagħmlu dan, sakemm dawk il-kompiti ma jaqgħux diġà fir-responsibbilità ta’ dawk l-awtoritajiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi” tfisser kampjuni ta’ riċerka u ta’ dijanjożi kif definit fil-punt 38 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(2)

“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(3)

“prodotti tas-sajd friski” tfisser prodotti tas-sajd friski kif definit fil-punt 3.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(4)

“prodotti tas-sajd preparati” tfisser prodotti tas-sajd preparati kif definit fil-punt 3.6 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(5)

“prodotti tas-sajd proċessati” tfisser prodotti tas-sajd proċessati kif definit fil-punt 7.4 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(6)

“annimal domestiku” tfisser annimal domestiku kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(7)

“moviment nonkummerċjali” tfisser il-moviment mhux kummerċjali kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(8)

“ikel għall-annimali domestiċi” tfisser l-ikel għall-annimali domestiċi kif definit fil-punt (19) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Artikolu 3

Annimali maħsubin għal skopijiet xjentifiċi

1.   L-invertebrati maħsuba għal skopijiet xjentifiċi bħar-riċerka, attivitajiet edukattivi jew riċerka b’rabta mal-iżvilupp ta’ prodotti għandhom ikunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri minbarra l-kontrolli li jitwettqu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, dment li:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ saħħa tal-annimali stabbiliti fir-regoli msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

id-dħul tagħhom fl-Unjoni jkun awtorizzat minn qabel għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni;

(c)

meta jkunu twettqu l-attivitajiet b’rabta mal-iskopijiet xjentifiċi, l-annimali u l-prodotti dderivati minnhom, minbarra l-kwantitajiet li jkunu ntużaw għall-iskopijiet xjentifiċi, għandhom jintremew jew jiġu ridispaċċjati lejn il-pajjiż terz minn fejn oriġinaw.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għan-naħal tal-għasel (Apis mellifera), għan-naħal bagħli (Bombus spp), għall-molluski tal-filu Mollusca u l-krustaċji tas-sottofilu Crustacea.

Artikolu 4

Kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi

1.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tkun ħarġet lill-utent tal-kampjuni awtorizzazzjoni minn qabel għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 u din l-awtorizzazzjoni tkun irreġistrata f’dokument uffiċjali mogħti minn dik l-awtorità;

(b)

dawn ikunu akkumpanjati mid-dokument uffiċjali msemmi fil-punt (a) jew minn kopja tiegħu sakemm dawn jaslu għand l-utent imsemmi fil-punt (a) jew, fil-każ imsemmi fil-punt (c), il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul;

(c)

fil-każ li jidħlu fl-Unjoni minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, l-operatur jippreżenta l-kampjuni f’post tal-kontroll fuq il-fruntiera.

2.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(c), l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandha tinforma permezz tal-IMSOC lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-kampjuni.

Artikolu 5

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn maħsubin għal skopijiet xjentifiċi

1.   Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn huma eżentati mill-verifiki identitarji u fiżiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għajr il-kontrolli li jitwettqu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, dment li jkunu maħsubin għal skopijiet xjentifiċi skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

2.   L-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna għandha twettaq il-verifiki dokumentarji fuq l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’każ ta’ nonkonformità identifikata jew suspettata, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tista’ twettaq il-verifiki identitarji u fiżiċi fuq il-kunsinna jew titlob li dawn il-verifiki jitwettqu mill-persuna responsabbli mill-istazzjon tal-kwarantina jew mill-faċilità ta’ konfinament li tkun ġiet deżinjata mill-awtorità kompetenti.

3.   Jekk l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna titlob verifiki identitarji u fiżiċi li jridu jitwettqu mill-persuna responsabbli mill-istazzjon ta’ kwarantina jew mill-faċilità ta’ konfinament li tkun ġiet deżinjata mill-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna għandha tinforma, permezz tal-IMSOC, lill-awtorità kompetenti tal-istazzjon ta’ kwarantina jew tal-faċilità ta’ konfinament, bir-riżultati tal-verifiki dokumentarji u bit-tluq sussegwenti tal-kunsinna lejn l-istazzjon ta’ kwarantina jew il-faċilità ta’ konfinament. L-awtorità kompetenti tal-istazzjoni ta’ kwarantina jew tal-faċilità ta’ konfinament għandha tinforma permezz tal-IMSOC lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna bil-wasla tal-kunsinna fl-istazzjon ta’ kwarantina jew fil-faċilità ta’ konfinament. L-awtorità kompetenti tal-istazzjon ta’ kwarantina jew tal-faċilità ta’ konfinament għandha twettaq verifiki identitarji u fiżiċi.

Artikolu 6

Prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti abbord mezzi tat-trasport li joperaw internazzjonalment li ma jitħattewx u li jkunu maħsubin għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri

1.   Il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

ikunu maħsubin għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri abbord mezzi tat-trasport li joperaw internazzjonalment; u

(b)

ma jitħattux fit-territorju tal-Unjoni.

2.   It-trasferiment dirett tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 li jitħattu f’port minn mezz tat-trasport li jopera internazzjonalment għal fuq mezz ieħor tat-trasport li jopera internazzjonalment fl-istess port huwa eżentat mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

isir b’konformità mal-qbil tal-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera; u

(b)

isir taħt superviżjoni doganali.

3.   L-operatur responsabbli mill-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistaqsu għall-qbil imsemmi fil-paragrafu 2(a) qabel it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti minn mezz wieħed tat-trasport li jopera internazzjonalment għal mezz ieħor ta’ trasport li jopera internazzjonalment.

Artikolu 7

Oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u jkunu maħsubin għall-konsum jew l-użu personali

Il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, prodotti komposti, prodotti dderivati mill-prodotti sekondarji tal-annimali, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u li jkunu maħsubin għall-konsum jew l-użu personali huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li jkunu f’mill-inqas waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-oġġetti elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 2 kg;

(b)

prodotti tas-sajd evixxerati friski jew prodotti tas-sajd preparati, jew prodotti tas-sajd proċessati, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 20 kg jew il-piż ta’ ħuta waħda, skont liema jkun l-itqal piż;

(c)

oġġetti oħrajn li mhumiex imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu u għajr dawk imsemmija fil-Parti 2 tal-Anness I, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 2 kg;

(d)

pjanti, għajr dawk għat-tħawwil, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn;

(e)

oġġetti, għajr il-pjanti għat-tħawwil, li jkunu ġejjin minn Andorra, mill-Iżlanda, min-Norveġja, minn San Marino jew mill-Iżvizzera;

(f)

prodotti tas-sajd ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland;

(g)

oġġetti, għajr il-pjanti għat-tħawwil u l-prodotti tas-sajd, ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 10 kg.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar l-oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u jkunu intiżi għall-konsum jew l-użu personali

1.   Fil-punti tad-dħul fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom juru l-informazzjoni fuq wieħed mill-posters msemmija fl-Anness II, għallinqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru bl-introduzzjoni fl-Unjoni, li jitqiegħdu f’postijiet faċilment viżibbli għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ żżid mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 informazzjoni oħra, inkluż:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Anness III;

(b)

informazzjoni addatta għall-kundizzjonijiet lokali.

3.   L-operaturi tat-trasport internazzjonali għall-passiġġieri, fosthom l-operaturi tal-ajruporti, tal-portijiet u ferrovjarji u l-aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom:

(a)

jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti tagħhom lejn ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 u f’dan l-Artikolu, b’mod partikolari billi jipprovdulhom l-informazzjoni stipulata fl-Annessi II u III;

(b)

jaċċettaw li l-awtorità kompetenti turi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fil-binjiet tagħhom f’postijiet prominenti fejn jidhru faċilment għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

Artikolu 9

Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq oġġetti li jifformaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri

1.   Għall-oġġetti li jifformaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali, jew awtoritajiet pubbliċi responsabbli oħrajn, b’kooperazzjoni mal-operaturi tal-portijiet, tal-ajruporti u ferrovjarji responsabbli minn punti ta’ dħul oħrajn, għandhom jorganizzaw kontrolli uffiċjali speċifiċi fil-punti tad-dħul fl-Unjoni. Dawn il-kontrolli uffiċjali speċifiċi għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskji u effettivi.

2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom:

(a)

b’mod partikolari jimmiraw li jiddetettaw il-preżenza ta’ oġġetti msemmijin fl-Artikolu 7;

(b)

jimmiraw li jivverifikaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ikunu ssodisfati; u

(c)

li jitwettqu bil-mezzi adatti, li jistgħu jinkludu tagħmir tal-iskannjar jew klieb ta’ detezzjoni imħarrġin apposta, biex jiġu eżaminati volumi kbar ta’ oġġetti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali, jew awtoritajiet pubbliċi responsabbli oħrajn, li jwettqu kontrolli uffiċjali speċifiċi għandhom:

(a)

jimmiraw li jidentifikaw l-oġġetti li ma jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7;

(b)

jiżguraw li l-oġġetti nonkonformi jiġu kkonfiskati u jinqerdu f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u, fejn applikabbli, f’konformità mal-Artikoli 197 sa 199 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(c)

jirrieżaminaw, mill-inqas darba fis-sena u qabel l-1 ta’ Ottubru, il-mekkaniżmi u l-azzjonijiet tagħhom applikati, jistabbilixxu l-livell ta’ konformità milħuq, u, fuq bażi tar-riskji, jadattaw dawk il-mekkaniżmi u azzjonijiet fejn neċessarju, biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

4.   Ir-rieżami msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3 għandu jiżgura li r-riskji għas-saħħa pubblika, għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa tal-pjanti jiġu minimizzati.

Ir-rieżami għandu jqis:

(a)

id-data miġbura dwar l-għadd approssimattiv tal-kunsinni li jkunu jiksru r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7;

(b)

l-għadd ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi li jkunu twettqu;

(c)

l-għadd totali kkwantifikat tal-kunsinni konfiskati u meqruda li jkunu nstabu fil-bagalji personali tal-passiġġieri u li ma kinux konformi mal-Artikolu 7; u

(d)

kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra.

Artikolu 10

Kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsubin biex jitqiegħdu fis-suq

1.   Kunsinni żgħar ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali, prodotti komposti, prodotti dderivati mill-prodotti sekondarji tal-annimali, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn mibgħuta lil persuni fiżiċi, li ma jkunux maħsubin għat-tqegħid fis-suq, huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li jaqgħu tal-inqas f’waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq dawk l-oġġetti f’konformità mal-Artikolu 9.

3.   Is-servizzi postali għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti tagħhom lejn ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1, b’mod partikolari billi jipprovdulhom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 11

Annimali domestiċi

L-annimali domestiċi li jidħlu fl-Unjoni f’moviment nonkummerċjali huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għajr il-kontrolli uffiċjali li jitwettqu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, u għajr il-kontrolli uffiċjali li jitwettqu biex tiġi vverifikata l-konformità mal-Artikolu 57(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006, kif ġej:

(a)

l-annimali tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 li:

(i)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, u li jkunu qed jinġarru minn territorju jew pajjiż terz elenkat fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, dment li jsirulhom il-verifiki dokumentarji u identitarji skont l-Artikolu 33, u, fejn applikabbli, isirulhom il-verifiki standard għal għarrieda skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013; jew

(ii)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 u li jkunu qed jinġarru minn territorju jew pajjiż terz elenkat fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, dment li jsirulhom il-verifiki dokumentarji u identitarji skont l-Artikolu 34, u, fejn applikabbli, isirulhom il-verifiki standard għal għarrieda skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013; jew

(iii)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, dment li jsirulhom il-verifiki skont il-permess imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-Regolament u skont ir-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-Regolament; jew

(iv)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, dment li jsirulhom il-verifiki skont il-permess imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

l-għasafar elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 dment li:

(i)

il-moviment tagħhom ikun ġie awtorizzat mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2007/25/KE; u

(ii)

isirulhom il-verifiki veterinarji f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2007/25/KE;

(c)

l-għasafar elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 li jiddaħħlu fl-Unjoni minn Andorra, mill-Gżejjer Faeroe, minn Greenland, mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, minn Monaco, min-Norveġja, mill-Iżvizzera u mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan;

(d)

l-annimali tal-ispeċijiet għajr l-għasafar, elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

Artikolu 12

Informazzjoni dwar l-annimali domestiċi

1.   Fil-punti tad-dħul fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom juru l-informazzjoni fil-posters imsemmija fl-Anness IV, tal-anqas f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-introduzzjoni fl-Unjoni, b’avviżi prominenti li jitqiegħdu f’postijiet faċilment viżibbli għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

2.   L-operaturi tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, inkluż operaturi tal-ajruporti, tal-portijiet u operaturi ferrovjarji għandhom jaċċettaw li l-awtorità kompetenti turi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-binjiet tagħhom f’postijiet faċilment viżibbli għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

Artikolu 13

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 206/2009

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 206/2009 qed jitħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

2.   Ir-referenzi għall-att imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni mogħtija fl-Anness V.

Artikolu 14

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 142/2011

L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 142/2011, il-paragrafu 2 jitħassar.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità, ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal-4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta’ Marzu 2009 dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ kunsinni personali ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 136/2004 (ĠU L 77, 24.3.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ANNESS I

PARTI 1

Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 7(a)

1.

Ħalib tat-trab għat-trabi, ikel għat-trabi u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti:

(i)

ma jkollhomx bżonn refriġerazzjoni qabel ma jinfetħu;

(ii)

ikunu prodotti ta’ marka proprjetarja ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur aħħari; u

(iii)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

2.

Ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet relatati mas-saħħa bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti:

(i)

ikunu intenzjonati għall-annimal domestiku li qed jakkumpanja l-passiġġier;

(ii)

tajbin biex jinħażnu;

(iii)

ikunu prodotti ta’ marka proprjetarja ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur aħħari; u

(iv)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

PARTI 2

Lista ta’ oġġetti li mhumiex eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri kif previst fl-Artikolu 7(c)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (1)

Deskrizzjoni

Kwalifikazzjoni u spjegazzjoni

ex Kapitolu 2

(0201-0210)

Laħam u ġewwieni li jittiekel

Kollu ħlief is-saqajn taż-żrinġijiet (Kodiċi NM 0208 90 70 )

0401-0406

Prodotti tal-ħalib

Kollha

ex 0504 00 00

Imsaren, bżieżaq u stonkijiet tal-annimali (għajr tal-ħut), sħaħ jew bċejjeċ minnhom, friski, imkessħin, friżati, immelħin, fis-salmura, imnixxfin jew affumikati

Kollha, ħlief il-kontenituri

0511

Prodotti tal-annimali mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; annimali mejta tal-Kapitoli 1 jew 3 tat-Taqsima 1 tal-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem

Ikel għall-annimali domestiċi biss

1501 00

Grass tal-majjal (inkluż ix-xaħam) u grass tat-tjur, ħlief dak tal-intestatura 0209 jew 1503

Kollha

1502 00

Grass ta’ annimali tal-ifrat, nagħaġ u mogħoż, ħlief dawk tal-intestatura 1503

Kollha

1503 00

Stearina tax-xaħam, żejt tax-xaħam, oleostearina u żejt tax-xaħam tad-dam, mhux emulsifikati jew imħalltin jew preparati b’xi mod ieħor

Kollha

1506 00 00

Xaħam u żjut oħrajn tal-annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

Kollha

1601 00

Zalzett u prodotti simili, ta’ laħam, fdal tal-laħam jew demm; preparazzjonijiet tal-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti

Kollha

1602

Laħam ippreparat jew ippriżervat, fdal tal-laħam jew demm ieħor

Kollha

1702 11 00

1702 19 00

Laktows u ġulepp tal-laktows

Kollha

ex1901

Estratt tax-xgħir; preparazzjonijiet tal-ikel tad-dqiq, groats (xgħir u barli mitħun oħxon), pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir, ma fihomx kawkaw jew fihom inqas minn 40 % skont il-piż kawkaw ikkalkulat fuq bażi totalment mingħajr xaħam, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra; preparazzjonijiet tal-ikel ta’ prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404,li ma jkunx fihom kawkaw jew ikun fihom inqas minn 5 % tal-piż tagħhom magħmul mill-kawkaw, ikkalkulat fuq bażi totalment mingħajr xaħam, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 1902

Għaġin, imsajjar jew le jew mimli (bil-laħam jew sustanzi oħrajn) jew ippreparat mod ieħor, bħal spagetti, imqarrun, taljarini (noodles), lasanji, injokki, ravjul, kannelloni; kuskus, ippreparat jew le

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 1905

Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, kemm jekk fihom il-kawkaw kif ukoll jekk le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalità li huma tajbin għall-użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), karta tar-ross u prodotti simili

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2004

Ħxejjex oħrajn, ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, iffriżati, ħlief il-prodotti tal-intestatura 2006 (2)

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2005

Ħxejjex oħrajn, ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, mhux iffriżati, ħlief il-prodotti tal-intestatura 2006

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2103

Zlazi u preparazzjonijiet tagħhom; kondimenti mħalltin u ħwawar imħalltin; dqiq u pasta tal-mustarda u mustarda ppreparata

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2104

Sopop u brodi u preparazzjonijiet tagħhom; preparazzjonijiet tal-ikel komposti omoġenizzati

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2105 00

Ġelati u silġ ieħor tajjeb għall-ikel, kemm jekk fihom il-kawkaw kif ukoll jekk le

Preparazzjonijiet li fihom il-ħalib, biss

ex 2106

Preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2309

Preparazzjonijiet ta’ kwalità użata għall-għalf tal-annimali

Ikel għall-annimali domestiċi, il-magħda tal-klieb u taħlitiet ta’ ikel li fihom il-laħam u/jew il-ħalib

Noti:

1.

Il-kolonna 1: Meta ċerti prodotti biss li jidħlu taħt xi kodiċi jkollhom bżonn jiġu eżaminati, u ma tkunx teżisti subdiviżjoni speċifika taħt dan il-kodiċi fin-nomenklatura tal-oġġetti, il-kodiċi huwa mmarkata b’“ex” (eż. ex 19 01: iridu jkunu inklużi biss il-preparazzjonijiet li fihom il-laħam u/jew il-ħalib).

2.

Il-kolonna 2: Id-deskrizzjoni tal-prodotti hija kif stabbilita fil-kolonna tad-deskrizzjonijiet tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

3.

Il-kolonna 3: Din il-kolonna tagħti d-dettalji dwar il-prodotti koperti.


(1)  L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1)

(2)  Intestatura 2006 tgħid hekk: “Ħxejjex, frott, ġewż, qoxra tal-frott u partijiet oħrajn ta’ pjanti, ippreservati biz-zokkor (ixxuttati, glasè jew mgħasslin)”.


ANNESS II

Posters msemmija fl-Artikolu 8(1)

Il-posters jinsabu hawn:

https://ec.europa.eu/food/animals/animalproducts/personal_imports_en

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4


ANNESS III

Informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(2)

Image 5

Tħallix il-mard infettiv jidħol fl-UE!

Il-prodotti tal-annimali jistgħu jkunu qed iġorru l-patoġeni li jikkawżaw mard infettiv

Minħabba r-riskju li jiddaħħal il-mard fl-Unjoni Ewropea (UE), jeżistu proċeduri stretti dwar l-introduzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-annimali fl-UE. Dawn il-proċeduri ma japplikawx għall-movimenti tal-prodotti tal-annimali bejn l-Istati Membri tal-UE, jew għall-prodotti tal-annimali li jiġu fi kwantitajiet żgħar għal konsum personali minn Andorra, mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja, minn San Marino u mill-Iżvizzera.

Il-prodotti tal-annimali kollha li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-regoli għandhom jiċċedew mal-wasla fl-UE, biex jintremew b’mod uffiċjali. Jekk ma tiddikjarax l-oġġetti li jkollok ta’ dan it-tip, tista’ ġġarrab multa jew prosekuzzjoni kriminali.

L-oġġetti li ġejjin ma għandhomx jiddaħħlu fl-UE, sakemm il-kwantità totali tal-oġġetti elenkati fil-punti 2, 3 u 5 ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 2 kg kull persuna.

Fil-każ ta’ oġġetti li jiġu mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, il-kwantità totali tal-oġġetti elenkati fil-punti 1, 2, 3 u 5 ma għandhiex taqbeż il-limitu fil-piż ta’ 10 kg kull persuna.

1. Kwantitajiet żgħar ta’ laħam u ħalib u l-prodotti tagħhom (għajr il-ħalib tat-trab għat-trabi, l-ikel għat-trabi, u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi jew ikel għall-annimali domestiċi meħtieġa għal raġunijiet mediċi)

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni ta’ laħam u ta’ ħalib u l-prodotti minnhom (għajr il-ħalib tat-trab għat-trabi, l-ikel għat-trabi, u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi jew ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet mediċi) dment li jkunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u li l-piż tagħhom ma jkunx aktar minn 10 kg kull persuna.

2. Ħalib tat-trab għat-trabi, ikel għat-trabi u ikel speċjali li jkun meħtieġ għal raġunijiet mediċi

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ ħalib tat-trab għat-trabi, ta’ ikel għat-trabi, u ta’ ikel speċjali li jkun meħtieġ għal raġunijiet mediċi dment li:

ikunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 10 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża

ikunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn (għajr il-Gżejjer Faeroe jew Greenland), u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 2 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

3. Ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa dment li:

ikunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 10 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża

ikunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn (għajr il-Gżejjer Faeroe jew Greenland), u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 2 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

4. Kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tas-sajd għall-konsum personali mill-bniedem

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ prodotti tas-sajd (fosthom ħut frisk, imnixxef, imsajjar, ippriżervat jew affumikat, u ċertu frott tal-baħar bħalma huma l-gambli, l-awwisti, il-maskli mejta u l-gajdri mejta) dment li:

il-ħut frisk ikun evixxerat,

il-piż tal-prodotti tas-sajd ma jkunx itqal minn 20 kg għal kull persuna, jew il-piż ta’ ħuta waħda, liema minn dawn tkun l-itqal.

Dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-prodotti tas-sajd mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland.

5. Kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tal-annimali oħrajn għall-konsum personali mill-bniedem

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss prodotti tal-annimali oħrajn, bħal, pereżempju, l-għasel, il-gajdri ħajjin, il-maskli ħajjin u l-bebbux, dment li:

ikunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u l-piż totali tagħhom ma jkunx itqal minn 10 kg kull persuna,

ikunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn (għajr il-Gżejjer Faeroe jew Greenland), u li l-piż totali tagħhom ma jkunx itqal minn 2 kg kull persuna.

Ta’ min wieħed jinnota li fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tal-annimali minn diversi mill-ħames kategoriji li ssemmew hawn fuq (fil-paragrafi 1 sa 5) dment li jikkonformaw mar-regoli spjegati f’kull wieħed mill-paragrafi rilevanti.

6. Kwantitajiet kbar ta’ prodotti tal-annimali

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kwantitajiet kbar ta’ prodotti tal-annimali jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-kunsinni kummerċjali, li jinkludu:

ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni, kif stipulat fiċ-ċertifikat uffiċjali tal-KE proprju,

il-preżentazzjoni tal-oġġetti, flimkien mad-dokumentazzjoni korretta, f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-UE, mal-wasla fl-UE.

7. Il-prodotti eżentati

Il-prodotti li ġejjin huma eżenti mir-regoli stipulati fil-punti 1 sa 6:

il-ħobż, il-kejkijiet, il-gallettini, il-waffles u l-wejfers, il-biskuttelli, il-ħobż mixwi u prodotti simili mixwijin li jkun fihom inqas minn 20 % ta’ prodotti pproċessati tal-ħalib u tal-bajd u jkunu ttrattati kif previst fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (1);

ċikkulati u dolċerija (li jinkludi l-ħelu) li jkun fihom inqas minn 50 % ta’ prodotti pproċessati tal-ħalib u tal-bajd u jkunu ttrattati kif previst fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE;

supplimenti tal-ikel, għajr il-prodotti tal-laħam, ippakkjati għall-konsumatur aħħari li jkun fihom ammonti żgħar (total ta’ inqas minn 20 %) ta’ prodotti tal-annimali pproċessati (fosthom il-glukożammina, il-kondrojtina jew il-kitosan, jew il-kondrojtina u l-kitosan);

iż-żebbuġ mimli bil-ħut;

għaġin u taljarini li ma jkunux imħalltin ma’ prodotti tal-laħam jew mimlijin bil-prodotti tal-laħam, li jkun fihom inqas minn 50 % ta’ prodotti pproċessati tal-ħalib u tal-bajd u jkunu ttrattati kif previst fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE;

stokkijiet tas-sopop u taħwir ippakkjati għall-konsumatur aħħari, li jkun fihom inqas minn 50 % żjut tal-ħut, dqiq tal-ħut jew estratti tal-ħut, u li jkunu ttrattati kif stipulat fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9).


ANNESS IV

Poster msemmi fl-Artikolu 12

Il-poster jinsab hawn:

https://ec.europa.eu/food/animals/pet-movement/poster-diseases-dont-respect-borders_en

Image 6


ANNESS V

Tabella ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 206/2009

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 1(3)

L-Artikolu 1(4)

L-Artikolu 2(1)(a)

L-Artikolu 2(1)(b)

L-Artikolu 2(1)(c)

L-Artikolu 2(1)(d)

L-Artikolu 2(2)(a)

L-Artikolu 2(2)(b)

L-Artikolu 2(3)

L-Artikolu 3(1)

L-Artikolu 3(2)

L-Artikolu 3(3)

L-Artikolu 3(4)(a)

L-Artikolu 3(4)(b)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 5(2)

L-Artikolu 5(3)

L-Artikolu 6(1)(a)

L-Artikolu 6(1)(b)

L-Artikolu 6(2)

L-Artikolu 6(3)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikolu 9

L-Artikolu 10

L-Artikolu 11

Il-Parti 1 tal-Anness I

Il-Parti 2 tal-Anness I

Il-Parti 1 tal-Anness II

Il-Parti 2 tal-Anness II

L-Anness III

L-Anness IV

L-Anness V

L-Anness VI

L-Anness VII

__

L-Artikolu 7(e) u (f) u l-Artikolu 10(1)

__

__

__

L-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 7(b) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 7(c) u l-Artikolu 10(1)

__

L-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(2)

L-Artikolu 8(1)

__

L-Artikolu 8(3)(a) u l-Artikolu 10(3)

L-Artikoli 9(1) u 10(2)

L-Artikolu 9(2)(a) u (b) u l-Artikolu 10(2)

L-Artikolu 9(2)(c) u l-Artikolu 10(2)

L-Artikolu 9(3)(a) u l-Artikolu 10(2)

L-Artikolu 9(3)(b) u l-Artikolu 10(2)

__

__

__

__

__

__

__

Il-Parti 2 tal-Anness I

Il-Parti 2 tal-Anness I

Il-punt (1) tal-Parti 1 tal-Anness I

Il-punt (2) tal-Parti 1 tal-Anness I

L-Anness II

L-Anness III

__

__

__