29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/58


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1978

tas-26 ta’ Novembru 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tal-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 (2) jipprevedi li l-President tal-Komunità tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”) jista jippermetti l-għamliet alternattivi ta’ ħlas tal-piżijiet u tal-imposti miżjuda u jistabbilixxi lista ta’ dawk l-għamliet alternattivi. Sabiex tiżdied il-flessibbiltà u jiġu ssimplifikati l-proċessi, huwa xieraq li tali lista ta’ għamliet alternattivi ta’ ħlas tiġi inkluża fir-regoli dwar il-metodi ta’ tħaddim stabbiliti mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju abbażi tal-Artikolu 36(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94.

(2)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jistabbilixxi d-data li trid titqies bħala d-data li fiha jiġi riċevut il-ħlas. Abbażi tal-esperjenza fl-ipproċessar tal-ħlasijiet, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-ammont sħiħ tat-trasferiment irid jiddaħħal f’kont bankarju miżmum mill-Uffiċċju biex jiġi żgurat li ma jeżistu l-ebda obbligi pendenti lejn l-Uffiċċju.

(3)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jirrikjedi li l-persuna li tagħmel ħlas lill-Uffiċċju, tindika bil-kitba isimha u l-iskop tal-ħlas. Jekk l-iskop tal-ħlas ma jistax jiġi stabbilit, l-Uffiċċju jibgħat tfakkira fi żmien xahrejn. Sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-ħlasijiet, jenħtieġ li din l-iskadenza titnaqqas minn xahrejn għal xahar.

(4)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jistabbilixxi t-tariffa fuq l-applikazzjoni. Sabiex jitħeġġeġ l-użu tas-sistema elettronika ta’ applikazzjoni online tal-Uffiċċju, it-tariffa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet b’mezzi oħra, bħal applikazzjonijiet stampati, jenħtieġ li tiżdied minn EUR 650 għal EUR 800. Barra minn hekk, l-esperjenza prattika wriet li l-użu tas-sistema elettronika ta’ applikazzjoni online jsir aktar effiċjenti jekk ikun ikkumplimentat bl-użu obbligatorju tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni mingħajr karti tal-Uffiċċju għal kwalunkwe skambju ulterjuri mal-Uffiċċju.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95, l-Uffiċċju jrid iżomm EUR 150 mit-tariffa fuq l-applikazzjoni jekk l-applikazzjoni ma tkunx valida skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li ssir rifużjoni tat-tariffa kollha fuq l-applikazzjoni.

(6)

B’rabta mat-tariffa annwali, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jistabbilixxi li l-Uffiċċju ma jirrifondi l-ebda ħlas li jkun ġie effettwat sabiex jinżamm fis-seħħ id-dritt Komunitarju għall-varjeta tal-pjanti. L-esperjenza wriet li, sabiex tittejjeb it-trasparenza, tista’ tiġi pprovduta rifużjoni jekk l-Uffiċċju jkun irċieva rinunzja bejn id-data tal-ħlas u l-anniversarju tad-data tal-għotja.

(7)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jistabbilixxi l-livell tat-tariffi għall-organizzazzjoni u t-twettiq tal-eżami tekniku ta’ varjetà li hija s-suġġett ta’ applikazzjoni għal dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (“it-tariffa fuq l-eżami”), li jridu jitħallsu lill-Uffiċċju.

(8)

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju ddeċieda li jsegwi l-prinċipju tal-irkupru ta’ 100 % tal-ispejjeż sabiex l-uffiċċji tal-eżamijiet jiġi rimborżat abbażi tal-ispejjeż reali medji tal-eżamijiet.

(9)

Barra minn hekk, l-esperjenza bl-eżamijiet tekniċi turi li t-tariffi fuq l-eżamijiet jistgħu jinbidlu maż-żmien għal ċerti gruppi ta’ spiża. Għaldaqstant, jenħtieġ li t-tariffi mitluba mill-Uffiċċju jirriflettu l-ammont totali tat-tariffi għall-gruppi ta’ spiża rispettivi li l-Uffiċċju jrid iħallas lill-Uffiċċji tal-Eżamijiet. Għaldaqstant, it-tariffi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jenħtieġ li jiġu modifikati għall-gruppi ta’ spiża kollha kkonċernati.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1238/95 jiġi emendat skont dan.

(11)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ April 2020 sabiex jippermetti biżżejjed żmien għall-Uffiċċju u għall-partijiet ikkonċernati biex jadattaw għal dawk l-emendi.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President tal-Uffiċċju jista jippermetti għamliet alternattivi ta’ ħlas f’konformità mar-regoli dwar il-metodi ta’ tħaddim li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 36(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94.”

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-data li fiha l-ħlas ta’ tariffi u ta’ imposti miżjuda għandhom jitqiesu li ġew rċevuti mill-Uffiċċju, għandha tkun id-data li fiha l-ammont sħiħ tat-trasferiment imsemmi fl-Artikolu 3(1) jiddaħħal f’kont bankarju miżmum mill-Uffiċċju.”

(3)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Jekk l-Uffiċċju ma jistax jistabilixxi l-iskop tal-ħlas, għandu jeżiġi li l-persuna li tkun għamlet il-ħlas tinformah b’dan bil-miktub fi żmien xahar. Jekk l-iskop ma jiġix indikat f’dak il-perjodu taż-żmien, il-ħlas għandu jitqies li ma jkunx sar u għandha ssir rifużjoni tiegħu lill-persuna li tkun għamlitu.”

(4)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-applikant għal Dritt ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità (l-applikant) għandu jħallas tariffa ta’ EUR 450 għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ppreżentata u sottomessa b’mezzi elettoniċi mill-formola fuq il-web, li ssir mis-sistema ta’ applikazzjoni online tal-Uffiċċju.

L-applikant għandu jaċċetta t-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ użu tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika sikura miżmuma mill-Uffiċċju u għandu juża dik il-pjattaforma biex jissottometti l-applikazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u dokumenti oħra, biex jirċievi n-notifiki u d-dokumenti mibgħuta mill-Uffiċċju, biex iwieġeb għat-tali notifiki u biex iwettaq azzjonijiet oħra.

L-applikant għandu jħallas tariffa ta’ EUR 800 għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni sottomessa b’mezzi oħra li ma jinkludux is-sistema ta’ applikazzjoni online tal-Uffiċċju.”

(b)

Il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta titħallas it-tariffa fuq l-applikazzjoni iżda l-applikazzjoni ma tkunx valida skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Bażiku, l-Uffiċċju għandu jagħti rifużjoni tat-tariffa fuq l-applikazzjoni meta javża lill-applikant bin-nuqqasijiet li jkunu nstabu fl-applikazzjoni.”

(5)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Uffiċċju ma għandux jagħti rifużjoni ta’ pagamenti fir-rigward tat-tariffa annwali li jkunu ġew effettwati sabiex iżomm fis-seħħ id-dritt ta' varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, sakemm l-Uffiċċju ma jkunx irċieva rinunzja tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità bejn id-data tal-ħlas u l-anniversarju tad-data mogħtija kif speċifikata taħt il-punt (b) tal-paragrafu 2. Ir-rinunzji li jaslu wara l-anniversarju tad-data mogħtija ma għandhomx jitqiesu għal dawn il-ħlasijiet.”

(6)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 121, 1.6.1995, p. 31).


ANNESS

“ANNESS I

It-tariffi fuq l-eżami tekniku kif imsemmi fl-Artikolu 8

It-tariffa li trid titħallas fuq l-eżami tekniku ta’ varjetà skont l-Artikolu 8 għandha tiġi determinata f’konformità mat-tabella:

(f’EUR)

 

Grupp ta’ spiża

Tariffa

Grupp agrikolu

1

Patata

2 050

2

Żrieragħ tal-kolza

2 150

3

Ħaxix

2 920

4

Speċijiet agrikoli oħrajn

1 900

Grupp tal-frott

5

Tuffieħ

3 665

6

Frawli

3 400

7

Speċijiet ta’ frott oħrajn

3 460

Grupp ornamentali

8

Pjanti ornamentali b’kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fis-serra

2 425

9

Pjanti ornamentali b’kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fil-beraħ

2 420

10

Pjanti ornamentali mingħajr kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fis-serra

2 400

11

Pjanti ornamentali mingħajr kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fil-beraħ

2 200

12

Pjanti ornamentali, kundizzjonijiet fitosanitarji speċjali

3 900

Grupp tal-ħxejjex agrikoli

13

Ħxejjex agrikoli, test fis-serra

2 920

14

Ħxejjex agrikoli, test fil-beraħ

2 660